Skrittura
1 Nefi 8


Kapitlu 8

Leħi jara dehra tas‑siġra tal‑ħajja—Hu jiekol mill‑frott tagħha u jkollu x‑xewqa li l‑familja tiegħu tagħmel l‑istess—Hu jara virga tal‑ħadid, mogħdija stretta u dejqa, u ċ‑ċparijiet tad‑dlam li jgħattu lill‑bnedmin—Sarija, Nefi, u Sam jieklu mill‑frott, iżda Laman u Lemwel jirrifjutaw. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li aħna ġbarna flimkien kull xorta ta’ żerriegħa ta’ kull għamla, kemm ċereali ta’ kull għamla, kif ukoll żerriegħa ta’ frott ta’ kull għamla.

2 U ġara li waqt li missieri baqa’ għal ftit żmien fid‑deżert hu kellimna u qalilna: Araw, jiena ħlomt ħolma; jew, fi kliem ieħor, jiena rajt dehra.

3 U araw, minħabba dak li jiena rajt, għandi għalfejn nifraħ fil‑Mulej minħabba Nefi kif ukoll Sam; għax vera għandi għalfejn naħseb li huma, kif ukoll ħafna li ġejjin minn nisilhom, se jsalvaw.

4 Iżda araw, Laman u Lemwel, jien inħossni mbeżża’ bil‑kbir minħabba fikom; għax araw, fil‑ħolma tiegħi niftakarni nara xagħri mudlam u deżolat.

5 U ġara li jien rajt raġel, u hu kien liebes mantar abjad; u hu ġie u waqaf quddiemi.

6 U ġara li hu kellimni, u talabni biex nimxi warajh.

7 U ġara li hekk kif imxejt warajh jien indunajt li kont ninsab f’xagħri mudlam u deżolat.

8 U wara li mxejt bosta sigħat fid‑dlam, jien bdejt nitlob lill‑Mulej biex hu jkollu ħniena minni, skont il‑ħniena kbira tiegħu.

9 U ġara li wara li tlabt lill‑Mulej jiena rajt għalqa kbira u spazjuża.

10 U ġara li jien rajt siġra, li frottha kien ta’ min jixtiequ biex tkun kuntent.

11 U ġara li jiena mort u kilt minn frottha; u sibt li kien mill‑aktar ħelu, aktar minn kull ħaġa li jien kont doqt qabel. Iva, u rajt li frottha kien abjad, li jiżboq kull bjudija li jien qatt rajt qabel.

12 U hekk kif jien kilt minn frottha, dan mela ruħi b’hena mill‑aktar kbir; għalhekk, nibtet xewqa ġewwa fija li familti tiekol minnu wkoll; għax jien kont naf li kien ta’ min jixtiequ aktar minn kull frott ieħor.

13 U hekk kif ħarist ħarsa madwari, biex forsi nkun nista’ nilmaħ ukoll lil familti, jiena rajt xmara tal‑ilma; u kienet għaddejja minn qrib is‑siġra li minnha kont qed niekol il‑frott.

14 U ħarist biex nara minn fejn kienet ġejja; u rajt is‑sors tagħha ftit ’il bogħod; u ħdejn is‑sors tagħha jiena rajt lil ommkom Sarija, u lil Sam, u lil Nefi; u huma waqfu hemm qishom ma jafux fejn kellhom imorru.

15 U ġara li jien sejjaħtilhom; u għidtilhom ukoll b’leħen għoli biex huma jiġu ħdejja, u jieklu mill‑frott, li kien ta’ min jixtiequ aktar minn kull frott ieħor.

16 U ġara li huma ġew ħdejja u kielu wkoll mill‑frott.

17 U ġara li jien kelli x‑xewqa li Laman u Lemwel jiġu u jieklu wkoll mill‑frott; għalhekk, jien ħarist ħarsa lejn is‑sors tax‑xmara, biex forsi nilmaħhom.

18 U ġara li jiena rajthom, iżda huma ma ridux jiġu ħdejja u jieklu mill‑frott.

19 U jien rajt virga tal‑ħadid, li kienet tibqa’ ddur ma’ xatt ix‑xmara, u kienet twassal sas‑siġra fejn kont ninsab wieqaf jien.

20 U rajt ukoll mogħdija stretta u dejqa, li kienet tgħaddi biswit il‑virga tal‑ħadid, u tasal sas‑siġra fejn kont wieqaf jien; u kienet tgħaddi wkoll minn ħdejn is‑sors tax‑xmara, lejn għalqa kbira u spazjuża, bħallikieku kienet xi dinja.

21 U jien rajt numru bla għadd ta’ nies, li ħafna minnhom bdew jimbuttaw ’il quddiem, ħalli jkunu jistgħu jaslu fil‑mogħdija li kienet twassal sas‑siġra fejn kont wieqaf jien.

22 U ġara li huma waslu hemm, u bdew mexjin fil‑mogħdija li kienet twasslek sas‑siġra.

23 U ġara li waqa’ ċpar tad‑dlam; iva, sewwasew ċpar tad‑dlam mill‑aktar kbir, tant li dawk li bdew mexjin fil‑mogħdija tilfu triqthom, u spiċċaw tbiegħdu u ntilfu.

24 U ġara li jien rajt oħrajn jimbuttaw ’il quddiem, u huma waslu hemm u qabdu ma’ tarf il‑virga tal‑ħadid; u huma komplew jimbuttaw ’il quddiem qalb iċ‑ċpar tad‑dlam, u bdew iżommu sew mal‑virga tal‑ħadid, sewwasew sakemm waslu hemm u kielu mill‑frott tas‑siġra.

25 U wara li kielu mill‑frott tas‑siġra huma bdew iħarsu madwarhom bħallikieku bdew iħossuhom imbarazzati.

26 U jien ukoll bdejt inħares madwari, u rajt, fuq in‑naħa l‑oħra tax‑xmara tal‑ilma, bini kbir u spazjuż; u dan kien wieqaf bħallikieku kien jinsab fl‑arja, għoli sew mill‑art.

27 U kien mimli nies, kemm xjuħ kif ukoll żgħar, kemm irġiel kif ukoll nisa; u t‑tip ta’ lbies tagħhom kien mill‑aktar fin; u huma bdew jippontaw subgħajhom lejn dawk li ġew u kielu mill‑frott u bdew jiddieħqu bihom.

28 U wara li daqu l‑frott huma bdew iħossuhom imbarazzati, minħabba dawk li bdew iwaqqgħuhom għaż‑żufjett; u huma tilfu triqthom u spiċċaw f’toroq ipprojbiti u ntilfu.

29 U issa jien, Nefi, mhux se ngħid dak kollu li qal missieri.

30 Iżda, biex ma niktibx fit‑tul, araw, hu ra folol oħra jimbuttaw ’il quddiem; u huma ġew u qabdu ma’ tarf il‑virga tal‑ħadid; u komplew jimbuttaw ’il quddiem, kontinwament iżommu sod mal‑virga tal‑ħadid, sakemm ġew hemm u nxeħtu mal‑art u kielu mill‑frott tas‑siġra.

31 U hu ra wkoll folol oħra jippruvaw iħossu triqthom lejn dak il‑bini kbir u spazjuż.

32 U ġara li ħafna spiċċaw għerqu f’qiegħ ix‑xmara; u ħafna oħrajn għebu minn quddiem għajnejh, fejn spiċċaw iduru f’toroq mhux magħrufa.

33 U kbira kienet il‑miġemgħa li daħlet f’dak il‑bini mill‑aktar stramb. U wara li daħlu f’dak il‑bini huma bdew jippuntaw subgħajhom lejja u lejn dawk li kienu wkoll qed jieklu l‑frott u bdew jiddieħqu bina; iżda aħna ma tajniex kashom.

34 Dan hu kliem missieri: Dawk kollha li taw kashom, spiċċaw tilfu triqthom.

35 U Laman u Lemwel ma kielux mill‑frott, qal missieri.

36 U ġara li wara li missieri qal kulma kellu xi jgħid dwar il‑ħolma jew id‑dehra tiegħu, u xi jgħid kellu ħafna, hu qalilna, minħabba dawn il‑ħwejjeġ li ra fid‑dehra, hu beda jħossu mbeżża’ bil‑kbir minħabba Laman u Lemwel; iva, hu beda jibża’ li huma se jiġu mwarrba minn quddiem il‑Mulej.

37 Imbagħad hu ħeġġiġhom b’imħabba ta’ ġenitur, biex huma jagħtu widen ta’ kliemu, ħalli forsi l‑Mulej ikollu ħniena minnhom, u ma jwarrabhomx; iva, missieri xandrilhom il‑kelma.

38 U wara li hu xandrilhom il‑kelma, kif ukoll ħabbrilhom bosta ħwejjeġ, hu talabhom biex iħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej; u waqaf ikellimhom.