Skrittura
1 Nefi 4


Kapitlu 4

Nefi joqtol lil Laban kif ordnalu jagħmel il‑Mulej u mbagħad jipproteġi l‑pjanċi tal‑bronż permezz ta’ strataġemma—Żoram jagħżel li jingħaqad mal‑familja ta’ Leħi fid‑deżert. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li jien kellimt lil ħuti, u għidtilhom: Ejjew nerġgħu mmorru sa Ġerusalemm, u ejjew b’fedeltà nħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej; għax araw hu aqwa mid‑dinja kollha, għalhekk għalfejn mela mhuwiex aqwa minn Laban u l‑ħamsin tiegħu, iva, jew saħansitra mill‑għexieren ta’ eluf tiegħu?

2 Għalhekk ejjew nitilgħu; ejjew nagħmlu l‑kuraġġ bħal Mosè; għax hu verament kellem lill‑ilmijiet tal‑Baħar tal‑Qasab u huma nferqu ’l hemm u ’l hawn, u missirijietna għaddew fin‑niexef, lil hinn mill‑jasar, u l‑armati tal‑Fargħun imxew warajhom u għerqu fl‑ilmijiet tal‑Baħar tal‑Qasab.

3 Issa araw, intom tafu li dan hu veru; u tafu wkoll li kellimkom anġlu; għalhekk kif qatt tistgħu tiddubitaw? Ejjew nitilgħu; il‑Mulej għandu l‑qawwa li jeħlisna, kif ħeles lil missirijietna, u li jeqred lil Laban, kif qered lill‑Eġizzjani.

4 Issa meta jien għidt dan il‑kliem, huma kienu għadhom inkurlati, u xorta waħda baqgħu jilmentaw; madankollu huma mxew warajja sakemm wasalna barra s‑swar ta’ Ġerusalemm.

5 U kien mal‑lejl; u jien tlabthom biex huma jinħbew barra s‑swar. U wara li nħbew, jien, Nefi, dħalt fil‑belt u ġbidt lejn id‑dar ta’ Laban.

6 U l‑Ispirtu mexxieni, mingħajr ma kont naf minn qabel x’kelli nagħmel.

7 Madankollu jiena mort, u kif wasalt ħdejn id‑dar ta’ Laban rajt raġel, u hu nxteħet mal‑art quddiemi, għax kien fis‑sakra bl‑inbid.

8 U meta rsaqt lejh sibt li kien Laban.

9 U jiena rajt ix‑xabla tiegħu, u ħriġtha mill‑għant tagħha; u l‑manku tagħha kien magħmul minn deheb pur, u kienet magħmula b’sengħa liema bħalha, u stajt nara li x‑xafra tagħha kienet magħmula minn azzar mill‑aktar prezzjuż.

10 U ġara li l‑Ispirtu wassalni biex noqtol lil Laban; iżda jien għidt f’qalbi: Fl‑ebda żmien jien qatt ma xerridt demm il‑bniedem. U jiena nġbidt lura u xtaqt li forsi ma noqtlux.

11 U l‑Ispirtu reġa qalli: Ara l‑Mulej irħieh f’idejk. Iva, u jien kont naf ukoll li hu pprova jneħħili ħajti; iva, u hu ma riedx jagħti widen għall‑kmandamenti tal‑Mulej; u hu ħadilna wkoll dak li aħna kellna.

12 U ġara li l‑Ispirtu reġa’ qalli: Oqtlu, għax il‑Mulej irħieh f’idejk;

13 Ara l‑Mulej joqtol lill‑ħżiena biex iġib fi‑seħħ l‑għanijiet tajbin tiegħu. Ikun aħjar jekk jinqered bniedem wieħed milli ġens sħiħ, ftit, ftit, jispiċċa jitlef il‑fidi u jinqered.

14 U issa, meta jien, Nefi, smajt dan il‑kliem, ftakart fil‑kliem li l‑Mulej qalli fid‑deżert, fejn qalli li: Sakemm nislek iħarsu l‑kmandamenti tiegħi, huma jistagħnew fl‑art imwiegħda.

15 Iva, u jien ħsibt ukoll li huma ma setgħux iħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej skont il‑liġi ta’ Mosè, jekk huma ma jkollhomx il‑liġi.

16 U kont naf ukoll li l‑liġi kienet imnaqqxa fuq il‑pjanċi tal‑bronż.

17 Kif ukoll, kont naf li lil Laban il‑Mulej irħieh f’idejja għal dan il‑għan—biex inkun nista’ nikseb l‑annali skont il‑kmandamenti tiegħu.

18 Għalhekk jien obdejt mil‑leħen tal‑Ispirtu, u qbadt lil Laban mix‑xagħar ta’ rasu, u qtajtlu rasu bl‑istess xabla tiegħu.

19 U wara li qtajtlu rasu bl‑istess xabla tiegħu, jiena qbadt l‑ilbies ta’ Laban u lbistu; iva, kollu kemm hu; u lbist il‑korazza tiegħu madwar ġenbejja.

20 U wara li għamilt dan, jiena tlaqt lejn il‑maħżen ta’ Laban. U hekk kif tlaqt lejn il‑maħżen ta’ Laban, araw, jiena rajt lill‑qaddej ta’ Laban li kellu l‑imfietaħ tal‑maħżen. U jien ordnajtlu b’leħen Laban, biex hu jiġi miegħi fil‑maħżen.

21 U hu ħasibni li kont l‑imgħallem tiegħu, Laban, għaliex hu ra l‑ilbies kif ukoll ix‑xabla mdawwra ma’ ġenbejja.

22 U hu kellimni dwar il‑presbiteri tal‑Lhud, hu li kien jaf li l‑imgħallem tiegħu, Laban, kien fosthom matul il‑lejl.

23 U jien kellimtu bħallikieku kont Laban.

24 U jien għidtlu wkoll li kelli nieħu miegħi l‑inċiżjoni, li kien hemm fuq il‑pjanċi tal‑bronż, għand ħuti l‑kbar, li kienu jinsabu barra s‑swar.

25 U jien tlabtu wkoll biex jimxi warajja.

26 U hu, għax ħaseb li kont qed nirreferi għall‑aħwa tal‑knisja, u li kont verament dak Laban li jiena qtilt, għalhekk hu mexa warajja.

27 U hu kellimni bosta drabi dwar il‑presbiteri tal‑Lhud, waqt li jien kont sejjer għand ħuti, li kienu jinsabu barra s‑swar.

28 U ġara li meta Laman rani hu nħakem minn biża’ kbira, u l‑istess Lemwel u Sam. U huma ħarbu minn quddiemi; għax ħasbu li kont Laban, u li hu kien qatilni u pprova jneħħilhom ħajjithom ukoll.

29 U ġara li jien sejjaħtilhom, u huma semgħuni; għalhekk huma ma baqgħux jitbiegħdu minni.

30 U ġara li meta l‑qaddej ta’ Laban ra lil ħuti hu beda jitriegħed, u kien se jaħrab minn quddiemi u jerġa’ lura fil‑belt ta’ Ġerusalemm.

31 U issa jien, Nefi, li kont raġel ta’ statura kbira, kif ukoll għax ksibt qawwa kbira mill‑Mulej, għalhekk jien ħtaft lill‑qaddej ta’ Laban, u żammejtu sabiex ma jkunx jista’ jaħrab.

32 U ġara li jien tkellimt miegħu, li jekk hu jagħti widen ta’ kliemi, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, u daqs kemm jien ħaj, hekk ukoll jekk hu jagħti widen ta’ kliemna, aħna nħalluh jgħix.

33 U jien kellimtu, saħansitra ħliftlu ħalfa, li hu ma kellux għalfejn jibża’; li hu seta’ jkun bniedem ħieles bħalna jekk jinżel magħna fid‑deżert.

34 U jien kellimtu, u għidtlu: Għax il‑Mulej ordnalna biex nagħmlu din il‑ħaġa; u m’għandniex aħna nkunu diliġenti fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tal‑Mulej? Għalhekk, jekk inti tinżel magħna fid‑deżert għand missieri inti tista’ tgħammar magħna.

35 U ġara li Żoram rabba l‑kuraġġ bil‑kliem li jiena għidt. Issa Żoram kien isem il‑qaddej; u hu wiegħed li kien se jinżel fid‑deżert għal għand missierna. Iva, u hu ħalef magħna wkoll li minn dakinhar kien se jibqa’ magħna.

36 Issa aħna xtaqna li hu jibqa’ magħna għal din ir‑raġuni, biex il‑Lhud ma jkunux jafu dwar il‑ħarba tagħna fid‑deżert, li ma jmorrux jiġu warajna u jeqirduna.

37 U ġara li meta Żoram ħalef magħna, aħna ma bqajniex nibżgħu aktar minnu.

38 U ġara li aħna ħadna magħna l‑pjanċi tal‑bronż u lill‑qaddej ta’ Laban, u tlaqna fid‑deżert sat‑tinda ta’ missierna.