Skrittura
1 Nefi 3


Kapitlu 3

Ulied Leħi jerġgħu lura Ġerusalemm biex jiksbu l‑pjanċi tal‑bronż—Laban jirrifjuta li jagħtihom il‑pjanċi—Nefi jwissi u jħeġġeġ lil ħutu—Laban jisirqilhom l‑affarijiet tagħhom u jipprova joqtolhom—Laman u Lemwel isawwtu lil Nefi u lil Sam u jaqilgħu ċanfira mingħand anġlu. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li jien, Nefi, erġajt lura milli nitkellem mal‑Mulej, lejn it‑tinda ta’ missieri.

2 U ġara li hu kellimni u qalli: Ara jiena ħlomt ħolma, li fiha l‑Mulej ordnali li inti u ħutek għandkom terġgħu lura Ġerusalemm.

3 Għax ara, Laban għandu l‑kitba tal‑Lhud kif ukoll l‑arblu tar‑razza ta’ missirijieti, u dawn jinsabu mnaqqxin fuq pjanċi tal‑bronż.

4 Għalhekk, il‑Mulej ordnali biex inti u ħutek tmorru d‑dar ta’ Laban, u tfittxu l‑annali, u ġġibuhom hawnhekk fid‑deżert.

5 U issa, ara, ħutek qed jilmentaw, qed jgħidu li jiena tlabt minnhom biex jagħmlu ħaġa diffiċli; iżda ara, mhux jien qed nitlob dan minnhom, iżda dan hu kmandament tal‑Mulej.

6 Għalhekk mur, ibni, u inti tkun mimli bil‑grazzja tal‑Mulej, għaliex inti ma qgħadtx tgerger.

7 U ġara li jien, Nefi, għidt lil missieri: Jiena mmur u nagħmel il‑ħwejjeġ li ordnali l‑Mulej, għaliex naf li l‑Mulej ma jagħti l‑ebda kmandamenti lil ulied il‑bnedmin, mingħajr ma l‑ewwel iħejji mod għalihom kif huma jistgħu jwettqu dak li hu jordnalhom.

8 U ġara li meta missieri sema’ dan il‑kliem hu feraħ ħafna, għax kien jaf li jien kont ġejt imbierek mill‑Mulej.

9 U jien, Nefi, u ħuti tlaqna lejn id‑deżert, bit‑tined tagħna, biex nitilgħu fl‑art ta’ Ġerusalemm.

10 U ġara li meta aħna tlajna fl‑art ta’ Ġerusalemm, jien u ħuti bdejna nikkonsultaw bejnietna.

11 U tfajna x‑xorti—min fostna kellu jmur fid‑dar ta’ Laban. U ġara li x‑xorti waqgħet fuq Laman; u Laman daħal ġewwa d‑dar ta’ Laban, u beda jitkellem miegħu hekk kif poġġa bilqiegħda fid‑dar tiegħu.

12 U lil Laban urieh bix‑xewqa li kellu li jikseb l‑annali li kienu mnaqqxa fuq il‑pjanċi tal‑bronż, li kien fihom l‑arblu tar‑razza ta’ missieri.

13 U araw, ġara li Laban inkorla, u keċċieh minn quddiemu; u ma riedx li hu jkollu l‑annali. Għalhekk, huwa qallu: Qed nara li inti ħalliel, u jien sejjer noqtlok.

14 Iżda Laman ħarab minn quddiemu, u rrakkonta dak kollu li għamel Laban. U aħna bdejna nsewwdu qalbna bil‑kbir, u ħuti kienu għodhom se jerġgħu lura għand missieri fid‑deżert.

15 Iżda araw jien għidtilhom li: Daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, u daqs kemm aħna ħajjin, aħna m’aħniex se ninżlu għand missierna fid‑deżert qabel ma nwettqu dak li ordnalna l‑Mulej.

16 Għalhekk, ejjew b’fedeltà nħarsu l‑kmandamenti tal‑Mulej; għalhekk ejjew ninżlu fl‑art ta’ wirt missierna, għax araw hu ħalla warajh deheb u fidda, u kull xorta ta’ ġid. U hu għamel dan kollu minħabba l‑kmandamenti tal‑Mulej.

17 Għax kien jaf li Ġerusalemm kellha tinqered, minħabba l‑ħażen tan‑nies.

18 Għax araw, huma warrbu kliem il‑profeti. Għalhekk, jekk missieri jibqa’ jgħammar f’dik l‑art wara li ġie ordnat jitlaq ’il barra minn dik l‑art, araw, huwa wkoll jinqered. Għalhekk, jeħtieġ li hu jitlaq ’il barra minn dik l‑art.

19 U araw, huwa għerf f’Alla li aħna għandna niksbu dawn l‑annali, sabiex inkunu nistgħu ngħaddu lil uliedna l‑lingwa ta’ missirijietna;

20 Kif ukoll sabiex inkunu nistgħu ngħaddulhom il‑kliem li ġie mlissen minn fomm il‑profeti qaddisa kollha, li twassal lilhom permezz tal‑Ispirtu u l‑qawwa ta’ Alla, mill‑bidu tad‑dinja, sewwasew sa dan iż‑żmien preżenti.

21 U ġara li b’dan il‑mod ta’ diskors jien ipperswadejt lil ħuti, sabiex b’fedeltà huma jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla.

22 U ġara li aħna nżilna fl‑art ta’ wirtna, u aħna ġbarna flimkien id‑deheb tagħna, u l‑fidda tagħna, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tagħna.

23 U wara li ġbarna dawn il‑ħwejjeġ flimkien, aħna erġajna tlajna sad‑dar ta’ Laban.

24 U ġara li aħna dħalna għand Laban, u wrejnieh ix‑xewqa tagħna li hu jagħtina l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tal‑bronż, u li tagħhom aħna lesti nagħtuh id‑deheb tagħna, u l‑fidda tagħna, u l‑ħwejjeġ prezzjużi kollha tagħna.

25 U ġara li meta Laban ra aħna x’kellna, u li kien ta’ valur kbir, huwa xtaqu, tant li keċċiena ’l barra, u bagħat lill‑qaddejja tiegħu biex joqtluna, ħalli jkun jista’ jikseb dak li kellna.

26 U ġara li aħna ħrabna minn quddiem il‑qaddejja ta’ Laban, u kellna nħallu warajna dak li kellna, u kollox spiċċa f’idejn Laban.

27 U ġara li aħna ħrabna lejn id‑deżert, u l‑qaddejja ta’ Laban ma laħquniex, u aħna staħbejna ġo għar.

28 U ġara li Laman ħadha kontra tiegħi, kif ukoll kontra missieri; u l‑istess Lemwel, għax hu ta widen għal dak li qal Laman. Għalhekk lilna, ħuthom iż‑żgħar, Laman u Lemwel qalulna ħafna kliem iebes, u sawwtuna saħansitra b’bastun.

29 U ġara li waqt li kienu qed isawwtuna bil‑bastun, araw, ġie anġlu tal‑Mulej u waqaf quddiemhom, u kellimhom u qal: Għalfejn qed issawtu lil ħukom iż‑żgħir bil‑bastun? Ma tafux li lilu l‑Mulej għażlu biex ikun mexxej tagħkom, u dan għamlu minħabba ħżunitkom? Araw intom se terġgħu tmorru Ġerusalemm, u l‑Mulej se jerħi lil Laban f’idejkom.

30 U wara li l‑anġlu kellimna, hu telaq minn ħdejna.

31 U wara li l‑anġlu telaq, Laman u Lemwel reġgħu bdew jilmentaw, u jgħidu: Kif jista’ jkun li l‑Mulej se jerħi lil Laban f’idejna? Araw, hu bniedem gwerrier, u jista’ jikkmanda ħamsin, iva, hu anke jista’ joqtol ħamsin; mela għaliex mhux lilna?