Skrittura
1 Nefi 3


Kapitlu 3

Ulied Leħi jerġgħu lura Ġerusalemm biex jiksbu l‑pjanċi tar‑ram—Laban jirrifjuta li jagħtihom il‑pjanċi—Nefi jwissi u jħeġġeġ lil ħutu—Laban jisirqilhom l‑affarijiet tagħhom u jipprova joqtolhom—Laman u Lemwel isawtu lil Nefi u lil Sam u jaqilgħu ċanfira mingħand anġlu. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li jien, Nefi, erġajt lura milli nitkellem mal‑Mulej, lejn it‑tinda ta’ missieri.

2 U ġara li hu kellimni u qalli: Ara jiena ħlomt ħolma, li fiha l‑Mulej ordnali li inti u ħutek għandkom terġgħu lura Ġerusalemm.

3 Għax ara, Laban għandu l‑kitba tal‑Lhud kif ukoll l‑arblu tar‑razza ta’ missirijieti, u dawn jinsabu mnaqqxin fuq pjanċi tar‑ram.

4 Għalhekk, il‑Mulej ordnali biex inti u ħutek tmorru d‑dar ta’ Laban, u tfittxu l‑annali, u ġġibuhom hawnhekk fid‑deżert.

5 U issa, ara, ħutek qed jilmentaw u qed jgħidu li jiena tlabthom jagħmlu ħaġa diffiċli; imma ara, mhuwiex jien li qed nitlob minnhom dan, imma dan hu kmandament tal‑Mulej.

6 Għalhekk mur, ibni, u inti tkun mimli bil‑grazzja tal‑Mulej, għaliex inti ma qgħadtx tilmenta.

7 U ġara li jien, Nefi, għidt lil missieri: Jiena mmur u nagħmel il‑ħwejjeġ li ordnali l‑Mulej, għaliex jien naf li l‑Mulej ma jagħti l‑ebda kmandamenti lil ulied il‑bnedmin, mingħajr ma l‑ewwel iħejjilhom mod kif huma jistgħu jwettqu dak li huwa jordnalhom.

8 U ġara li meta missieri sema’ dan il‑kliem huwa feraħ bil‑kbir, għax kien jaf li jiena kont ġejt imbierek mill‑Mulej.

9 U jien, Nefi, u ħuti tlaqna lejn id‑deżert, bit‑tined tagħna, biex nitilgħu fl‑art ta’ Ġerusalemm.

10 U ġara li meta aħna tlajna fl‑art ta’ Ġerusalemm, jien u ħuti bdejna nikkonsultaw bejnietna.

11 U aħna tfajna x‑xorti—min fostna kellu jmur fid‑dar ta’ Laban. U ġara li x‑xorti waqgħet fuq Laman; u Laman daħal ġewwa d‑dar ta’ Laban, u beda jitkellem miegħu hekk kif poġġa bilqiegħda fid‑dar tiegħu.

12 U huwa wera lil Laban ix‑xewqa li kellu li jikseb l‑annali li kienu mnaqqxa fuq il‑pjanċi tar‑ram, li kien fihom l‑arblu tar‑razza ta’ missieri.

13 U araw, ġara li Laban inkorla, u keċċieh minn quddiemu; u hu ma riedx li l‑annali jispiċċaw f’idejh. Għalhekk, huwa qallu: Qed nara li inti raġel brigant, u jien sejjer noqtlok.

14 Iżda Laman ħarab minn quddiemu, u rrakkontalna dak kollu li għamel Laban. U aħna bdejna nsewdu qalbna bil‑kbir, u ħuti kienu għoddhom se jerġgħu lura għand missieri fid‑deżert.

15 Iżda araw, jien għidtilhom li: Daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, u daqs kemm aħna ħajjin, aħna m’aħniex se ninżlu għand missierna fid‑deżert qabel ma nwettqu dak li ordnalna l‑Mulej.

16 Mela, ejja nħarsu b’fedeltà l‑kmandamenti tal‑Mulej; għalhekk ejja ninżlu fl‑art ta’ wirt missierna, għax araw hu ħalla warajh deheb u fidda, u kull xorta ta’ ġid. U hu għamel dan kollu minħabba l‑kmandamenti tal‑Mulej.

17 Għax kien jaf li Ġerusalemm kellha tinqered, minħabba l‑ħażen tan‑nies.

18 Għax araw, huma warrbu kliem il‑profeti. Għalhekk, jekk missieri jibqa’ jgħammar f’dik l‑art wara li ġie ordnat biex jitlaq ’il barra minn dik l‑art, araw, huwa jispiċċa jinqered ukoll. Għalhekk, jeħtieġ li hu jitlaq ’il barra minn dik l‑art.

19 U araw, huwa għerf f’Alla li aħna għandna niksbu dawn l‑annali, sabiex b’hekk inkunu nistgħu ngħaddu lil uliedna lsien missirijietna;

20 Kif ukoll sabiex inkunu nistgħu ngħaddulhom il‑kliem li ġie mlissen minn fomm il‑profeti qaddisa kollha, li ġie mwassal lilhom permezz tal‑Ispirtu u l‑qawwa ta’ Alla, mill‑bidu tad‑dinja, sewwasew saż‑żmien tal‑lum.

21 U ġara li b’dan il‑mod ta’ diskors jien ipperswadejt lil ħuti, biex b’fedeltà huma jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla.

22 U ġara li aħna nżilna fl‑art ta’ wirtna, u aħna ġbarna flimkien id‑deheb tagħna, u l‑fidda tagħna, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tagħna.

23 U wara li ġbarna dawn il‑ħwejjeġ flimkien, aħna erġajna tlajna sad‑dar ta’ Laban.

24 U ġara li aħna dħalna għand Laban, u wrejnieh ix‑xewqa tagħna li hu jagħtina l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tar‑ram, u li tagħhom aħna konna lesti nagħtuh id‑deheb tagħna, u l‑fidda tagħna, u l‑ħwejjeġ prezzjużi kollha tagħna.

25 U ġara li meta Laban ra x’kellna, u li kien ta’ valur kbir, huwa xtaq jakkwistah, hekk li lilna keċċiena ’l barra, u bagħat lill‑qaddejja tiegħu biex joqtluna, ħalli jkun jista’ jikseb dak li kellna.

26 U ġara li aħna ħrabna minn quddiem il‑qaddejja ta’ Laban, u kellna nħallu warajna dak li kellna, u kollox spiċċa f’idejn Laban.

27 U ġara li aħna ħrabna lejn id‑deżert, u l‑qaddejja ta’ Laban ma laħquniex, u aħna staħbejna ġewwa għar.

28 U ġara li Laman ħadha kontrija, kif ukoll kontra missieri; u l‑istess Lemwel, għax hu sema’ minn kliem Laman. Għalhekk lilna, li niġu ħuthom iż‑żgħar, Laman u Lemwel qalulna ħafna kliem iebes, u saħansitra qabdu bastun u bdew isawtuna bih.

29 U ġara li waqt li kienu qed isawtuna bil‑bastun, araw, ġie anġlu tal‑Mulej u waqaf quddiemhom, u huwa beda jkellimhom u jgħid: Għalfejn qed issawtu lil ħukom iż‑żgħir bil‑bastun? Ma tafux li l‑Mulej għażlu biex ikun il‑mexxej tagħkom, u dan għamlu minħabba ħżunitkom? Araw jeħtieġ li intom terġgħu tmorru Ġerusalemm, u l‑Mulej sejjer jerħi lil Laban f’idejkom.

30 U wara li l‑anġlu waqaf ikellimna, huwa telaq minn ħdejna.

31 U wara li l‑anġlu telaq, Laman u Lemwel reġgħu bdew jilmentaw u jgħidu: Kif jista’ jkun li l‑Mulej se jerħi lil Laban f’idejna? Araw, huwa bniedem gwerrier, u jista’ jikkmanda ħamsin, iva, u hu jista’ joqtol ukoll ħamsin; mela għaliex mhux lilna?