Skrittura
1 Nefi 22


Kapitlu 22

Iżrael se jinxtered ma’ wiċċ l‑art kollha—Il‑Ġentili sejrin ireddgħu lil Iżrael u jitimgħuh l‑evanġelju fl‑aħħar żminijiet—Iżrael se jinġabar flimkien u jsalva, u l‑ħżiena sejrin jinħarqu bħat‑tiben—Is‑saltna tax‑xitan sejra tinqered, u Satana se jkun marbut. Madwar 588–570 Q.K.

1 U issa ġara li wara li jiena, Nefi, qrajt dawn il‑ħwejjeġ li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tar‑ram, ħuti ġew fuqi u qaluli: Xi jfissru dawn il‑ħwejjeġ li inti qrajt? Ara, aħna għandna nifhmuhom skont dak li hu spiritwali, li għandu jiġi fis‑seħħ skont l‑ispirtu u mhux skont il‑ġisem?

2 U jiena, Nefi, għidtilhom: Araw, huma ġew żvelati lill‑profeta permezz ta’ leħen l‑Ispirtu; għax huwa permezz tal‑Ispirtu li kull ħaġa li se tolqot lil ulied il‑bnedmin skont il‑ġisem tiġi żvelata lill‑profeti.

3 Għalhekk, il‑ħwejjeġ li jiena qrajt għandhom x’jaqsmu ma’ ħwejjeġ li huma kemm temporali kif ukoll spiritwali; għax jidher li d‑dar ta’ Iżrael, illum jew għada, sejra tinxtered ma’ wiċċ l‑art kollha, kif ukoll fost il‑ġnus kollha.

4 U araw, dawk li jinsabu Ġerusalemm diġà ma jafux x’sar minn ħafna minnhom. Iva, il‑parti l‑kbira tat‑tribujiet kollha ttieħdu minn fosthom; u huma spiċċaw mxerrdin ’l hemm u ’l hawn fuq il‑gżejjer tal‑baħar; u fejn jinsabu ħadd minna ma jaf; nafu biss li ttieħdu minn fosthom.

5 U peress li huma ttieħdu minn fosthom, ġew imħabbra dawn il‑ħwejjeġ dwarhom u dwar dawk kollha li minn issa ’l quddiem se jiġu umiljati, minħabba l‑Qaddis ta’ Iżrael; għax huma se jwebbsu qalbhom kontrih; għalhekk, huma sejrin jinxterdu fost il‑ġnus kollha u se jkunu mibgħuda minn kulħadd.

6 Madankollu, wara li huma jiġu mreddgħa mill‑Ġentili, u l‑Mulej ikun qiegħed idu fuq il‑Ġentili u lilhom għolla bħala stendard, u wliedhom ikunu nġarrew f’dirgħajhom, u l‑bniet tagħhom ikunu nġarrew fuq spallejhom, araw, dawn il‑ħwejjeġ li tkellmu dwarhom il‑profeti se jiġu fis‑seħħ verament; għaliex dawn huma sewwasew il‑patti li l‑Mulej għamel ma’ missirijietna; u dawn jinkludu lilna fiż‑żmien li ġej, kif ukoll lil ħutna li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael.

7 U dan ifisser li se jasal iż‑żmien li wara li d‑dar kollha ta’ Iżrael tkun inxterdet u sfat umiljata, il‑Mulej Alla se jqajjem ġens qawwi fost il‑Ġentili, iva, sewwasew fuq wiċċ din l‑art; u n‑nisel tagħna se jispiċċa jinxtered permezz tagħhom.

8 U wara li n‑nisel tagħna jisfa mxerred, il‑Mulej Alla sejjer iwettaq l‑għeġubijiet fost il‑Ġentili, u dan se jkun ta’ gwadann kbir għal nisilna; għalhekk, dan se jkun jixbah il‑mod kif huma qed jiġu mitmugħa mill‑Ġentili u qed jinġarru f’dirgħajhom u fuq spallejhom.

9 U dan se jkun ukoll ta’ gwadann għall‑Ġentili; u mhux biss għall‑Ġentili imma għad‑dar kollha ta’ Iżrael, fejn huma jiġu mgħarrfa dwar il‑patti li l‑Missier tas‑smewwiet għamel ma’ Abraham meta qal: F’nislek jitbierku l‑ġnus kollha tal‑art.

10 U nixtieq, ħuti, li intom tkunu tafu li l‑ġnus kollha tal‑art ma jistgħux jitbierku qabel ma huwa jikxef driegħu quddiem il‑ġnus.

11 Għalhekk, il‑Mulej Alla sejjer jikxef driegħu quddiem il‑ġnus kollha, biex iwassal il‑patti tiegħu u l‑evanġelju tiegħu lil dawk li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael.

12 Għalhekk, huwa jerġa’ joħroġhom mill‑jasar, u huma jinġabru flimkien fl‑artijiet ta’ wirthom; u sejrin jinħarġu mill‑oskurità u mid‑dlam; u huma jagħrfu li l‑Mulej huwa s‑Salvatur tagħhom u l‑Feddej tagħhom, il‑Qawwi ta’ Iżrael.

13 U d‑demm ta’ dik il‑knisja l‑kbira u abominabbli, li hi l‑prostituta tad‑dinja kollha, jerġa’ lura fuq rashom; għax huma jinfexxu jiġġieldu bejniethom, u x‑xabla ta’ jdejhom tinżel fuq rashom, u huma jispiċċaw jiskru permezz ta’ demmhom stess.

14 U kull ġens li jiġġieled kontrik, O dar ta’ Iżrael, għad iqum wieħed kontra l‑ieħor, u huma jispiċċaw jaqgħu fil‑ħofra li huma stess ħaffru sabiex jonsbu lill‑poplu tal‑Mulej. U dawk kollha li jeħduha kontra Sijon jispiċċaw jinqerdu, u dik il‑prostituta l‑kbira, li għawġet it‑triqat dritti tal‑Mulej, iva, dik il‑knisja l‑kbira u abominabbli, tispiċċa tikkrolla u taqa’ mal‑art u t‑tisbita li se tieħu se tkun waħda kbira.

15 Għax araw, jgħid il‑profeta, ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta Satana ma jkollu l‑ebda setgħa fuq qalb ulied il‑bnedmin; għax ma jdumx ma jasal il‑jum li fih l‑imkabbrin kollha u dawk li jagħmlu l‑ħażen se jispiċċaw bħat‑tiben; u jasal il‑jum li fih ikollhom jinħarqu.

16 Għax dalwaqt jasal iż‑żmien meta l‑milja tal‑korla ta’ Alla sejra tissawwab fuq ulied il‑bnedmin kollha; għax huwa mhux se jħalli lill‑ħżiena jeqirdu lit‑twajbin.

17 Għalhekk, huwa jħares lit‑twajbin permezz tal‑qawwa tiegħu, anke jekk ikun jeħtieġlu li juri l‑milja tal‑korla tiegħu, u t‑twajbin jiġu mħarsa, sakemm l‑għedewwa tagħhom jinqerdu bin‑nar. Għalhekk, it‑twajbin m’għandhomx minn xiex jibżgħu; għax dan jgħid il‑profeta, li huma jiġu salvati, anke minn ġon‑nar.

18 Araw, ħuti, jiena ngħidilkom, li dawn il‑ħwejjeġ se jseħħu dalwaqt; iva, u se jkun hemm id‑demm, in‑nar, kif ukoll id‑dħaħen; u jeħtieġ li dan jiġi fis‑seħħ fuq wiċċ din l‑art; u l‑bnedmin jispiċċaw jintlaqtu minn dan kollu, skont il‑ġisem, jekk huma jwebbsu qalbhom kontra l‑Qaddis ta’ Iżrael.

19 Għax araw, it‑twajbin mhumiex se jinqerdu; għax iż‑żmien żgur għad jasal meta dawk kollha li jeħduha kontra Sijon sejrin jitqaċċtu.

20 U l‑Mulej żgur sejjer iwitti triq għall‑poplu tiegħu, biex jiġi fis‑seħħ il‑kliem li ddikjara Mosè meta qal: Il‑Mulej Alla tagħna jqajmilkom profeta bħali; lilu isimgħu f’kull ma jgħidilkom. U jiġri li kull min ma jismax minn dan il‑profeta se jiġi mwarrab minn qalb il‑poplu.

21 U issa jiena, Nefi, nistqarr magħkom li dan il‑profeta li tkellem dwaru Mosè kien il‑Qaddis ta’ Iżrael; għalhekk, il‑ħaqq li hu se jagħmel se jkun wieħed ġust.

22 U t‑twajbin m’għandhomx minn xiex jibżgħu, għax huma se jkunu dawk li mhumiex se jiġu umiljati. Iżda hija s‑saltna tax‑xitan, li se tinbena fost ulied il‑bnedmin, liema saltna tinsab imwaqqfa fost dawk li huma fil‑ġisem—

23 Għax ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta l‑knejjes kollha li huma mibnija biex jakkwistaw, u dawk kollha li huma mibnija biex jiksbu l‑poter fuq il‑ġisem, u dawk li huma mibnija biex isiru popolari f’għajnejn id‑dinja, u dawk li jfittxu l‑ġibdiet ħżiena tal‑ġisem u l‑ħwejjeġ tad‑dinja, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen; iva, f’kelma waħda, dawk kollha li jappartjenu għas‑saltna tax‑xitan huma dawk li verament għandhom għalfejn jibżgħu, u jitkexkxu u jitriegħdu; huma dawk li jeħtieġ li jiġu msikkta fit‑trab; huma dawk li jeħtieġ li jinħarqu bħat‑tiben; u dan skont kliem il‑profeta.

24 U ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta t‑twajbin jittieħdu bħal għoġġiela tal‑mandra, u l‑Qaddis ta’ Iżrael se jsaltan b’setgħa, b’saħħa, u b’qawwa u glorja kbira.

25 U huwa jiġbor lil uliedu mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja; u hu jgħodd lin‑nagħaġ tiegħu, u huma jagħrfuh; u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed; u hu jirgħa n‑nagħaġ tiegħu, u fih huma jsibu mergħa.

26 U minħabba t‑tjieba tal‑poplu tiegħu, Satana ma jkollu l‑ebda setgħa; għalhekk, għal ħafna snin hu ma jkunx jista’ jinħall; għax huwa ma jkollu l‑ebda setgħa fuq qlub in‑nies, għax huma jgħammru fis‑sewwa, u l‑Qaddis ta’ Iżrael isaltan.

27 U issa araw, jiena, Nefi, ngħidilkom li dan kollu għandu jseħħ skont il‑ġisem.

28 Iżda araw, kull ġens, tribù, ilsien, u poplu sejjer jgħammar b’moħħu mistrieħ mal‑Qaddis ta’ Iżrael, dejjem jekk huwa jindem.

29 U issa jiena, Nefi, se nieqaf hawn; għax ma nazzardax nitkellem aktar dwar dawn il‑ħwejjeġ.

30 Għalhekk, ħuti, jien nixtieq li intom tagħrfu li l‑ħwejjeġ li ġew miktubin fuq il‑pjanċi tar‑ram huma vera; u huma jixhdu li bniedem jeħtieġ li jkun ubbidjenti lejn il‑kmandamenti ta’ Alla.

31 Għalhekk, intom m’għandkomx tassumu li jiena u missieri biss xhedna dwarhom u għallimnihom. Għalhekk, jekk intom tkunu ubbidjenti lejn il‑kmandamenti, u tibqgħu sħaħ sal‑aħħar, intom issalvaw fl‑aħħar jum. U hekk hu. Ammen.