Skrittura
1 Nefi 2


Kapitlu 2

Leħi jieħu lill‑familja tiegħu fid‑deżert ħdejn il‑Baħar tal‑Qasab—Huma jħallu warajhom il‑propjetà tagħhom—Leħi joffri sagrifiċċju lill‑Mulej u jgħallem lil uliedu s‑subien biex iħarsu l‑kmandamenti—Laman u Lemwel jilmentaw kontra missierhom—Nefi hu ubbidjenti u jitlob bil‑fidi; il‑Mulej ikellmu, u hu jintgħażel biex imexxi lil ħutu. Madwar 600 Q.K.

1 Għax araw, ġara li l‑Mulej kellem lil missieri, iva, sewwasew f’ħolma, u qallu: Imbierek int Leħi, minħabba l‑ħwejjeġ li wettaqt; u għax inti kont fidil u xandart lil dan il‑poplu l‑ħwejjeġ li ordnajtlek jiena, ara, huma se jippruvaw ineħħulek ħajtek.

2 U ġara li l‑Mulej ordna lil missieri, sewwasew f’ħolma, li kellu jaqbad lil familtu u jitlaq fid‑deżert.

3 U ġara li hu kien ubbidjenti għall‑kelma tal‑Mulej, għalhekk hu għamel kif ordnalu l‑Mulej.

4 U ġara li hu telaq fid‑deżert. U hu ħalla daru, u l‑art ta’ wirtu, u d‑deheb tiegħu, u l‑fidda tiegħu, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tiegħu, u miegħu ma ħa xejn, ħlief lill‑familja tiegħu, u l‑provvisti, u t‑tined tiegħu, u telaq fid‑deżert.

5 U niżel lejn il‑fruntieri ħdejn ix‑xatt tal‑Baħar tal‑Qasab; u mar fid‑deżert fil‑fruntieri li jinsabu aktar qrib il‑Baħar tal‑Qasab; u hu mexa fid‑deżert flimkien ma’ familtu, li kienet tikkonsisti minn ommi, Sarija, u ħuti l‑kbar subien, li kienu Laman, Lemwel, u Sam.

6 U ġara li meta kien ilu jimxi tlett ijiem fid‑deżert, hu waqqaf l‑għarix tiegħu ġo wied ħdejn xmara bl‑ilma.

7 U ġara li hu bena artal tal‑ġebel, u għamel offerta lill‑Mulej, u radd il‑ħajr lill‑Mulej Alla tagħna.

8 U ġara li x‑xmara semmieha Laman, u kienet titbattal fil‑Baħar tal‑Qasab; u l‑wied kien jinsab fil‑fruntieri ħdejn il‑bokka tagħha.

9 U meta missieri ra li l‑ilmijiet tax‑xmara kienu jitbattlu fil‑għajn tal‑Baħar tal‑Qasab, hu kellem lil Laman, u qal: O kieku inti tkun bħal din ix‑xmara, kontinwament tiġri lejn l‑għajn ta’ kull ma hu sewwa!

10 U hu kellem ukoll lil Lemwel: O kieku inti tkun bħal dan il‑wied, ferm u sod, u immobbli fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tal‑Mulej!

11 Issa hu dan qalu minħabba r‑ras iebsa ta’ Laman u Lemwel; għax araw huma bdew jilmentaw kontra missierhom dwar bosta ħwejjeġ, li hu kien bniedem viżjonarju, u li kien mexxihom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, li ħallew warajhom l‑art ta’ wirthom, u d‑deheb tagħhom, u l‑fidda tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi tagħhom, biex jinqerdu fid‑deżert. U qalu li hu għamel dan minħabba l‑bluha tal‑immaġinazzjoni ta’ qalbu.

12 U b’dan il‑mod Laman u Lemwel, li kienu l‑ikbar fost l‑aħwa, bdew jilmentaw kontra missierhom. U huma bdew jilmentaw għaliex ma kenux jafu l‑għemejjel ta’ dak Alla li ħalaqhom.

13 Lanqas ma emmnu li skont kliem il‑profeti, Ġerusalemm, dik il‑belt kbira, setgħet tinqered. U huma kienu jixbhu lil‑Lhud li kienu f’Ġerusalemm, li ppruvaw joqtlu lil missieri.

14 U ġara li missieri kellimhom b’qawwa fil‑wied ta’ Lemwel, għax kien mimli bl‑Ispirtu, sakemm ġisimhom beda jitriegħed quddiemu. U ħallihom ilkoll b’ħalqhom miftuħ, tant li ma ssugrawx ilissnu kelma kontrih; għalhekk, huma għamlu kif ordnalhom.

15 U missieri għammar f’tinda.

16 U ġara li jien, Nefi, li għalkemm kont għadni verament żgħir, madankollu kont ta’ statura kbira, kif kelli wkoll xewqa kbira li nsir naf il‑misteri ta’ Alla, għalhekk, jiena għajjatt lill‑Mulej; u araw huwa ġie jżurni, u rattabli qalbi tant li emmint il‑kliem kollu li kien qal missieri; għalhekk, jiena ma ħadthiex kontrih kif għamlu ħuti.

17 U jien kellimt lil Sam, fejn għarraftu bil‑ħwejjeġ li wrieni l‑Mulej permezz tal‑Ispirtu Qaddis tiegħu. U ġara li hu emmen kliemi.

18 Iżda, araw, Laman u Lemwel ma tawx widen għal kliemi; u peress li jien kont imnikket minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom jiena sejjaħt lill‑Mulej għalihom.

19 U ġara li l‑Mulej kellimni u qalli: Imbierek int, Nefi, minħabba l‑fidi tiegħek, għax inti fittixtni bil‑ħrara, b’qalb umli.

20 U sakemm inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti tiegħi, inti tirnexxi, u tittieħed f’art imwiegħda; iva, sewwasew f’art li jiena ħejjejt għalik; iva, art li hi aqwa minn kull art oħra.

21 U sakemm ħutek se jibqgħu jeħduha kontrik, huma se jinqatgħu mill‑preżenza tal‑Mulej.

22 U sakemm inti tibqa’ tħares il‑kmandamenti tiegħi, inti se tinħatar mexxej u għalliem fost ħutek.

23 Għax ara, f’dak il‑jum li fih huma jeħduha kontrija, jien nisħithom sewwasew b’saħta kbira, u ma jkollhom l‑ebda qawwa fuq nislek ħlief jekk anke huma jeħduha kontrija.

24 U jekk jiġri li huma jeħduha kontrija, huma jkunu pjaga għal nislek, li tħeġġiġhom ħalli jiftakru.