Skrittura
1 Nefi 18


Kapitlu 18

Il‑ġifen tlesta—Jissemma t‑twelid ta’ Ġakobb u Ġużeppi—Il‑grupp jimbarka lejn l‑art imwiegħda—L‑ulied subien ta’ Ismagħel u n‑nisa tagħhom jingħaqdu fix‑xalar u l‑irvell—Nefi jisfa’ marbut, u l‑ġifen jinġarr lura permezz ta’ maltempata terribbli—Nefi jinħeles, u permezz tat‑talb tiegħu jieqaf il‑maltemp—In‑nies jaslu fl‑art imwiegħda. Madwar 591–589 Q.K.

1 U ġara li huma bdew iqimu lill‑Mulej, u ġew miegħi; u aħna bdejna naħdmu l‑injam b’sengħa liema bħalha. U minn żmien għall‑ieħor il‑Mulej beda jurini kif kelli naħdem l‑injam tal‑ġifen.

2 Issa jien, Nefi, ma bdejtx naħdem l‑injam skont il‑metodu li juża l‑bniedem, lanqas ma bnejt il‑ġifen skont il‑metodu tal‑bniedem, iżda jiena bnejtu skont il‑metodu li wrieni l‑Mulej; għalhekk, ma kienx skont il‑metodu tal‑bniedem.

3 U jiena, Nefi, mort fil‑muntanja ta’ spiss, u tlabt spiss lill‑Mulej; għalhekk il‑Mulej urieni ħwejjeġ kbar.

4 U ġara li wara li jiena lestejt il‑ġifen, skont il‑kelma tal‑Mulej, ħuti raw illi kien tajjeb, u li s‑sengħa tiegħu kienet mill‑ifjen, għalhekk, huma reġgħu umiljaw irwieħhom quddiem il‑Mulej.

5 U ġara li leħen il‑Mulej kellem lil missieri, biex aħna nqumu u ninżlu fil‑ġifen.

6 U ġara li l‑għada, wara li ħejjejna kull ħaġa, ħafna frott u laħam mix‑xagħri, u għasel bil‑kotra, u ċerti provvisti skont dak li ordnalna l‑Mulej, aħna nżilna fil‑ġifen, bit‑tagħbija tagħna u ż‑żerriegħa tagħna, u kull ħaġa li konna ġibna magħna, kull persuna skont l‑età tagħha; għalhekk, kollha kemm aħna nżilna fil‑ġifen, flimkien man‑nisa tagħna u mat‑tfal tagħna.

7 U issa, fid‑deżert missieri kellu żewġ subien; il‑kbir semmieh Ġakobb u liż‑żgħir Ġużeppi.

8 U ġara li wara li aħna lkoll inżilna fil‑ġifen, u ħadna magħna l‑provvisti tagħna u dak li ġejna mitlubin nieħdu, aħna baħħarna lejn l‑art imwiegħda, fejn bdejna nitmexxew ’il quddiem permezz tal‑qawwa tar‑riħ.

9 U wara li konna ilna nitmexxew ’il quddiem permezz tal‑qawwa tar‑riħ għal perjodu ta’ bosta jiem, araw, ħuti u l‑ulied subien ta’ Ismagħel kif ukoll in‑nisa tagħhom bdew jagħtuha għax‑xalar, hekk li bdew jiżfnu, u jkantaw, u jitkellmu verament baxx, iva, sewwasew li nsew b’liema qawwa huma kienu nġiebu hawn; iva, huma ma setgħux jaqgħu aktar fil‑baxx milli waqgħu.

10 U jiena, Nefi, bdejt nibża bil‑kbir li l‑Mulej kien sejjer jinkorla għalina, u jagħtina tbeżbiża minħabba l‑ħażen tagħna, li nispiċċaw ninbelgħu f’qiegħ il‑baħar; għalhekk, jiena, Nefi, bdejt inkellimhom bil‑kalma kollha; iżda araw, huma ħaduha kontrija, u bdew jgħidu: Aħna ma rridux li ħuna ż‑żgħir ikun il‑mexxej tagħna.

11 U ġara li Laman u Lemwel qabduni u rabtuni bil‑ħbula, u huma bdew jittrattawni bi ħruxija kbira; madankollu, il‑Mulej ippermetta dan sabiex huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu, ħalli jiġi fis‑seħħ dak li huwa qal dwar il‑ħżiena.

12 U ġara li wara li huma rabtuni b’tali mod li jien ma stajtx nitħarrek, il‑boxxla, li kienet tħejjiet għalina mill‑Mulej, waqfet taħdem.

13 Għalhekk, huma ma kenux jafu liema naħa kellhom jidderieġu l‑ġifen, hekk li qamet maltempata kbira, iva, tempesta kbira u terribbli, u aħna spiċċajna ninġarrew lura fuq l‑ilmijiet għal tlett ijiem sħaħ; u huma nħakmu minn ħafna biża’ li ma jmorrux jispiċċaw mgħarrqa fil‑baħar; minkejja dan huma ma ġewx iħolluni.

14 U fir‑raba’ jum, minn meta bdejna ninġarrew lura, il‑maltempata bdiet tiqliel.

15 U ġara li aħna konna kważi se nispiċċaw ninbelgħu f’qiegħ il‑baħar. U wara li konna ilna ninġarrew lura fuq l‑ilmijiet għal perjodu ta’ erbat ijiem, ħuti bdew jagħrfu li Alla kien qed jagħmel ħaqq minnhom, u li huma kienu se jinqerdu jekk ma jindmux minn ħtijiethom; għalhekk, huma ġew fuqi, u ħallew il‑ħbula li kelli madwar il‑polzi tiegħi, u araw, dawn kienu minfuħin waħda sew; u anki l‑għekiesi tiegħi kienu minfuħin waħda sew; u kont muġugħ ħafna minħabba f’hekk.

16 Madankollu, jiena dort lejn Alla tiegħi, u lilu bdejt infaħħar il‑jum kollu; u ma bdejtx nilmenta kontra l‑Mulej minħabba l‑hemm tiegħi.

17 Issa missieri, Leħi, tkellem magħhom dwar bosta ħwejjeġ, kif ukoll mal‑ulied subien ta’ Ismagħel; iżda, araw, huma lissnu ħafna theddid kontra kull min ried jitkellem f’ismi; u l‑ġenituri tiegħi li kienu mdaħħlin sew fiż‑żmien, u li verament batew minħabba wliedhom, spiċċaw mixħutin, sewwasew, fis‑sodda tal‑mard tagħhom.

18 Minħabba l‑mard u n‑niket kbir tagħhom, u minħabba ħażen uliedhom, huma issa spiċċaw sewwasew f’punt illi jittieħdu sabiex jiltaqgħu ma’ Alla tagħhom; iva, ix‑xagħar griż tagħhom issa dalwaqt kien se jitniżżel biex fit‑trab jimtedd; iva, huma sewwasew kienu fil‑qrib li jinxteħtu f’qabar tal‑ilma mifnijin bin‑niket.

19 U Ġakobb kif ukoll Ġużeppi, li kienu għadhom żgħar u kellhom bżonn ħafna min jindukrahom, ħassewhom imnikktin minħabba l‑afflizzjonijiet ta’ ommhom; u la marti bid‑dmugħ f’għajnejha u bit‑talb tagħha, u lanqas uliedi, ma rnexxielhom irattbu qalb ħuti li jiġu u jħolluni.

20 U ma kien hemm xejn li seta’ jrattab qalbhom ħlief il‑qawwa ta’ Alla li heddithom li teqridhom; għalhekk, meta raw li huma kienu sejrin jinbelgħu f’qiegħ il‑baħar huma nidmu minn dak li kienu għamlu, hekk li ġew iħolluni.

21 U ġara li wara li huma ħallewni, araw, jiena qbadt f’idi l‑boxxla, u hi bdiet taħdem skont ix‑xewqa tiegħi. U ġara li jiena tlabt lill‑Mulej; u wara li jiena tlabt ir‑riħ waqaf, u l‑maltempata waqfet, u waqgħet kalma kbira.

22 U ġara li jien, Nefi, bdejt niggwida l‑ġifen, hekk li erġajna bdejna nbaħħru lejn l‑art imwiegħda.

23 U ġara li wara li konna ilna nbaħħru għal perjodu ta’ bosta jiem aħna wasalna fl‑art imwiegħda; u aħna żbarkajna u tellajna t‑tined tagħna; u semmejniha l‑art imwiegħda.

24 U ġara li aħna bdejna naħdmu l‑art, u bdejna nħawwlu ż‑żerriegħa; iva, aħna ħawwilna fl‑art iż‑żerriegħa kollha li kellna, li ġibna magħna mill‑art ta’ Ġerusalemm. U ġara li hi kibret fuq li kibret; għalhekk, aħna ġejna mberkin bil‑kotra.

25 U ġara li hekk kif konna mexjin fix‑xagħri selvaġġ, sibna li fl‑art imwiegħda kien hemm fil‑foresti bhejjem ta’ kull xorta, kemm il‑baqra kif ukoll il‑gendus, kemm il‑ħmar kif ukoll iż‑żiemel, u kemm il‑mogħża kif ukoll il‑mogħża selvaġġa, u kull għamla ta’ annimali selvaġġi, li kienu għall‑użu tal‑bniedem. U aħna sibna kull xorta ta’ mineral, kemm tad‑deheb, kif ukoll tal‑fidda, u tar‑ram.