Kapitlu 17
Nefi ordnat jibni ġifen—Ħutu jopponuh—Hu jħeġġiġhom billi jirrakkontalhom l‑istorja tal‑interazzjoni ta’ Alla ma’ Iżrael—Nefi jimtela bil‑qawwa ta’ Alla—Ħutu jiġu pprojbiti li jmissuh, ma jmorrux jidbielu bħall‑qasab imnixxef. Madwar 592‑591 Q.K.
1 U ġara li aħna erġajna komplejna bil‑vjaġġ tagħna fid‑deżert; u minn dakinhar bdejna nterrqu qrib in‑naħa tal‑lvant. U aħna vvjaġġajna fid‑deżert u għaddejna minn ħafna taħbit; u n‑nisa tagħna welldu t‑tfal fid‑deżert.
2 U tant kienu kbar il‑barkiet li xeħet fuqna l‑Mulej, li minkejja li fid‑deżert konna qed ngħixu billi nieklu biss laħam nej, in‑nisa tagħna kellhom ħafna xi jreddgħu lil uliedhom, u kienu b’saħħithom, iva, sewwasew daqs l‑irġiel; u bdew jiffaċċjaw il‑vjaġġ tagħhom bla ma jilmentaw.
3 U b’hekk naraw li l‑kmandamenti ta’ Alla jeħtieġ li jiġu fis‑seħħ. U jekk ulied il‑bnedmin iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla huwa jsostnihom, u jqawwihom, u jipprovdilhom mezz kif huma jkunu jistgħu jwettqu dak li huwa jkun ordnalhom; għalhekk, huwa pprovdielna l‑mezzi waqt li aħna konna qed ngħammru fid‑deżert.
4 U aħna domna ngħammru hemm għal ħafna snin, iva, aħna għaddejna sewwasew tmien snin fid‑deżert.
5 U aħna wasalna fil‑post li semmejnieh Kotran, minħabba l‑ħafna frott kif ukoll l‑għasel selvaġġ li kien hemm; u l‑Mulej ħejja dawn il‑ħwejjeġ kollha għalina biex aħna ma ninqerdux. U aħna rajna l‑baħar, li semmejnieh Irreantum, li tfisser ħafna ilmijiet.
6 U ġara li aħna tellajna t‑tined tagħna ħdejn xatt il‑baħar; u minkejja li esperjenzajna ħafna taħbit u għaddejna wkoll minn diffikultajiet kbar, iva, tant li ma nistgħux niktbuhom kollha, aħna bdejna naqbżu bil‑ferħ hekk kif wasalna ħdejn xatt il‑baħar; u l‑post semmejnieh Kotran, minħabba l‑ħafna frott li kien hemm.
7 U ġara li wara li jiena, Nefi, kont ili fl‑art ta’ Kotran għal bosta jiem, ġie jżurni leħen il‑Mulej u qalli: Qum, u mur fil‑muntanja. U ġara li jiena qomt u tlajt fuq il‑muntanja, u sejjaħt lill‑Mulej.
8 U ġara li l‑Mulej kellimni u qalli: Inti għandek tibni ġifen, skont il‑metodu li jien se nurik, biex inkun nista’ nġorr lil niesek għan‑naħa l‑oħra ta’ dawn l‑ilmijiet.
9 U jien għidt: Mulej, fejn għandi mmur ħalli nkun nista’ nsib minerali xi ndewweb, biex inkun nista’ nagħmel l‑għodda ħalli nibni l‑ġifen skont il‑metodu li wrejtni int?
10 U ġara li l‑Mulej qalli fejn kelli mmur biex insib il‑minerali, ħalli nkun nista’ nagħmel l‑għodda.
11 U ġara li jiena, Nefi, għamilt minfaħ mill‑ġlud tal‑bhejjem, li permezz tiegħu nkun nista’ nonfoħ fuq in‑nar; u wara li għamilt minfaħ, biex bih inkun nista’ nonfoħ fuq in‑nar, bdejt inħabbat ġebla m’oħra ħalli nkun nista’ nqabbad in‑nar.
12 Għax sa issa il‑Mulej ma kienx għadu ħalliena nużaw ħafna n‑nar, waqt li konna qed nivvjaġġaw fid‑deżert; għax huwa qalilna: Jien se nara li l‑ikel tagħkom ikollu palat tajjeb mingħajr ma jkollkom bżonn issajruh;
13 U jien se nkun ukoll id‑dawl tagħkom fid‑deżert; u se nħejji t‑triq quddiemkom, dejjem jekk intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi; għalhekk, diment li intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom se titmexxew lejn l‑art imwiegħda; u se tagħrfu li jien hu dak li qed immexxikom.
14 Iva, u l‑Mulej qal ukoll li: Wara li intom taslu fl‑art imwiegħda, intom se tagħrfu li jien, il‑Mulej, hu Alla; u li jien, il‑Mulej, ħlistkom mill‑qerda; iva, meta lilkom jiena ħriġt ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm.
15 Għalhekk, jiena, Nefi, għamilt dak li stajt biex inħares il‑kmandamenti tal‑Mulej, u ħeġġiġt lil ħuti biex ikunu fidili u diliġenti.
16 U ġara li jien għamilt l‑għodda mill‑minerali li jiena dewwibt mill‑blat.
17 U meta ħuti raw li jien kont se nibni ġifen, huma bdew jilmentaw kontrija u jgħidu: Ħuna qed jitbellah, għax jaħseb li jista’ jibni ġifen; iva, u jaħseb ukoll li jista’ jbaħħar fuq dawn l‑ibħra daqstant vasti.
18 U kien b’dan il‑mod li ħuti bdew jilmentaw kontrija, u wrew ix‑xewqa li ma jmiddux idejhom, għax ma kinux jemmnu li jien stajt nibni ġifen; lanqas ma kienu jemmnu li jiena ġejt mgħallem mill‑Mulej.
19 U issa ġara li jiena, Nefi, ħassejtni mnikket bil‑kbir minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; u issa, meta huma raw li jiena bdejt inħossni mnikket, qalbhom imtliet bil‑ferħ, tant li huma bdew jitgħaxxqu minħabba fija u jgħidu: Aħna konna nafu li int ma stajtx tibni ġifen, għax konna nafu li ma tafx x’inti tgħid; għalhekk, int ma tistax twettaq xi ħaġa daqstant diffiċli.
20 U inti tixbah lil missierna, li jħalli l‑immaġinazzjoni ta’ qalbu tiġri bih; iva, huwa ħariġna ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, u aħna għaddejna dawn is‑snin kollha niġġerrew fid‑deżert; u n‑nisa tagħna batew bil‑kbir fit‑tqala tagħhom; u huma welldu t‑tfal fid‑deżert u batew kull tip ta’ tbatija, minbarra l‑mewt; u kien ikun wisq aħjar li kieku huma mietu qabel ħallew Ġerusalemm milli kellhom jgħaddu minn din it‑tbatija kollha.
21 Ara, aħna għaddejna dawn is‑snin kollha nbatu fid‑deżert, minflok ma għaddejna dan iż‑żmien ingawdu l‑ġid tagħna u l‑art ta’ wirtna; iva, u stajna wkoll niksbu l‑kuntentizza.
22 U aħna nafu li n‑nies li kienu fl‑art ta’ Ġerusalemm kienu nies twajbin; għaliex huma kienu jħarsu l‑liġijiet u d‑digrieti tal‑Mulej, u l‑kmandamenti tiegħu kollha, skont il‑liġi ta’ Mosè; għalhekk, aħna nafu li huma nies twajbin; u missierna kkundannahom, u mexxiena ’l barra minn hemm għax aħna smajna minn dak li beda jgħidilna; iva, u ħuna l‑istess bħalu. U kien b’dan il‑mod ta’ diskors li ħuti bdew jilmentaw u jgemgmu kontra tagħna.
23 U ġara li jiena, Nefi, kellimthom u għidt: Temmnu intom li missirijietna, li kienu wlied Iżrael, setgħu jitmexxew lil hinn mill‑ħakma tal‑Eġizzjani li kieku ma semgħux minn kliem il‑Mulej?
24 Iva, taħsbu intom li huma setgħu jitmexxew lil hinn mill‑jasar, li kieku l‑Mulej ma ordnax lil Mosè biex huwa jmexxihom lil hinn mill‑jasar?
25 Issa intom tafu li wlied Iżrael kienu jinsabu fil‑jasar; u tafu wkoll li huma kienu mgħakksin b’xogħol mill‑aktar iebes u diffiċli; għalhekk, intom tafu li kienet ħaġa tajba żgur għalihom li huma jinħarġu mill‑jasar.
26 Issa intom tafu li Mosè ġie mitlub mill‑Mulej biex iwettaq dik il‑biċċa xogħol kbira; u tafu li permezz tal‑kelma tiegħu l‑Baħar tal‑Qasab inferaq ’l hemm u ‘l hawn, u huma għaddew minn nofsu fuq art niexfa.
27 Iżda intom tafu li l‑Eġizzjani, illi kienu l‑armati tal‑Fargħun, sfaw mgħarrqin fil‑Baħar tal‑Qasab.
28 U tafu wkoll li huma ġew mitmugħa l‑manna fid‑deżert.
29 Iva, u tafu wkoll li Mosè, permezz tal‑kelma tiegħu, skont il‑qawwa ta’ Alla li kienet tinsab fih, ħabbat fuq il‑blata, u minnha beda ħiereġ l‑ilma, biex ulied Iżrael ikunu jistgħu jaqtgħu l‑għatx.
30 U minkejja li huma kienu qed jiġu mmexxijin, bil‑Mulej Alla tagħhom u l‑Feddej tagħhom, miexi quddiemhom, li beda jmexxihom binhar u jipprovdilhom id‑dawl mal‑lejl, u li għamel għalihom dak kollu li hu tajjeb li bniedem ikollu, huma webbsu qalbhom u dallmu moħħhom, u bdew iżebilħu lil Mosè u lil Alla veru u ħaj.
31 U ġara li, skont kelmtu, huwa qeridhom; u skont kelmtu, huwa mexxihom; u skont kelmtu, huwa għamel minn kollox għalihom; u l‑ebda ħaġa ma seħħet jekk mhux permezz ta’ kelmtu.
32 U wara li huma qasmu x‑xmara Ġordan huwa lilhom mela bil‑qawwa sal‑punt li wlied dik l‑art sefgħu mkeċċija ’l barra, iva, u spiċċaw imxerrdin sakemm inqerdu.
33 U issa, intom taħsbu li wlied din l‑art, li kienu fl‑art imwiegħda, li ġew imġiegħla jitilqu minn missirijietna, intom taħsbu li kienu nies twajbin? Araw, jiena ngħidilkom, Le.
34 Intom taħsbu li missirijietna kienu se jkunu magħżulin aktar minnhom li kieku huma kienu twajbin? Jiena ngħidilkom, Le.
35 Araw, il‑Mulej iqis lil kulħadd l‑istess; lil dak li hu twajjeb, lilu Alla jbierek. Iżda araw, dan il‑poplu ċaħad kull kelma ta’ Alla, u huma spiċċaw misjurin waħda sew fil‑ħażen; u l‑milja tal‑korla ta’ Alla kienet tinsab fuqhom; u l‑Mulej seħet l‑art għad‑detriment tagħhom; u għal missirijietna huwa berikha; iva, huwa seħetha għad‑detriment tagħhom tant li huma spiċċaw inqerdu, u għal missirijietna huwa berikha ħalli jkollhom poter fuqha.
36 Araw, il‑Mulej ħoloq l‑art biex jgħammru n‑nies fiha; u huwa ħoloq lil uliedu biex f’idejhom hija tkun.
37 U huwa jqajjem ġens ġust, u jeqred il‑ġnus tal‑ħżiena.
38 U huwa jmexxi lill‑ġusti lejn artijiet siewja, u lill‑ħżiena huwa jeqred, u jisħet l‑art minħabba fihom.
39 Huwa jsaltan fl‑għoli tas‑sema, li hija t‑tron tiegħu, u din l‑art hija l‑mirfes ta’ riġlejh.
40 U huwa jħobb lil dawk li jriduh ikun Alla tagħhom. Araw, huwa ħabb lil missirijietna, u għamel patt magħhom, iva, sewwasew ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb; u huwa ftakar fil‑patti li huwa għamel; għalhekk, huwa ħariġhom ’il barra mill‑art tal‑Eġittu.
41 U lilhom huwa rażżan fid‑deżert permezz tal‑ħatar tiegħu; għaliex huma webbsu qalbhom, kif għamiltu intom; u l‑Mulej rażżanhom minħabba ħżunithom. Huwa bagħat fosthom sriep velenużi u jtiru; u wara li lilhom gidmu huwa ħejja mod biex ikunu jistgħu jitfejqu; u kulma kellhom jagħmlu kien li jħarsu; u minħabba l‑mod daqstant sempliċi, jew il‑faċilità tiegħu, kienu ħafna li spiċċaw inqerdu.
42 U minn żmien għall‑ieħor huma bdew iwebbsu qalbhom, u jżebilħu lil Mosè, kif ukoll lil Alla; madankollu, intom tafu li huma ġew immexxijin permezz tal‑qawwa inkomparabbli tiegħu lejn l‑art imwiegħda.
43 U issa, wara dan kollu, wasal żmien fejn huma tant ġew maħkumin mill‑ħażen, iva, li kważi spiċċaw misjurin iżżejjed; u naħseb li wasal il‑jum li ma jdumux ma jinqerdu; għax jiena naf li dak il‑jum żgur se jasal li fih huma sejrin jinqerdu kollha, ħlief għal xi ftit li sejrin jittieħdu fil‑jasar.
44 Għalhekk, il‑Mulej ordna lil missieri biex jitlaq lejn id‑deżert; u l‑Lhud ukoll ippruvaw ineħħulu ħajtu; u anke intom ippruvajtu tneħħulu ħajtu; għalhekk, intom qattiela f’qalbkom u tixbhu lilhom.
45 Intom ħfief biex tagħmlu l‑ħażen imma tqal biex tiftakru fil‑Mulej Alla tagħkom. Intom rajtu anġlu, u huwa kellimkom; iva, minn żmien għall‑ieħor intom smajtu leħnu; u hu kellimkom permezz ta’ leħen ħelu u sieket, imma intom tliftu kull sentiment, hekk li ma stajtux tħossu kliemu; għalhekk, huwa kellimkom b’leħen jixbah lir‑ragħad, li wassal biex l‑art titheżżeż bħallikieku kienet se tinqasam fi tnejn.
46 U intom tafu wkoll li bil‑qawwa tal‑kelma setgħana tiegħu huwa jista’ jwassal biex l‑art ma tibqax aktar; iva, u intom tafu li permezz tal‑kelma tiegħu huwa jista’ jillixxa l‑postijiet imħarbta, u jagħmel ħerba mill‑postijiet lixxi. Allura x’inhi r‑raġuni li intom qed twebbsu daqstant qalbkom?
47 Araw, jien għandi ruħi trid tinqasam bin‑niket minħabba fikom, u għandi qalbi muġugħa; ferm nibża’ li intom sejrin titwarrbu għal dejjem. Araw, jiena tant inħossni mimli bl‑Ispirtu ta’ Alla, li ma baqagħlix aktar saħħa f’ġismi.
48 U issa ġara li meta jiena għidt dan il‑kliem huma ħaduha kontrija, u xtaqu jitfgħuni f’qiegħ il‑baħar; u hekk kif ġew biex jerfgħu idejhom fuqi jiena kellimthom u għidtilhom: F’isem Alla li Jista’ Kollox, qed nordnalkom biex ma tmissunix, għaliex jiena mimli bil‑qawwa ta’ Alla, liema qawwa nħossha li qed tikkonsmali ġismi; u min jerfa’ jdejh fuqi jispiċċa jidbiel sewwasew bħall‑qasab imnixxef; u huwa jispiċċa fix‑xejn quddiem il‑qawwa ta’ Alla, għaliex lilu Alla jilħaq.
49 U ġara li jiena, Nefi, għidtilhom biex ma jkomplux jilmentaw kontra missierhom; u lanqas m’għandhom jibqgħu lura milli jagħtuni daqqa t’id, għax kien Alla li ordnali biex nibni ġifen.
50 U jien għidtilhom: Kieku Alla ordnali biex inwettaq kull ħaġa, jiena nagħmel dan. U jekk jordnali biex ngħid lil dan l‑ilma, inbidel f’art, huwa jsir art; u hekk jiena ngħid dan, hekk isir.
51 U issa, jekk il‑Mulej għandu qawwa daqstant kbira, u jekk huwa wettaq daqstant mirakli fost ulied il‑bnedmin, mela għalfejn ma jistax juri lili kif għandi nibni ġifen?
52 U ġara li jiena, Nefi, għidt lil ħuti ħafna ħwejjeġ, tant li huma ħassewhom umiljati u ma setgħux jitlewmu miegħi aktar; u għal bosta jiem huma lanqas m’azzardaw jerfgħu idejhom fuqi jew imissuni b’subgħajhom. Issa huma m’azzardawx jagħmlu dan, ma jmorrux jidbielu quddiemi, għax daqstant kien qawwi l‑Ispirtu ta’ Alla; u kien b’dan il‑mod li hu ħadem fuqhom.
53 U ġara li l‑Mulej qalli: Erġa’ oħroġ dirgħajk quddiem ħutek, u huma mhumiex se jidbielu quddiemek, imma jiena se nwassalhom biex jibdew jitriegħdu, jgħid il‑Mulej, u dan se nagħmlu ħalli huma jkunu jafu li jiena l‑Mulej Alla tagħhom.
54 U ġara li jiena ħriġt dirgħajja quddiem ħuti, u huma ma bdewx jidbielu quddiemi; imma l‑Mulej wassalhom biex jitriegħdu, sewwasew skont il‑kliem li kien qal.
55 U issa, huma qalu: Aħna nafu tassew li l‑Mulej jinsab miegħek, għaliex nafu li hija l‑qawwa tal‑Mulej li wasslitna biex nitriegħdu. U huma nxteħtu quddiemi, u kienu se jibdew iqimuni, imma jien ma ħallejthomx u għidtilhom: Jiena ħukom, iva, ħukom iż‑żgħir; għalhekk, araw li tqimu lill‑Mulej Alla tagħkom, u agħtu ġieħ lil missierkom u lil ommkom, sabiex jitkattru jiemkom fuq l‑art, li l‑Mulej Alla tagħkom se jagħtikom.