Skrittura
1 Nefi 15


Kapitlu 15

Nisel Leħi sejjer jirċievi l‑evanġelju mingħand il‑Ġentili fl‑aħħar żminijiet—Il‑ġabra ta’ Iżrael tixbah lil siġra taż‑żebbuġ li l‑fergħat naturali tagħha se jerġgħu jitlaqqmu mill‑ġdid—Nefi jinterpreta d‑dehra tas‑siġra tal‑ħajja u jitkellem dwar il‑ġustizzja ta’ Alla fil‑mod li hu se jissepara l‑ħżiena mit‑twajbin. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li wara li jien, Nefi, ġejt meħud fl‑Ispirtu, u rajt dawn il‑ħwejjeġ kollha, jien erġajt lura fit‑tinda ta’ missieri.

2 U ġara li jiena rajt lil ħuti, u huma kienu qed jargumentaw bejniethom dwar il‑ħwejjeġ li missieri kellimhom dwarhom.

3 Għax hu verament kellimhom dwar bosta ħwejjeġ kbar, li kien diffiċli li bniedem jifhimhom, sakemm ma jistaqsix lill‑Mulej; u peress li huma kellhom qalbhom iebsa, għalhekk ma darux lejn il‑Mulej kif kien imisshom jagħmlu.

4 U issa jien, Nefi, ħassejtni mnikket minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom, kif ukoll, minħabba l‑ħwejjeġ li jiena rajt, u kont naf li inevitabbilment kienu se jiġu fis‑seħħ minħabba l‑ħażen kbir ta’ wlied il‑bnedmin.

5 U ġara li jien ħassejtni maħkum minħabba l‑afflizzjonijiet tiegħi, għaliex kont narahom jisbqu kull afflizzjoni oħra, minħabba l‑qerda tan‑nies tiegħi, għax jiena rajt il‑waqgħa tagħhom.

6 U ġara li wara li jiena ġejt f’tiegħi jien kellimt lil ħuti, fejn xtaqt inkun naf mingħandhom għalfejn huma bdew jargumentaw.

7 U huma qalu: Ara, aħna ma nistgħux nifhmu l‑kliem li qal missierna dwar il‑fergħat naturali tas‑siġra taż‑żebbuġ, kif ukoll dwar il‑Ġentili.

8 U jien għidtilhom: Intom staqsejtuh lill‑Mulej?

9 U huma qaluli: Ma staqsejniehx; għax il‑Mulej lilna ma juriniex ħwejjeġ bħal dawn.

10 Araw, għidtilhom jien: Intom għalfejn ma tħarsux il‑kmandamenti tal‑Mulej? Għalfejn sejrin tintiflu, minħabba l‑ebusija ta’ qalbkom?

11 Ma tiftakrux il‑ħwejjeġ li qal il‑Mulej?—Jekk ma twebbsux qalbkom, u tistaqsuni bil‑fidi, u temmnu li sejrin taqilgħu, u tħarsu bir‑reqqa l‑kmandamenti tiegħi, żgur li dawn il‑ħwejjeġ jiġu murija lilkom.

12 Araw, jien ngħidilkom, li d‑dar ta’ Iżrael ġiet imqabbla ma’ siġra taż‑żebbuġ, mill‑Ispirtu tal‑Mulej li kien jinsab f’missierna; u araw m’aħniex aħna mqaċċtin mid‑dar ta’ Iżrael, u m’aħniex aħna fergħa mid‑dar ta’ Iżrael?

13 U issa, dak li ried ifisser missierna dwar it‑tilqim tal‑fergħat naturali permezz tal‑milja tal‑Ġentili, hu, li fl‑aħħar żminijiet, meta n‑nisel tagħna ftit, ftit jispiċċa jitlef il‑fidi, iva, għal perjodu ta’ ħafna snin, u ħafna ġenerazzjonijiet wara li l‑Messija se jidher fil‑ġisem fost ulied il‑bnedmin, imbagħad il‑milja tal‑evanġelju tal‑Messija se tasal għand il‑Ġentili, u mill‑Ġentili għal għand il‑fdal tan‑nisel tagħna—

14 U f’dak il‑jum il‑fdal tan‑nisel tagħna sejrin ikunu jafu li huma parti mid‑dar ta’ Iżrael, u li huma l‑poplu tal‑patt tal‑Mulej; u mbagħad huma se jkunu jafu u jseħħilhom jaslu biex jagħrfu lil missirijiethom, kif ukoll jagħrfu l‑evanġelju tal‑Feddej tagħhom, li wasal għand missirijiethom permezz tal‑ministeru tiegħu; għalhekk, huma jseħħilhom jaslu biex jagħrfu lill‑Feddej tagħhom u l‑punti preċiżi tad‑duttrina tiegħu, biex ikunu jafu kif jistgħu jersqu lejh u jsalvaw.

15 U mbagħad f’dak il‑jum huma mhumiex se jifirħu u jfaħħru lil Alla ta’ dejjem tagħhom, il‑blata tagħhom u s‑salvazzjoni tagħhom? Iva, f’dak il‑jum, huma mhumiex se jiksbu s‑saħħa u n‑nutriment mid‑dielja vera? Iva, huma mhumiex se jersqu lejn il‑merħla vera ta’ Alla?

16 Araw, jien ngħidilkom, Iva; huma se jitqiesu għal darb’oħra fost id‑dar ta’ Iżrael; u għax huma fergħa naturali tas‑siġra taż‑żebbuġ, huma se jitlaqqmu fis‑siġra vera taż‑żebbuġ.

17 U dan hu dak li ried ifisser missierna; u hu ried ifisser li dan mhux se jiġi fis‑seħħ qabel ma l‑ewwel huma jiġu mxerrda mill‑Ġentili; u hu ried ifisser li dan se jseħħ permezz tal‑Ġentili, biex il‑Mulej ikun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lill‑Ġentili, peress li huwa sejjer jiġi mwarrab mil‑Lhud, jew mid‑dar ta’ Iżrael.

18 Għalhekk, missierna ma kienx qed jitkellem biss dwar in‑nisel tagħna, iżda wkoll dwar id‑dar kollha ta’ Iżrael, fejn enfasizza l‑patt li se jiġi fis‑seħħ fl‑aħħar żminijiet; liema patt il‑Mulej għamel ma’ missierna Abraham, meta qallu: F’nislek jitbierku l‑ġnus kollha tal‑art.

19 U ġara li jien, Nefi, kellimthom ħafna dwar dawn il‑ħwejjeġ, iva, jien kellimthom dwar ir‑restawrazzjoni tal‑Lhud fl‑aħħar żminijiet.

20 U jien tennejtilhom kliem Isaija, li tkellem dwar ir‑restawrazzjoni tal‑Lhud, jew dwar id‑dar ta’ Iżrael; u wara li jiġu rrestawrati huma ma jkollhomx aktar bżonn tbeżbiża, u lanqas mhuma se jerġgħu jiġu mxerrdin. U ġara li jiena tkellimt ħafna ma’ ħuti, tant illi huma kkalmaw u waslu sabiex umiljaw ruħhom quddiem il‑Mulej.

21 U ġara li huma reġgħu kellmuni mill‑ġdid u qaluli: Xi tfisser din il‑ħaġa li missierna ra f’ħolma? Xi tfisser is‑siġra li huwa ra?

22 U jien għidtilhom: Hija rappreżentazzjoni tas‑siġra tal‑ħajja.

23 U huma qaluli: Xi tfisser il‑virga tal‑ħadid li missierna ra, li twassal għas‑siġra?

24 U għidtilhom li kienet il‑kelma ta’ Alla; u li dawk kollha li jagħtu widen għall‑kelma ta’ Alla, u jżommu sew magħha, ma jintiflu qatt; lanqas it‑tiġrib u l‑vleġeġ kollha nar tal‑avversarju ma jkunu jistgħu jegħlbuhom sal‑punt li jagħmew, li jwassalhom sal‑qerda.

25 Għalhekk, jien, Nefi, ħeġġiġthom biex jagħtu widen għall‑kelma tal‑Mulej; iva, jien ħeġġiġthom bil‑qawwa kollha ta’ ruħi, u bil‑fakultà kollha li kont nippossedi, biex huma jagħtu widen għall‑kelma ta’ Alla u jiftakru dejjem li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu f’kull ħaġa.

26 U huma qaluli: Xi tfisser ix‑xmara tal‑ilma li missierna ra?

27 U jien għidtilhom li l‑ilma li missieri ra kien ħmieġ; u hu tant kellu moħħu okkupat bi ħwejjeġ oħra li hu ma rax il‑ħmieġ tal‑ilma.

28 U jien għidtilhom li din kienet abiss tal‑biżà, li kien jifred lill‑ħżiena mis‑siġra tal‑ħajja, kif ukoll mill‑qaddisin ta’ Alla.

29 U jien għidtilhom li dan kien rappreżentazzjoni ta’ dak l‑infern tal‑biżà, li l‑anġlu qalli li kien tħejja għall‑ħżiena.

30 U jien għidtilhom li missierna ra wkoll li l‑ġustizzja ta’ Alla kienet tifred ukoll il‑ħżiena mit‑twajbin; u d‑dija tagħha kienet tixbah lid‑dija tan‑nar iħeġġeġ, li titla’ ’l fuq ħdejn Alla għal dejjem ta’ dejjem, u m’għandha l‑ebda tmiem.

31 U huma qaluli: Allura din il‑ħaġa tfisser it‑turment tal‑ġisem fil‑jiem ta’ probazzjon, jew inkella tfisser l‑istat finali tar‑ruħ wara l‑mewt tal‑ġisem temporali, jew forsi din qed tirreferi għall‑ħwejjeġ li huma temporali?

32 U ġara li jien għidtilhom li kienet rappreżentazzjoni ta’ ħwejjeġ kemm temporali kif ukoll spiritwali; għax għad jasal il‑jum li fih huma se jiġu ġġudikati skont għemilhom, iva, sewwasew skont l‑għemejjel li twettqu permezz tal‑ġisem temporali fil‑jiem ta’ probazzjoni tagħhom.

33 Għalhekk, jekk imutu fi ħżunithom huma jitwarrbu wkoll, fir‑rigward tal‑ħwejjeġ spiritwali, li għandhom x’jaqsmu mas‑sewwa; għalhekk, huma għandhom jinġiebu biex jieqfu quddiem Alla, biex jiġu ġġudikati skont għemilhom; u jekk l‑għemejjel tagħhom kienu maħmuġin hu inevitabbli li huma maħmuġin; u jekk ikunu maħmuġin jeħtieġ li ma jgħammrux fis‑saltna ta’ Alla; għax inkella, is‑saltna ta’ Alla tkun maħmuġa wkoll.

34 Iżda araw, jien ngħidilkom, li s‑saltna ta’ Alla mhijiex maħmuġa, u l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis‑saltna ta’ Alla; għalhekk jeħtieġ li jkun hemm post għall‑ħmieġ imħejji għal dak li hu maħmuġ.

35 U iva, hemm post imħejji, sewwasew dak l‑infern tal‑biżà li jien tkellimt dwaru, u x‑xitan hu dak li ħejjih; għalhekk l‑istat finali ta’ ruħ il‑bnedmin hu li tgħammar fis‑saltna ta’ Alla, jew li tintrema ’l barra minħabba dik il‑ġustizzja li jiena tkellimt dwarha.

36 Għalhekk, il‑ħżiena jitwarrbu minn mat‑twajbin, kif ukoll minn dik is‑siġra tal‑ħajja, li l‑frott tagħha hu mill‑aktar prezzjuż u hu ta’ min jixtiequ aktar minn kull frott ieħor; iva, u hu l‑akbar fost ir‑rigali kollha ta’ Alla. U b’dan il‑mod jiena kellimt lil ħuti. Ammen.