Skrittura
1 Nefi 11


Kapitlu 11

Nefi jara l‑Ispirtu tal‑Mulej u jiġi muri f’dehra s‑siġra tal‑ħajja—Hu jara l‑omm Iben Alla u jitgħallem dwar il‑kondixxendenza ta’ Alla—Hu jara l‑magħmudija, il‑ministeru, u l‑kruċifissjoni tal‑Ħaruf ta’ Alla—Hu jara wkoll is‑sejħa u l‑ministeru tat‑Tnax‑il Appostlu tal‑Ħaruf. Madwar 600–592 Q.K.

1 Għax ġara li wara li jiena ġietni x‑xewqa li nsir naf il‑ħwejjeġ li ra missieri, u għax kont nemmen li l‑Mulej seta’ jiżvela dawn il‑ħwejjeġ lili, hekk kif kont bilqiegħda nixtarrhom f’qalbi l‑Ispirtu tal‑Mulej ħatafni, iva, u ħadni f’muntanja mill‑aktar għolja, li jien qatt ma kont rajt qabel, u li fuqha jien qatt ma kont middejt riġlejja.

2 U l‑Ispirtu qalli: Ara, x’inhi x‑xewqa tiegħek?

3 U jien għidt: Nixtieq nara l‑ħwejjeġ li ra missieri.

4 U l‑Ispirtu qalli: Temmen int li missierek ra s‑siġra li hu tkellem dwarha?

5 U jien għidt: Iva, int taf li jien nemmen il‑kliem kollu li jgħid missieri.

6 U meta jien għidt dan il‑kliem, l‑Ispirtu għajjat b’leħen għoli, u qal: Hosanna lill‑Mulej, Alla l‑għoli; għax hu Alla fuq l‑art kollha, iva, sewwasew fuq kulħadd. U mbierek int, Nefi, għaliex temmen f’Bin Alla l‑għoli; għalhekk, inti sejjer tara dawk il‑ħwejjeġ li xtaqt tara.

7 U ara din il‑ħaġa se tingħata lilek bħala sinjal, li wara li int tkun rajt is‑siġra li għamlet dak il‑frott li daq missierek, inti sejjer tara wkoll raġel nieżel mis‑smewwiet, u b’għajnejk lilu inti se tara; u wara li b’għajnejk lilu tkun rajt inti se tagħti xhieda li hu Bin Alla.

8 U ġara li l‑Ispirtu qalli: Ħares! U jien ħarist u rajt siġra; u kienet qisha s‑siġra li ra missieri; u s‑sbuħija tagħha kienet tiżboq, verament, kull sbuħija oħra; u l‑bjuda tagħha kienet tiżboq il‑bjudija tas‑silġ.

9 U ġara li wara li jiena rajt is‑siġra, jien għidt lill‑Ispirtu: Jiena naf li inti wrejtni s‑siġra li hi l‑aktar waħda prezzjuża.

10 U hu qalli: X’inhi x‑xewqa tiegħek?

11 U jien għidtlu: Li nkun naf l‑interpretazzjoni tagħha—għaliex jien kellimtu kif jitkellem bniedem; għax jiena rajt li hu kellu l‑forma ta’ bniedem; iżda madankollu, jien kont naf li hu kien l‑Ispirtu tal‑Mulej; u hu lili kellimni kif bniedem jitkellem ma’ ieħor.

12 U ġara li hu qalli: Ħares! U jien ħarist fejn kien hu, u lilu ma rajtux; għax hu kien telaq minn quddiemi.

13 U ġara li jien ħarist u rajt il‑belt kbira ta’ Ġerusalem, kif ukoll bliet oħra. U rajt il‑belt ta’ Nazaret; u fil‑belt ta’ Nazaret jiena rajt xebba verġni, u hi kienet mill‑aktar grazzjuża u safja.

14 U ġara li jiena rajt is‑smewwiet jinfetħu; u niżel anġlu u waqaf quddiemi; u huwa qalli: Nefi, x’inti tara?

15 U jien għidtlu: qed nara xebba verġni, aktar sabiħa u grazzjuża minn kull xebba oħra.

16 U huwa qalli: Inti taf il‑kondixxendenza ta’ Alla?

17 U jien għidtlu: Jiena naf li huwa jħobb lil uliedu; madankollu, ma nafx it‑tifsira ta’ kull ħaġa.

18 U huwa qalli: Ara, ix‑xebba verġni li inti qed tara hija omm Iben Alla, skont il‑ġisem.

19 U ġara li jiena rajt li hija ttieħdet fl‑Ispirtu, u wara li hija ttieħdet fl‑Ispirtu għal perjodu ta’ żmien l‑anġlu kellimni u qalli: Ħares!

20 U jien ħarist u erġajt rajt lix‑xebba, iġġorr tarbija f’dirgħajha.

21 U l‑anġlu qalli: Ara l‑Ħaruf ta’ Alla, iva, sewwasew Bin il‑Missier Etern! Inti taf it‑tifsira tas‑siġra li ra missierek?

22 U jien weġibtu u għidtlu: Iva, hija l‑imħabba ta’ Alla, li tinfirex lil hinn fi qlub ulied il‑bnedmin; għalhekk, hi l‑aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra.

23 U hu kellimni u qalli: Iva, u l‑aktar hienja għar‑ruħ.

24 U wara li lissen dan il‑kliem, huwa qalli: Ħares! U jien ħarist, u rajt l‑Iben ta’ Alla sejjer fost ulied il‑bnedmin; u rajt ħafna jinxteħtu madwar riġlejh u jqimuh.

25 U ġara li jien rajt li l‑virga tal‑ħadid, li kien ra missieri, kienet il‑kelma ta’ Alla, li kienet twassal sal‑għajn tal‑ilma ġieri, jew sas‑siġra tal‑ħajja; liema ilma huwa rappreżentazzjoni tal‑imħabba ta’ Alla; u jien stajt nara wkoll li s‑siġra tal‑ħajja kienet rappreżentazzjoni tal‑imħabba ta’ Alla.

26 U l‑anġlu reġa’ qalli: Ħares u ara l‑kondixxendenza ta’ Alla!

27 U jiena ħarist u rajt lill‑Feddej tad‑dinja, li dwaru kien tkellem missieri; u rajt ukoll lill‑profeta li għandu jħejjilu t‑triq. U l‑Ħaruf ta’ Alla mexa lejh u ġie mgħammed minnu; u wara li hu tgħammed, jiena rajt is‑smewwiet jinfetħu, u l‑Ispirtu s‑Santu niżel mis‑smewwiet u waqaf fuqu f’għamla ta’ ħamiema.

28 U jiena rajt li huwa mar jimministra lin‑nies, bl‑akbar qawwa u glorja; u l‑folol kienu miġburin flimkien biex jisimgħuh; u jiena rajt li huma keċċewh ’il barra minn fosthom.

29 U jien rajt ukoll tnax oħra mexjin warajh. U ġara li huma ttieħdu minn quddiemi fl‑Ispirtu, u jien ma rajthomx aktar.

30 U ġara li l‑anġlu reġa’ kellimni u qalli: Ħares! U jien ħarist u rajt is‑smewwiet jinfetħu mill‑ġdid, u rajt l‑anġli neżlin fuq ulied il‑bnedmin, u bdew jimministrawlhom.

31 U hu reġa’ kellimni u qalli: Ħares! U jien ħarist u rajt lill‑Ħaruf ta’ Alla sejjer fost ulied il‑bnedmin. U jien rajt folol kbar ta’ nies li kienu morda, li kienu qed ibatu minn kull tip ta’ mard, u oħrajn li fihom kellhom ix‑xjaten u spirti mniġġsa; u l‑anġlu tkellem u wrieni dan kollu. U huma ġew imfejqa bil‑qawwa tal‑Ħaruf ta’ Alla; u x‑xjaten u l‑ispirti mniġġsa ġew imkeċċija ’l barra.

32 U ġara li l‑anġlu reġa’ kellimni u qalli: Ħares! U jiena ħarist u rajt lill‑Ħaruf ta’ Alla, li hu kien ittieħed min‑nies; iva, Bin Alla ta’ dejjem ġie kkundannat mid‑dinja; u jiena rajt u tajt xhieda ta’ dan.

33 U jien, Nefi, rajt li hu ġie mtella’ fuq salib u li hu ġie maqtul għad‑dnubiet tad‑dinja.

34 U wara li huwa nqatel jiena rajt il‑miġemgħa tad‑dinja, li nġabret flimkien biex teħodha kontra l‑appostli tal‑Ħaruf; għax hekk sejħilhom lit‑tnax l‑anġlu tal‑Mulej.

35 U l‑miġemgħa tad‑dinja nġabret flimkien; u jiena rajt li huma kienu jinsabu f’bini kbir u spazjuż, bħall‑bini li kien ra missieri. U l‑anġlu tal‑Mulej reġa’ kellimni u qalli: Ħares lejn id‑dinja u l‑għerf tagħha; iva, ara, ulied id‑dar ta’ Iżrael inġabru flimkien biex jeħduha kontra t‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf.

36 U ġara li jiena rajt u qed nixhed illi l‑bini kbir u spazjuż kien il‑kburija tad‑dinja; u huwa krolla, u l‑waqgħa tiegħu kienet mill‑aktar kbira. U l‑anġlu tal‑Mulej reġa’ kellimni u qalli: L‑istess se tkun il‑qerda ta’ kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, li jeħodha kontra t‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf.