Konferenza Ġenerali
Il-Kumpann Kostanti Tagħna
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Il-Kumpann Kostanti Tagħna

Jien u int għandna l-opportunità li jkollna l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna.

Maħbubin ħuti, f’din il-konferenza ġejna mbierka minn għejjun tar-rivelazzjoni. Qaddejja tal-Mulej Ġesù Kristu tkellmu u se jitkellmu kliem ta’ verità, inkuraġġiment, u direzzjoni.

Laqtuni immens ix-xhieda li ngħataw f’din il-konferenza li l-Mulej ikellimna personalment permezz tal-Ispirtu s-Santu. Hekk kif nitolbu u nitħeġġu bl-Ispirtu, niksbu għarfien u barkiet akbar biex jiggwidawna fil-jiem l-aktar diffiċli li ġejjin.

Erġajna smajna t-twissija tal-President Russell M. Nelson li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”1

Dik it- twissija profetika wasslitni biex naħseb dwar x’nistaʼ ngħallem lil uliedi, lin-neputijiet, u lill-proneputijiet tiegħi dwar kif ikollhom dik il-gwida kruċjali fil- iem diffiċli li ġejjin għalihom.

Allura dan il-​messaġġ illum huwa ittra qasira lid-​dixxendenti tiegħi li tistaʼ tgħinhom meta ma nkunx magħhom fil-​jiem eċċitanti li ġejjin. Irrid li jkunu jafu dak li sirt naf jien li jista’ jgħinhom.

Wasalt biex nifhem aħjar x’se jkun hemm bżonn biex ikollhom l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu fil-jiem li fihom se jgħixu. U ħassejtni impressjonat li llum nitkellem dwar l-esperjenza personali tiegħi li nistieden lill-Ispirtu s-Santu, kemm stajt, biex ikun sieħeb kostanti tiegħi. It-talb tiegħi hu li nkun nista’ nħeġġiġhom.

Nistedinhom biex jaħsbu u jitolbu dwar ulied Ħelaman, Nefi u Leħi, u l-qaddejja l-oħra tal-Mulej li jaħdmu magħhom. Iffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa. Huma kienu qed jaqdu f’post ħażin u kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ qerq terribbli. Jiena nagħmel kuraġġ, u intom tistgħu wkoll, minn dan il-vers wieħed mir-rakkont ta’ Ħelaman:

“U fid-disa’ u sebgħin sena ngħata bidu għal kunflitt mill-aktar qalil. Iżda ġara li Nefi u Leħi, u ħafna oħrajn minn ħuthom li kienu jafu dwar il-punti vera tad-duttrina, għax kellhom bosta rivelazzjonijiet kuljum, għalhekk huma xandru l-kelma lin-nies, tant li huma ġabu fi tmiemu l-kunflitt dik is-sena stess.”2

Dan ir-rakkont jinkoraġġini, u jista’ jħeġġiġkom. Ulied Ħelaman ġew mgħallma u ggwidati minn sensiela ta’ esperjenzi bl-Ispirtu s-Santu. Dan jassigurani li nistgħu niġu mgħallma u nitgħallmu mill-Ispirtu pass wara pass, li nirċievu dak li għandna bżonn, u mbagħad meta nkunu lesti, nirċievu aktar.

Ġejt inkuraġġut bl-istess mod mir-rakkont ta’ Nefi li ntalab immur lura Ġerusalemm għall-pjanċi ta’ Laban. Tiftakru l-għażla li għamel. Hu ddikjara, “Jiena mmur u nagħmel dak kollu li jikkmandani l-Mulej.”3

L-esperjenza ta’ Nefi mal-Ispirtu s-Santu f’dik l-inkarigu tatni kuraġġ ħafna drabi meta bdejt ħidmiet li kont naf li kienu inkarigi mill-Mulej imma li dehru ferm lil hinn mill-esperjenza tal-passat tiegħi u lil hinn minn dak li rajt bħala l-kapaċità tiegħi.

Tiftakar dak li qal Nefi dwar l-esperjenza tiegħu: “U kien bil-lejl; u għamilt li [ħuti] jinħbew lilhom infushom mingħajr il-ħitan. U wara li ħbew lilhom infushom, jien, Nefi, dħalt fil-belt u mort lejn id-dar ta’ Laban.”

Huwa kompli jgħid, “U jien kont immexxi mill-Ispirtu, għax ma kontx naf minn qabel x’kelli nagħmel.”4

Ġejt inkuraġġut billi kont naf li Nefi kien iggwidat mill-Ispirtu minuta b’minuta matul il-lejl fuq l-inkarigu tal-Mulej.

Għandna bżonn, u intom ser ikollkom bżonn, il-kumpanija kostanti tal-Ispirtu s-Santu. Ilkoll nixtiquha, madankollu aħna nafu, mill-esperjenza, li mhux faċli li nkunu dejjem denji ta’ dan. Aħna lkoll naħsbu, ngħidu u nagħmlu affarijiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li jistgħu joffendu l-Ispirtu.

Issa, nixtiquha, iżda nafu mill-esperjenza li mhux faċli li tinkiseb. U nistgħu naqgħu fin-nassa li nħossu li aħna waħedna. Huwa importanti li niftakru fil-wegħda ċerta li nirċievu kull ġimgħa hekk kif nindmu u nieħdu sehem mis-sagrament: “dejjem jiftakru fih, ħalli jkunu jistgħu jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom.”5

Jekk ħassejt l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu llum, tista’ teħodha bħala evidenza ħelwa li l-Espjazzjoni qed taħdem f’ħajtek.

Kif qal il-Presbiteru Jeffrey R. Holland: “Kull meta jiġu dawn il-mumenti tal-estremità tagħna, m’għandniex nċedu għall-biża’ li Alla abbandunana jew li Hu ma jismax it-talb tagħna. Hu jismagħna. Hu jarana. Alla verament iħobbna.”6

Dik l-assigurazzjoni għenitni. Meta nħossni ’l bogħod mill-Mulej, meta t-tweġibiet għat-talb tiegħi jidhru mdewma, tgħallimt insegwi l-parir tal-President Nelson biex nirrevedi ħajti għal opportunitajiet biex nindem. Hu jfakkarna,“L-indiema ta’ kuljum tagħna hija l-mogħdija għas-safa, u s-safa twasslilna l-qawwa.”7

Jekk issib ruħek f’diffikultà biex tħoss l-Ispirtu s-Santu, tista’ taħseb jekk hemmx xi ħaġa li għaliha tista’ tindem u tirċievi maħfra.8 Tista’ titlob bil-fidi biex tkun taf x’għandek tagħmel biex titnaddaf u b’hekk tikkwalifika iktar għal dik il-kumpanija kostanti tal-Ispirtu s-Santu.

Jekk trid tirċievi l-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu, tridha għar-raġunijiet it-tajba. L-iskopijiet tiegħek għandhom ikunu l-iskopijiet tal-Mulej. Jekk il-motivi tiegħek huma egoisti wisq, issibha diffiċli biex tirċievi u tħoss it-tħeġġiġ tal-Ispirtu.

Iċ-ċavetta għalija u għalik hi li trid dak li jrid is-Salvatur. Il-motivi tagħna jeħtieġ li jkunu mmexxija mill-imħabba pura ta’ Kristu. It-talb tagħna jeħtieġ li jkun “Kulma rrid hu dak li trid int. Issir ir-rieda tiegħek.”

Nipprova niftakar is-sagrifiċċju tas-Salvatur u l-imħabba Tiegħu għalija. Imbagħad, meta nitlob lil Missierna tas-Smewwiet biex jagħti ħajr, inħoss imħabba u assigurazzjoni li t-talb tiegħi jinstema’ u li nirċievi dak kollu li hu l-aħjar għalija u għal dawk li nħobb. Issaħħaħ ix-xhieda tiegħi.

Mill-affarijiet kollha li dwarhom jixhed l-Ispirtu s-Santu, l-aktar prezzjuż għalina huwa li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben ħaj ta’ Alla. Is-Salvatur wegħedna, “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija.“9

Snin ilu rċevejt telefonata mingħand omm imnikkta. Qaltli li bintha kienet telqet ’il bogħod mid-dar. Hija nħasset mill-ftit kuntatt li kellha ma’ bintha li xi ħaġa kienet ħażina ħafna. Hija talbitni biex ngħinha.

Sirt naf min kienet l-għalliem tad-dar tat-tifla. Tista’ tgħid li kien żmien twil ilu. Ċempiltlu. Kien żagħżugħ. Madankollu qalli li hu u sieħbu t-tnejn kienu baqgħu mqajma bil-lejl mhux biss bi tħassib għat-tifla iżda b’ispirazzjoni li kienet se tagħmel għażliet li kienu se jġibu dwejjaq u miżerja. B’dik l-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu biss, marru jarawha.

Għall-ewwel ma riditx tgħidilhom dwar is-sitwazzjoni tagħha. Taħt ispirazzjoni, talbuha biex tindem u tagħżel it-triq li l-Mulej kellu lilha. Imbagħad irrealizzat, nemmen bl-Ispirtu, li l-uniku mod kif setgħu jafu dak li kienu jafu dwar ħajjitha kien minn Alla. Omm tat it-tħassib tagħha ta’ mħabba f’idejn Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur. L-Ispirtu s-Santu kien intbagħat lil dawk l-għalliema tad-dar għax kienu lesti li jaqdu lill-Mulej. Huma kienu segwew il-pariri u l-wegħda misjuba fid-Duttrina u l-Patti:

“Araw li qalbkom tkun mimlija karità lejn il-bnedmin kollha, u lejn dawk kollha li jħaddnu l-fidi, u ħallu ħsibijietkom jiġu ddominati mill-virtù kontinwament; imbagħad timtlew b’kunfidenza kbira quddiem Alla; u d-duttrina tas-saċerdozju tiddistilla fuq ruħek bħan-nida mis-sema.

“L-Ispirtu s-Santu għandu jkun sieħeb kontinwu tiegħek, u x-xettru tiegħek xettru li ma jinbidilx tal-ġustizzja u l-verità; u l-ħakma tiegħek tkun ħakma ta’ dejjem, u mingħajr mezzi obbligatorji għandha toħroġ lejk għal dejjem ta’ dejjem.”10

Nixhed li l-Mulej żamm il-wegħda Tiegħu. L-Ispirtu s-Santu qed jintbagħat lill-membri fidili tal-patt tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Issa, l-esperjenzi tiegħek se jkunu uniċi, u l-Ispirtu jiggwida bil-mod l-aktar adattat għall-fidi u l-kapaċità tiegħek li tirċievi rivelazzjoni għalik u għal dawk li tħobb u taqdi. Nitlob b’qalbi kollha biex il-fiduċja tagħkom tikber.

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li s-Salvatur jgħix. Huwa jħobbkom. Huwa jisma’ talbkom. Ġesù Kristu talab lill-Missier biex jibgħat lill-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana, ifarraġ, u jixhed il-verità lilna. Il-Missier u Ibnu l-Maħbub dehru lil Joseph Smith f’masġar. Il-Profeta Joseph Smith ittraduċa l-pjanċi tad-deheb permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla.

Il-ħabbara tas-sema rrestawraw l-imfietaħ tas-saċerdozju. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla għad-dinja kollha.

Bħala xhieda ta’ Ġesù Kristu, naf li Hu jgħix u jmexxi l-Knisja Tiegħu. Int u jien għandna l-opportunità li jkollna l-Ispirtu s-Santu bħala sieħeb kostanti tagħna u li jkollna dawk il-veritajiet ikkonfermati hekk kif niftakru u nħobbu lis-Salvatur, nindmu, u nitolbu biex l-imħabba Tiegħu tkun f’qalbna. Nitlob biex ikollna dik il-barka u l-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu llum u kull jum ta’ ħajjitna. Inħobbkom. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.