Konferenza Ġenerali
Kemm se Tkun Kbira l-Hena Tagħkom
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Kemm se Tkun Kbira l-Hena Tagħkom

Issa nistedinkom biex tieħdu l-għarfien tagħkom, flimkien mat-testimonjanzi li onorajtu tul ħajjitkom, u tmorru sservu missjoni.

Għeżież ħuti, illum se naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar il-ġabra ta’ Iżrael, dik li l-President Russell M. Nelson isejħilha “l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja. M’hawn xejn li tista’ tqabblu magħha fil-kobor, xejn li tista’ tqabblu magħha fl-importanza, xejn li tista’ tqabblu magħha fil-majestà.”1

Il-ġabra hija l-akbar għarfien li “il-valur tal-erwieħ hu kbir f’għajnejn Alla.”2 Xejn inqas u xejn aktar. Aħna qegħdin niġbru flimkien lil ulied Alla fl-dawn l-aħħar żminijiet ħalli huma jkun jista’ jkollhom “barkiet imsawba fuqhom”3 u l-wegħdiet “tal-ġid li jibqgħu għal dejjem.”4 U biex niġbru flimkien lil Iżrael neħtieġu l-missjunarji—ferm aktar milli qed iservu.5 Illum, nindirizza lil bosta anzjani ta’ esperjenza fil-Knisja li jistgħu jservu bħala missjunarji. Il-Mulej għandu bżonnkom. Aħna għandna bżonnkom fi New York u f’Chicago, fl-Awstralja u fl-Afrika, fit-Tajlandja u fil-Messiku, u f’kull post ieħor.

Ippermettuli neħodkom lura għas-sena 2015. Kont għadni kif ġejt imsejjaħ bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Waħda mir-responsabbiltajiet sbieħ li aħna nġorru bħala Appostli hi li nassenjaw missjunarji għall-għelieqi tal-ħidma tagħhom. Jiena ħadt sehem f’dan il-proċess bħala membru tas-Sebgħin,6 iżda issa, bħala Appostlu, inħoss fuqi l-piż kollu ta’ dan l-essajnment. Jien nibda billi bl-għajnuna tat-talb inpoġġi numru kbir ta’ presbiteri u sisters żgħażagħ, wieħed wieħed, waħda waħda, f’missjonijiet madwar id-dinja. Imbagħad, indur fuq il-koppji anzjani. Fil-lista kien hemm 10. Mhux ħafna. Xi ftit sorpiż, jien staqsejt lill-kollega tiegħi mid-Dipartiment Missjunarju, “Kemm għandna bżonn din il-ġimgħa biex inlaħħqu mat-talba li għandna?”

Huwa wieġeb, “300.”

Dak il-mument ta’ sfida baqa’ f’moħħi: 10 koppji biex jimlew it-talba ta’ 300.

Il-President Russell M. Nelson ħeġġeġ lill-koppji biex “jinżlu għarkupptejhom u jistaqsu lill-Missierna fis-Smewwiet jekk huwiex il-mument opportun biex huma jservu missjoni.”7 Fost il-kwalifiċi kollha, huwa qal, “xewqa li sservu taf tkun l-aktar waħda importanti.”8

Kif tgħidilna l-iskrittura, “Jekk intom għandkom ix-xewqa li sservu lil Alla intom imsejħin għall-ħidma.”9 Dik il-ħidma hija kollha relatata mal-liġi tal-ħsad. Fi Ġwanni naqraw, “Min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad.”10

Jiena rajt b’għajnejja l-liġi tal-ħsad tiġi fis-seħħ fil-familja tiegħi.

Xi snin ilu, jiena kont qed inżur xi membri tal-familja tiegħi meta l-isqof talabni biex inkun l-aħħar kelliem fis-servizz tas-sagrament.11 Hekk kif kont nieżel minn fuq il-podju, ġiet fuqi waħda mara b’sebat itfal u introduċiet lilha nnifisha bħala Sister Rebecca Guzman.

Hija staqsietni, “Presbiteru Rasband, lil Rulon u lil Verda Rasband tafhom?”

Bi tbissima kbira weġibtha, “Dawk il-ġenituri tiegħi.”

Naħseb indunajtu kif se tkompli l-istorja. Bil-permess ta’ Rebecca, li tinsab hawn fiċ-Ċentru għall-Konferenza flimkien ma’ membri tal-familja tagħha, jiena se naqsam magħkom l-istorja tal-familja tagħha.12

Immaġni
Sister Verda u l-Presbiteru Rulon Rasband.

Il-ġenituri tiegħi, il-Presbiteru Rulon u Sister Verda Rasband, kienu qed iservu bħala koppja anzjana fil-Missjoni ta’ Fort Lauderdale ġewwa Florida.13 Huma kienu qed ixandru l-kelma u bi gwida divina ħabbtu fuq il-bieb tad-dar ta’ Rebecca. Hija kienet għadha żagħżugħa u kienet tħobb tisma’ l-mużika ta’ the Osmonds, l-aktar ta’ seħibna Donny—li llum jinsab magħna.14 Hija kienet semgħet l-intervisti tagħhom fuq il-midja u saret taf li huma kienu membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Hija ħasset li kien hemm xi ħaġa differenti fihom, u għax bassret li setgħet kienet ir-reliġjon tagħhom, Rebecca għaddiet sentejn tirriċerka t-twemmin tal-Knisja fil-librerija tal-iskola. Għalhekk, meta koppja li kienet tidher veru minn tagħna ħabbtu fuq il-bieb tal-familja tagħha u introduċew lilhom infushom bħala missjunarji Qaddisin tal-Aħħar Żmien, kienet ta’ sopriża kbira għaliha.

“Ommi qaltli biex inkeċċihom ’l hemm,” kitbet aktar tard Rebecca, “iżda qalbi qalet ‘Le.’ Jien ħarist f’wiċċhom u ħassejt fihom sens kbir ta’ żelu u mħabba. Meta niftakar f’dan il-mument ifeġġ id-dmugħ f’għajnejja u nħoss sentiment profond f’qalbi.”15

Rebecca stednithom jidħlu ġewwa, u l-ġenituri tiegħi bħala missjunarji qasmu messaġġ magħha, maż-żewġ ħutha iżgħar minnha, u minkejja l-oġġezzjoni tagħha, ma’ ommha.

Rebecca ddeskriviet dan li ġej: “Il-ġenituri tiegħek it-tnejn kienu nies meraviljużi meta ġew biex jispjegawlna xi mistoqsijiet li kellna. Għadni nista’ nara wiċċhom quddiem għajnejja bħallikieku kien imdawwar bid-dawl. Aħna konna dejjem ngħannqu lil ommok hi u ħierġa u hi dejjem kienet tfittex kif tgħin lil ommi tħossha komda u rispettata. Għajnjen missierek dejjem kienu jiddu hekk kif kien ikun qed jgħallimna dwar Ġesù Kristu. Huwa pprova jinkludi lil missieri fid-diskussjonijiet u eventwalment irnexxielu. Missieri kien kok fi klabb lokali u beda jsajjar għall-ġenituri tiegħek, u fost l-ikel li kien jagħmel kien hemm it-torta tal-lumi, il-favorita ta’ missierek.”16

Meta l-Presbiteru u Sister Rasband staqsew lil Rebecca u l-familja tagħha biex jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon, Rebecca qratu f’ħamest ijiem. Hija riedet titgħammed b’mod immedjat, iżda l-membri l-oħra tal-familja tagħha ma kinux għadhom lesti. Wara erba’ xhur, Rebecca insistiet li titgħammed u tingħaqad mal-Knisja vera. Hija tgħid, “Kull fibra ta’ ruħi kienet taf li din kienet vera.”17 Fil-5 ta’ April, 1979, il-missjunarji għammdu lil Rebecca, li kellha 19-il sena, lil ommha, u liż-żewġ ħutha. Missierha kien xhud waqt il-magħmudija.

Meta jiena ltqajt ma’ Rebecca u mal-familja tagħha fil-knisja, aħna ħadna ritratt mal-familja tagħha. Jiena ħadtu d-dar biex nurih lil ommi, li issa daħlet sew fiż-żmien, u hija għafsitu ma’ qalbha. Imbagħad hija qaltli, “Ronnie, dan hu wieħed mill-aktar jiem kuntenti ta’ ħajti.”

Immaġni
Il-Guzmans, ir-Rasbands, u l-Osmonds.

It-tweġiba ta’ ommi twassalni biex nagħmel mistoqsija lill-anzjani tagħna: “X’qed tagħmlu f’dan l-istadju ta’ ħajjitkom?” Hemm bosta ħwejjeġ li l-missjunarji anzjani jistgħu jagħmlu li ħadd aktar ma jista’ jagħmilhom. Intom forza meraviljuża għat-tajjeb, b’esperjenza kbira fil-Knisja, u tinsabu lesti biex tħeġġu u ssalvaw lil ulied Alla.

Xi wħud minnkom tafu tistaqsu: “Iżda dan ma jwassalx biex inħallu warajna lin-neputijiet tagħna? Nispiċċaw nimmissjaw mumenti importanti fil-familja, għeluq sninhom, lill-ħbieb, u anke l-pets tagħna.” Kieku jien staqsejt lil ommi għalfejn hi u l-Pa marru jservu missjoni, naf li kienet tweġibni hekk: “Għax jiena għandi n-neputijiet. Irridhom ikunu jafu li jien u missierek servejna fl-għalqa tal-missjoni, ridna nagħtu eżempju tajjeb lin-nisel tagħna, u aħna nħossuna mberkin, verament imberkin.”

Hekk kif jiena mort inżur bosta missjonijiet madwar id-dinja, jiena stajt nara s-servizz tal-għaġeb tal-leġjun ta’ missjunarji anzjani tagħna. Jidher ċar li huma qed jagħmlu b’ferħ “ir-rieda tal-Mulej” u qed iwettqu “il-ħidma tal-Mulej.”18

Għal xi wħud, u nittama li għal eluf minnkom, servizz missjunarju full-time f’xi naħa oħra tad-dinja taf tkun sewwasew l-aħjar għażla.19 Għal oħrajn, tafu tippreferu sservu missjoni fejn toqogħdu. Minħabba problemi ta’ saħħa u ċirkustanzi oħra, hemm dawk li ma jistgħux iservu. Dawk is-sitwazzjonijiet aħna nifhmuhom, u jiena nittama li intom issibu modi kif tgħinu lil dawk li qegħdin iservu. Imxu wara l-parir tal-profeta u itolbu biex tkunu tafu xi jridkom tagħmlu l-Mulej.

L-għelieqi tal-missjoni madwar id-dinja qed jitolbu l-għajnuna tagħkom. Il-President Nelson qal dan dwar il-missjunarji anzjani tagħna, “Huma żgħażagħ fl-ispirtu, għaqlin, u lesti biex jaħdmu.”20

F’dik l-għalqa, intom għandkom jistennewkom opportunitajiet bla għadd: intom tistgħu sservu f’uffiċċji tal-missjoni jew f’tempji, tistgħu ssaħħu lill-missjunarji żgħażagħ, tistgħu tgħinu fit-tkabbir ta’ fergħat żgħar, tistgħu taħdmu f’ċentri ta’ FamilySearch jew f’xi siti storiċi, tistgħu tgħallmu l-istitut, tipprovdu servizz umanitarju, taħdmu mal-adulti żgħażagħ, tgħinu f’ċentri tal-impjieg jew fl-irżieżet tal-Knisja. Id-dettalji dwar modi kif tistgħu sservu, x’inhu l-aħjar għalikom, fejn intom meħtieġa, u kif tistgħu titħejjew biex tmorru huma indirizzati fil-website” Missjunarju Anzjan.”21 Intom tistgħu titkellmu mal-isqof jew mal-president tal-fergħa tagħkom.

Jien sejjaħt bosta koppji biex iservu u stajt nosserva d-Dawl ta’ Kristu jiddi fuq wiċċhom.22 Wara li ġew lura huma ddeskrivew kemm kienu resqu aktar qrib il-Mulej u qrib xulxin, u kemm kienu jħossu l-Ispirtu tal-Mulej jissawwab fuqhom, u jafu li huma kienu qed jagħmlu differenza.23 Min ma jridx jesperjenza dan?

Missjoni taf tkun l-akbar kapitlu fil-ħajja ta’ koppja. Titlu tajjeb jaf ikun “Il-Mulej u s-Sid Tiegħi se Jkollu Bżonni.”24 Intom tafu tispiċċaw f’post li mhux familjari miegħu; madankollu, il-qawwa tal-Ispirtu tgħinkom biex tħossukom milqugħin.

Il-ġenituri tiegħi, u għexieren ta’ eluf ta’ koppji li reġgħu lura taw ix-xhieda tagħhom dwar l-hena li huma esperjenzaw fil-ħidma missjunarja. Fl-iskrittura tal-aħħar żmien il-Mulej qal: “U jekk għandu jkun li intom taħdmu ħajjitkom kollha biex ixxandru l-indiema lin-nies, u tressqu mqar ruħ waħda lejja, kemm tkun kbira l-hena tagħkom magħha fis-saltna ta’ Missieri!”25

Isaija tana deskrizzjoni mill-aktar poetika ta’ xi jfisser li sservi fl-“għalqa” tal-missjoni. L-iskrittura tgħidilna li “l-għalqa hija d-dinja.”26 Dan il-profeta tal-qedem mill-aktar kbir kiteb, “Iva, bil-ferħ għad toħorġu, u bis-sliem titwasslu. Quddiemkom f’għajjat ta’ ferħ jinfexxu l-muntanji u l-għoljiet, u ċċapċap idejha kull siġra tar-raba.”27 Il-muntanji, l-għoljiet, l-għelieqi, u s-siġar nistgħu nxebbhuhom mal-presidenti tal-missjoni, mal-isqfijiet, mal-mexxejja tad-distrett, mal-membri, u ma’ dawk li qed ifittxu biex “isiru jafu fejn jistgħu jsibuha.”28 Huma jixhdu li l-missjunarji anzjani jagħmlu differenza enormi fejn huma jservu bix-xhieda tagħhom tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu.

Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, jien nitlobkom biex isservu bħala missjunarji fil-ġabra ta’ Iżrael u forsi terġgħu sservu għal darb’oħra. Aħna għandna bżonnkom—aħna għandna bżonnkom. Aħna grati lejkom l-anzjani, għall-ħajja li għextu u tal-eżempju li dejjem tajtu fi djarkom, u fl-oqsma u l-utied tagħkom. Issa nistedinkom biex tieħdu l-għarfien tagħkom, flimkien mat-testimonjanzi li onorajtu tul ħajjitkom, u tmorru sservu missjoni. Nitlob biex meta jkun imissni biex inpoġġi bilqiegħda sabiex nassenja lill-koppji anzjani jkun hemm mijiet fostkom li tkunu qed tistennew b’ħerqa s-sejħa tagħkom.

Inwiegħed ukoll li hekk kif intom isservu intom tħossu l-imħabba tal-Mulej f’ħajjitkom, issiru tafuh, Hu jsir jafkom, u “kemm tkun kbira l-hena tagħkom.”29 Is-servizz iddedikat tagħkom lejn Ġesù Kristu jwassal biex jispira u jbierek lill-familja tagħkom, lin-neputijiet tagħkom, u lill-proneputijiet tagħkom. “Is-sliem, u l-imħabba joktru”30 f’ħajjithom fis-snin li ġejjin. Jien inwiegħed dan. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Librerija tal-Evanġelju.

  2. Doctrine and Covenants 18:10.

  3. 3 Nefi 10:18.

  4. Doctrine and Covenants 78:18.

  5. Il-Knisja għandha 71,000 missjunarju full-time f’414 missjoni madwar id-dinja mill-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel sal-Ewropa u l-Afrika, l-Asja, u l-Awstralja/l-Oċeanja. Hemm 34,000 missjunarji ta’ servizz anzjani tal-Knisja. (Data tad-Dipartiment Missjunarju, Sett. 2023.)

  6. Ara Ronald A. Rasband, “The Divine Call of a Missionary,” Liahona, Mejju 2010, 52–53.

  7. Russell M. Nelson, “Senior Missionary Moments,” Liahona, Apr. 2016, 27.

  8. Russell M. Nelson, “Senior Missionaries and the Gospel,” Liahona, Nov. 2004, 81.

  9. Doctrine and Covenants 4:3.

  10. Ġwanni 4:36.

  11. Jien kont ninsab fi New York, l-Istati Uniti tal-Amerika, nattendi għall-magħmudija ta’ Brooklyn, in-neputija, u għall-barka tan-neputija Ella, f’April 2006.

  12. Ittra mingħand Rebecca Guzman lill-Presbiteru Ronald A. Rasband, 8 ta’ Sett., 2009.

  13. Il-ġenituri tiegħi servew fil-Missjoni ta’ Fort Lauderdale fi Florida fl-1979.

  14. Il-familja Osmond kien grupp mużikali Amerikan popolari magħruf għall-kanzunetti pop tagħhom. Il-grupp laħaq il-quċċata tal-fama f’nofs is-snin sebgħin fejn kienu jkantaw fi programmi ta’ varjetà televiżivi. Donny u Marie komplew għaddejjin bil-karrieri fuq it-televiżjoni u l-palk waqt li għal għexieren ta’ snin ħuthom is-subien kienu artisti tal-mużika country fejn kienu jkantaw ġewwa Branson, f’Missouri.

  15. Ittra mingħand Rebecca Guzman, 8 ta’ Sett., 2009.

  16. Ittra mingħand Rebecca Guzman, 8 ta’ Sett., 2009.

  17. Ittra mingħand Rebecca Guzman, 8 ta’ Sett., 2009.

  18. Doctrine and Covenants 64:29.

  19. L-opportunitajiet għall-missjunarji aktar anzjani jieħdu diversi forom, u l-koppji jew is-sisters anzjani jistgħu jsemmu l-preferenzi tagħhom kif ukoll jekk l-essajnment ikunx full-time jew ta’ servizzi tal-Knisja. Ultimament, il-profeta tal-Knisja joħroġ is-sejħa għas-servizz full-time. Il-presidenti tal-wited joħorġu l-assenjazzjonijiet għal servizzi tal-Knisja. Is-servizz jista’ jdum minn 6 xhur sa 23 xahar, u l-missjunarji anzjani jkunu aktar flessibli, u l-attività tagħhom hi anqas ta’ strapazz minn tal-missjunarji żgħażagħ. Ara seniormissionary.ChurchofJesusChrist.org.

  20. Russell M. Nelson, “Senior Missionaries and the Gospel,” Liahona, Nov. 2004, 79.

  21. Ara seniormissionary.ChurchofJesusChrist.org.

  22. Ara Alma 5:14. “Id-dehra” tista’ tiġi deskritta bħala xi ħaġa li tirrifletti l-attitudni spiritwali u l-istat tal-moħħ tal-individwu.

  23. Ara Ġuda 1:22; Mosija 4:20.

  24. Ara “I’ll Go Where You Want Me to Go,” Hymns, nu. 270.

  25. Doctrine and Covenants 18:15.

  26. Il-Mulej spjega, “L-għalqa hija d-dinja; … il-ħsad ifisser tmiem id-dinja” (Mattew 13:38–39).

  27. Isaija 55:12.

  28. Doctrine and Covenants 123:12.

  29. Doctrine and Covenants 18:15.

  30. Ġuda 1:2.