Konferenza Ġenerali
Il-Qawwa tas-Siġill
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Il-Qawwa tas-Siġill

Il-qawwa tas-siġill tagħmel is-salvazzjoni individwali u l-eżaltazzjoni tal-familja disponibbli b’mod universali għall-ulied kollha ta’ Alla.

Kien imbassar talanqas sa minn żmien Isaija1 li fl-aħħar żminijiet, in-nies li huma l-poplu tal-patt tal-qedem tal-Mulej, id-dar ta’ Iżrael, kienu se “jinġabru flimkien mid-dispersjoni twila tagħhom, mill-gżejjer tal-baħar, u mill-erba’ naħat tad-dinja”2 u jiġu rrestawrati “fl-artijiet ta’ wirthom.”3 Il-President Russell M. Nelson tkellem spiss u b’qawwa dwar din il-ġabra, u sejħilha “l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja.”4

X’inhu l-għan ta’ din il-ġabra?

Permezz ta’ rivelazzjoni lill-Profeta Joseph Smith, il-Mulej identifika għan partikolari bħala l-protezzjoni tal-poplu tal-patt. Huwa qal, “Il-ġabra flimkien fl-art ta’ Sijon, u fl-utied tagħha, taf tkun ta’ difiża u ta’ refuġju mill-maltemp, u mill-għadab meta dan jissawwab bil-qawwa kollha fuq id-dinja kollha.”5 “Għadab” f’dan il-kuntest nistgħu nifhmu biha bħala l-konsegwenzi naturali tad-diżubbidjenza bla rażan lejn il-liġijiet u l-kmandamenti ta’ Alla.

L-aktar importanti, l-għan tal-ġabra hu li jwassal il-barkiet tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni lil dawk kollha li jirċevuhom. Huwa b’dan il-mod li jiġu fis-seħħ il-wegħdiet tal-patt mogħtija lil Abraham. Il-Mulej qal lil Abraham li permezz tan-nisel u s-saċerdozju tiegħu “il-familji kollha tad-dinja se jkunu mberkin, sewwasew bil-barkiet tal-Evanġelju, li huma l-barkiet tas-salvazzjoni, sewwasew tal-ħajja ta’ dejjem.”6 Il-President Nelson esprima dan, b’dan il-mod: “Meta nħaddnu l-evanġelju u nitgħammdu, aħna nieħdu fuqna nfusna l-isem sagru ta’ Ġesù Kristu. Il-magħmudija hija l-bieb li jwassal biex insiru werrieta konġunta għall-wegħdiet kollha li ngħataw fil-qedem mingħand il-Mulej lil Abraham, Iżakk, Ġakobb, u lill-posterità tagħhom.”7

Fl-1836, Mosè deher lill-Profeta Joseph Smith fit-Tempju ta’ Kirtland u “fdalu f’idejh … l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael mill-erba’ naħat tad-dinja.”8 F’dik l-istess okkażjoni, deher Elijas u “fdalna f’idejna d-dispensazzjoni tal-evanġelju ta’ Abraham, u qalilna li fina u fin-nisel tagħna l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ warajna se jkunu mberkin.”9 Permezz ta’ din l-awtorità, aħna issa nieħdu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—l-aħbar it-tajba tal-fidwa permezz tiegħu—sal-inħawi kollha u lin-nies kollha tad-dinja u niġbru flimkien lil dawk kollha li nistgħu fil-patt tal-evanġelju. Huma jsiru “n-nisel ta’ Abraham, u l-knisja u s-saltna, u l-magħżulin ta’ Alla.”10

F’dik l-istess okkażjoni fit-Tempju ta’ Kirtland kien hemm it-tielet messaġġier ċelestjali li deher lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery. Qed nitkellem dwar il-profeta Elija, u huwa dwar l-awtorità u l-imfietaħ li huwa rrestawra li nixtieq inkellimkom illum.11 Il-qawwa li jiġu vvalidati l-ordinanzi kollha tas-saċerdozju u jkunu jorbtu kemm fuq l-art kif ukoll fis-smewwiet—il-qawwa tas-siġill—hija ħaġa kruċjali biex niġbru flimkien u nħejju poplu tal-patt fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Snin qabel, Moroni għamilha ċara lil Joseph Smith li Elija kien se jġib lura l-awtorità tas-saċerdozju essenzjali: “Jiena se niżvela miegħek is-Saċerdozju, permezz ta’ Elija l-profeta.”12 Aktar tard Joseph Smith spjega: “Għalfejn jibgħat lil Elija? Għax huwa jħaddan l-imfietaħ tal-awtorità li tamministra fl-ordinanzi kollha tas-Saċerdozju; u jekk ma tingħatax l-awtorità, l-ordinanzi ma jistgħux jiġu amministrati b’mod sewwa”13—jiġifieri, l-ordinanzi ma jkunux validi għaż-żmien u l-eternità.14

F’tagħlim li issa huwa kanonizzat fid-Duttrina u Patti, il-Profeta Joseph Smith iddikjara: “Għal xi wħud jaf jidher li hija duttrina pjuttost xi ftit kuraġġjuża żżejjed li aħna nitkellmu dwar—qawwa li tirreġistra jew torbot fid-dinja u torbot fis-smewwiet. Madankollu, fiż-żminijiet kollha tad-dinja, kull darba li l-Mulej ta dispensazzjoni tas-saċerdozju lil xi bniedem jew ieħor, jew lil xi grupp ta’ nies, din il-qawwa minn dejjem ġiet mogħtija wkoll lilhom. Għalhekk, dak kollu li dawk l-irġiel għamlu b’awtorità, f’isem il-Mulej, u għamluh b’mod tajjeb u leali, u żammew reġistru xieraq u leali tiegħu, dan sar liġi fid-dinja u fis-smewwiet, u ma jistax jiġi annullat, skont id-digrieti tal-kbir Jaħweh.”15

Aħna nafu nħarsu lejn l-awtorità tas-siġill bħala xi ħaġa li tapplika biss għal ċerti ordinanzi tat-tempju, iżda dik l-awtorità hija neċessarja biex kwalunkwe ordinanza tkun valida u torbot lil hinn mill-mewt.16 Il-qawwa tas-siġill tikkonferixxi siġill leġittimu fuq il-magħmudija tagħkom, per eżempju, ħalli tkun tista’ tiġi rikonoxxuta hawnhekk u fis-smewwiet. Ultimament, l-ordinanzi kollha tas-saċerdozju jiġu mwettqa taħt l-imfietaħ tal-President tal-Knisja, u kif spjega l-President Joseph Fielding Smith “Huwa [il-President tal-Knisja] tana l-awtorità, huwa poġġa l-qawwa tas-siġill fis-saċerdozju tagħna, għax huwa jħaddan dawk l-imfietaħ.”17

Hemm għan ieħor mill-aktar importanti fil-ġabra ta’ Iżrael li għandu tifsira speċjali meta nitkellmu dwar is-siġill fuq l-art u fis-smewwiet—u dan hu l-bini u l-operat tat-tempji. Kif spjega l-Profeta Joseph Smith: “X’kien l-iskop tal-ġabra tal- … poplu ta’ Alla f’kwalunkwe żmien tad-dinja? … L-iskop ewlieni kien biex nibnu għall-Mulej dar li fiha Hu jkun jista’ jiżvela lill-poplu tiegħu l-ordinanzi tad-dar tiegħu u l-glorji tas-saltna tiegħu, u jgħallem lill-poplu t-triq tas-salvazzjoni; għaliex hemm ċerti ordinanzi u prinċipji li, meta jiġu mgħallmin u pprattikati, jeħtieġ li jiġu amministrati f’post, jew dar, li hu mibni għal dak il-għan.”18

Il-validità li l-qawwa tas-siġill tagħti lill-ordinanzi tas-saċerdozju jinkludu, bla dubju, l-ordinanzi f’isem ħaddieħor li jitwettqu f’post magħżul mill-Mulej—it-tempju tiegħu. Hawnhekk naraw il-majestà u l-qdusija tal-qawwa tas-siġill—jagħmel is-salvazzjoni individwali u l-eżaltazzjoni tal-familja disponibbli b’mod universali għal ulied Alla irrispettivament fejn u meta għexu fid-dinja. L-ebda teoloġija jew filosofija jew awtorità oħra ma tista’ tipparagunahom ma’ opportunità ta’ inklużjoni sħiħa bħal din. Din il-qawwa tas-siġill hija turija perfetta tal-ġustizzja, il-ħniena, u l-imħabba ta’ Alla.

B’aċċess għall-qawwa tas-siġill, qalbna ddur b’mod naturali lejn dawk li telqu qabilna. Il-ġabra tal-aħħar żmien fil-patti tgħaddi minn ġol-velu. Fl-ordni perfetta ta’ Alla, il-ħajjin ma jistgħux jesperjenzaw il-ħajja ta’ dejjem fil-milja tagħha mingħajr ma jifformaw rabta li tibqa’ mal-“missirijiet,” l-antenati tagħna. Bl-istess mod, il-progress ta’ dawk li diġà jinsabu fuq in-naħa l-oħra, jew li għad iridu jgħaddu għan-naħa l-oħra tal-velu mingħajr il-benefiċċju tas-siġill, ma jkunx komplut sakemm dawn l-ordinanzi f’isimhom ma jorbtuhomx magħna, id-dixxendenti tagħhom, u lilna magħhom skont l-ordni divina.19 L-impenn li ngħinu lil xulxin min-naħa għall-oħra tal-velu tista’ tiġi kklassifikata bħala wegħda tal-patt, parti mill-patt il-ġdid u għal dejjem. Fi kliem Joseph Smith, aħna rridu “nissiġillaw magħna lill-mejtin tagħna biex iqumu magħna fl-ewwel qawmien.”20

L-ogħla u l-aktar manifestazzjoni qaddisa tal-qawwa tas-siġill tinsab fl-għaqda eterna ta’ raġel u mara fiż-żwieġ u r-rabta tal-umanità mal-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. Minħabba li l-awtorità biex tuffiċjalizza f’dawn l-ordinanzi hija daqstant sagra, il-President tal-Knisja personalment jissorvelja d-delegazzjoni tagħha lil ħaddieħor. Darba waħda l-President Gordon B. Hinckley qal, “Jien kemm-il darba għidt li jekk ma ħareġ xejn min-niket, mis-sofferenza, u mill-uġigħ tar-restawrazzjoni ħlief il-qawwa tas-siġill tas-saċerdozju mqaddes li tgħaqqad il-familji flimkien għal dejjem, kien ikun vallapena l-prezz li tħallas.”21

Mingħajr is-siġill li joħloq il-familji eterni u jgħaqqad flimkien ġenerazzjonijiet sħaħ f’din il-ħajja u f’li ġejja, aħna nispiċċaw fl-eternità mingħajr ebda għeruq jew fergħat—jiġifieri, mingħajr antenati jew posterità. Huwa dan l-istat liberu u skonnetjat ta’ individwi, minn banda, jew dawn il-konnessjonijiet li huma ta’ sfida għaż-żwieġ u għar-relazzjonijiet fil-familja li Alla ħatar,22 mill-banda l-oħra, li jiffrustraw l-istess għan tal-ħolqien tad-dinja. Kieku din kellha ssir xi ħaġa normali, dan iwassal biex id-dinja tintlaqat minn saħta jew “tinqered għal kollox” mal-miġja tal-Mulej.23

Nistgħu naraw għalfejn “iż-żwieġ bejn raġel u mara hu ordnat minn Alla u li l-familja hija fil-qalba tal-pjan tal-Ħallieq għad-destin etern ta’ wliedu.”24 Fl-istess ħin, aħna nagħrfu li fil-preżent imperfett, din mhijiex ir-realtà jew saħansitra xi possibbiltà realistika għal xi wħud. Iżda aħna nittamaw fi Kristu. Waqt li nkomplu nittamaw fil-Mulej, il-President M. Russell Ballard ifakkarna li “iskrittura u l-profeti tal-aħħar żmien jikkonfermaw li dawk kollha li huma fidili fiż-żamma tal-patti tal-evanġelju se jkollhom l-opportunità tal-eżaltazzjoni.”25

Xi wħud esperjenzaw ċerti ċirkustanzi xejn sbieħ u xejn sani, u ftit li xejn għandhom xewqa għal din ir-rabta eterna tal-familja. Il-Presbiteru David A. Bednar għamel din l-osservazzjoni: “Intom li esperjenzajtu uġigħ il-qalb tad-divorzju fil-familja tagħkom jew ħassejtu l-agunija tal-ksur ta’ fiduċja, jekk jogħġobkom ftakru li l-mudell ta’ Alla għall-familji jerġa’ jibda bikom! Jista’ jkun li ħolqa waħda fil-katina tal-ġenerazzjonijiet tagħkom tkissret, iżda l-ħoloq l-oħra tajbin u dak li għad baqa’ mill-katina għadhom madankollu eternament importanti. Intom tistgħu ssaħħu l-katina tagħkom u forsi anke tirrestawraw il-ħoloq li nkisru. Dik il-ħidma tiġi fis-seħħ, ħolqa ħolqa.”26

Lulju li għadda, fis-servizz tal-funeral għal Sister Pat Holland, il-mara tal-Presbiteru Jeffrey R. Holland, il-President Russell M. Nelson għallem: “Maż-żmien, Patricia u Jeffrey se jerġgħu jingħaqdu flimkien. Aktar tard se jingħaqdu magħhom uliedhom u dawk li huma min-nisel tagħhom li jħarsu l-patti tagħhom biex huma jesperjenzaw il-milja ta’ ferħ li Alla għandu lesta għal uliedu fidili. B’dan l-għarfien, aħna nifhmu li l-aktar data importanti fil-ħajja ta’ Patricia mhijiex id-data tat-twelid jew id-data tal-mewt tagħha. L-aktar data importanti tagħha kienet is-7 ta’ Ġunju, 1963, meta hi u Jeff ġew issiġillati  fit-Tempju ta’ St. George. … Għaliex hija daqshekk importanti? Għaliex ir-raġuni vera għalfejn inħolqot id-dinja kienet biex il-familji jistgħu jiġu ffurmati u ssiġillati ma’ xulxin. Is-salvazzjoni hija ħaġa li tirrigwarda l-individwu, iżda l-eżaltazzjoni hi ħaġa li tirrigwarda l-familja. Ħadd ma jista’ jiġi eżaltat waħdu.”

M’ilux wisq, jien u marti ngħaqdna ma’ ħabiba għażiża tagħna f’kamra tas-siġill ġewwa t-Tempju ta’ Bountiful, f’Utah. Jiena ltqajt għall-ewwel darba ma’ din il-ħabiba meta kienet għadha tifla f’Córdoba, l-Arġentina. Jien u s-sieħeb missjunarju tiegħi konna qed nagħmlu kuntatt man-nies f’inħawi li kienu ftit ’il bogħod mill-uffiċċju tal-missjoni, u hija fetħet il-bieb meta aħna morna d-dar tagħha. Maż-żmien, hi u ommha u ħutha ngħaqdu mal-Knisja, u huma baqgħu membri fidili sal-lum. Hija mara mill-aktar simpatika, u dakinhar konna fit-tempju biex nissiġillaw lill-ġenituri mejtin tagħha ma’ xulxin u wara nissiġillawha magħhom.

Koppja li mas-snin saru ħbieb għeżież tagħhom irrappreżentaw lill-ġenituri tagħha quddiem l-artal. Kien mument emozzjonali li sar aktar ħelu meta l-ħabiba tagħna mill-Arġentina ġiet issiġillata mal-ġenituri tagħha. Konna biss sitt persuni preżenti f’dak il-wara nofsinhar kwiet ’il bogħod mid-dinja, u madankollu hemm kienet qed isseħħ waħda mill-aktar ħwejjeġ importanti li qatt tista’ sseħħ fid-dinja. Jiena ħassejtni gratifikat li l-irwol u l-konnessjoni tiegħi kien dar ċirku tond minn meta ħabbatna fuq il-bieb tagħha bħala missjunarju żagħżugħ u issa, dawn is-snin kollha wara, fejn wettaqt l-ordinanzi tas-siġill li rabtitha mal-ġenituri tagħha u ma’ ġenerazzjonijiet passati.

Din hija xena li qed isseħħ kontinwament madwar id-dinja kollha fit-tempji. Dan huwa l-akbar pass fil-ġabra tal-poplu tal-patt. Huwa l-ogħla privileġġ tas-sħubija tagħkom fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Inwegħidkom li hekk kif intom tfittxu b’fedeltà dak il-privileġġ, f’din il-ħajja jew fl-eternità żgur li tiksbuh.

Nixhed li l-qawwa u l-awtorità tas-siġill irrestawrati fid-dinja permezz ta’ Joseph Smith huma reali, li dak li b’hekk ikun marbut fid-dinja ikun verament marbut fis-smewwiet. Nixhed li l-President Russell M. Nelson, bħala l-President tal-Knisja, huwa l-uniku raġel fid-dinja llum li permezz tal-imfietaħ tiegħu jmexxi l-użu ta’ din il-qawwa divina. Jiena nixhed li l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu għamlet l-immortalità u l-possibbiltà tar-relazzjonijiet ta’ familja eżaltata realtà. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara, per eżempju, Isaija 49.

  2. 2 Nefi 10:8.

  3. 2 Nefi 10:7.

  4. Russell M. Nelson u Wendy W. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Gospel Library.

  5. Doctrine and Covenants 115:6.

  6. Abraham 2:11.

  7. Russell M. Nelson, “Il-Patt ta’ Dejjem,” Liahona, Ott. 2022, 4; ara wkoll Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 34. “‘Il-patt ġdid u għal dejjem’ (Doctrine and Covenants 132:6) u l-patt Abrahamiku huma essenzjalment l-istess—żewġ modi kif nesprimu fi kliem il-patt li Alla għamel ma’ rġiel u nisa mortali fi żminijiet differenti” (Russell M. Nelson, “Il-Patt ta’ Dejjem,” 4).

  8. Doctrine and Covenants 110:11.

  9. Doctrine and Covenants 110:12.

  10. Doctrine and Covenants 84:34.

  11. Ara Doctrine and Covenants 110:13–16.

  12. Doctrine and Covenants 2:1.

  13. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 310.

  14. “L-ispirtu, il-qawwa, u s-sejħa ta’ Elija jfissru li intom għandkom il-qawwa li tħaddnu l-muftieħ tar-rivelazzjoni, tal-ordinanzi, tal-orakli, tal-qawwiet, u tad-doti tal-milja tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek u tas-saltna ta’ Alla fid-dinja; u li tirċievu, tiksbu u twettqu l-ordinanzi kollha li jappartjenu għas-saltna ta’ Alla, saħansitra li jraġġgħu l-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-qlub tal-ulied lejn il-missirijiet, anke ta’ dawk li jinsabu fis-smewwiet” (Teachings: Joseph Smith, 311).

  15. Doctrine and Covenants 128:9.

  16. Ara Doctrine and Covenants 132:7.

  17. Joseph Fielding Smith, f’Henry B. Eyring, “Families under Covenant,” Liahona, Mejju 2012, 63; ara wkoll noti tal-aħħar 5 f’paġna 65.

  18. Teachings: Joseph Smith, 416–17.

  19. Mingħajr dawn il- “ħoloq li jgħaqqdu” (ara Doctrine and Covenants 128:18) bejn il-missirijiet u l-ulied li jinħolqu permezz tal-ordinanzi tat-tempju, il-Mulej jiddikjara, “intom ma tiġux milqugħin … flimkien mal-mejtin tagħkom” (Doctrine and Covenants 124:32). Mhux ta’ b’xejn li l-Profeta widdibna: “Nista’ niżgurakom li dawn huma prinċipji relatati mal-mejtin u mal-ħajjin li ma nistgħux inħarsu lejhom b’mod leġġer, meta nitkellmu dwar is-salvazzjoni tagħna. Għax is-salvazzjoni tagħhom hija neċessarja u essenzjali għas-salvazzjoni tagħna, kif Pawlu jgħid dwar il-missirijiet—huma mingħajrna ma jistgħux ikunu perfetti—lanqas aħna mingħajrhom ma nistgħu nkunu perfetti” (Doctrine and Covenants 128:15).

  20. Teachings: Joseph Smith, 312.

  21. Teachings of Gordon B. Hinckley (1997), 475–76.

  22. Ara Doctrine and Covenants 132:8–12.

  23. Ara Malakija 4:6; Doctrine and Covenants 2:3.

  24. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Gospel Library.

  25. M. Russell Ballard, “Tama fi Kristu,” Liahona, Mejju 2021, 55.

  26. David A. Bednar, “A Welding Link” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 10 ta’ Sett., 2017), Gospel Library.