2022
Il-Patt ta’ Dejjem
Ottubru 2022


“Il-Patt ta’ Dejjem,” Liahona, Ott. 2022.

Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Ottubru 2022

Il- Patt ta’ Dejjem

Dawk li għamlu patt ma’ Alla għandhom aċċess għal tip speċjali ta’ mħabba u ħniena.

Immaġni
ritratt impitter ta’ Ġesù Kristu

Il-Muelj Ġesù Kristu, ta’ Del Parson

F’din id-dinja mġarrfa bil-gwerra u bi xnihat ta’ gwerra, il-ħtieġa għall-verità, id-dawl, u l-imħabba pura ta’ Ġesù Kristu hija ikbar minn qatt qabel. L-evanġelju ta’ Kristu huwa glorjuż, u aħna mberkin li nistudjawh u li ngħixu skont il-preċetti tiegħu. Aħna nifirħu fl-opportunitajiet tagħna li nixxerjawh—biex nixhdu dwar il-veritajiet tiegħu nkunu fejn inkunu.

Jien tkellimt spiss dwar l-importanza tal-patt Abrahamiku u l-ġabra ta’ Iżrael. Meta nħaddnu l-evanġelju u nitgħammdu, aħna nieħdu fuqna nfusna l-isem sagru ta’ Ġesù Kristu. Il-magħmudija hija l-bieb li jwassal biex insiru werrieta konġunta għall-wegħdiet kollha li ngħataw fil-qedem mingħand il-Mulej lil Abraham, Iżakk, Ġakobb, u lill-posterità tagħhom. 1

“Il-patt ġdid u għal dejjem”2(Doctrine and Covenants 132:6) u l-patt Abrahamiku huma essenzjalment l-istess—żewġ modi kif nesprimu fi kliem il-patt li Alla għamel ma’ rġiel u nisa mortali fi żminijiet differenti.

Il-frażi ta’ dejjem tindika li dan il-patt eżista saħansitra qabel il-ħolqien tad-dinja! Il-pjan imfassal fil-Kunsill il-Kbir fis-Smewwiet inkluda r-realizzazzjoni xejn ħafifa li aħna lkoll se nkunu maqtugħin mill-preżenza ta’ Alla. Madanakollu, Alla wiegħed li Huwa kien se jipprovdi Salvatur li kellu jegħleb il-konsegwenzi tal-Waqgħa. Alla qal lil Adam wara l-magħmudija tiegħu:

“Inti int fl-ordni ta’ dak li kien mingħajr bidu ta’ jiem jew tmiem ta’ snin, minn kull eternità sa kull eternità.

Ara, inti ħaġa waħda fija, iben Alla; u hekk ħalli jsiru kollha wliedi” (Moses 6:67–68).

Adam u Eva aċċettaw l-ordinanza tal-magħmudija u bdew il-proċess li jkunu ħaġa waħda ma’ Alla. Huma kienu daħlu fit-triq tal-patt.

Meta intom u jien nidħlu wkoll f’dik it-triq, aħna jkollna mod ġdid ta’ ħajja. Aħna b’dan il-mod noħolqu relazzjoni ma’ Alla li tippermettilu li jberikna u jbiddilna. It-triq tal-patt twassalna lura għandu. Jekk inħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna, dak il-patt iressaqna eqreb u eqreb lejh. Il-patti kollha huma intenzjonati li jorbtu. Huma joħolqu relazzjoni b’irbit għal dejjem.

Imħabba u Ħniena Speċjali

La darba nagħmla patt ma’ Alla, qatt iżjed ma nistgħu nerġgħu lura. Alla mhux se jabbanduna r-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li jkunu sawru relazzjoni bħal din miegħu. Fil-fatt, dawk kollha li għamlu patt ma’ Alla għandhom aċċess għal tip speċjali ta’ mħabba u ħniena. Fil-lingwa Ebrajka, dik l-imħabba tal-patt tissejjaħ ħesed.(חֶסֶד)3

Ħesed m’għandhiex kelma adegwatament ekwivalenti fil-lingwa Ingliża. It-tradutturi tal-Verżjoni King James tal-Bibbja kellhom probabbli jitħabtu biex sabu kif se jaqilbu ħesed bl-Ingliż. Ta’ spiss għażlu “lovingkindness.” Din taqbad ħafna mit-tifsira ta’ ħesed iżda mhux kollox. Intużaw traduzzjonijiet oħrajn, bħal “mercy” u “goodness”. Ħesed hija kelma unika li tiddeskrivi relazzjoni ta’ patt fejn iż-zewġ partijiet huma marbutin li jkunu leali ma’, u fidili lejn, xulxin.

Żwieġ ċelestjali huwa relezzjoni tal-patt ta’ dan it-tip. Raġel u mara miżżewġin jagħmlu patt ma’ Alla u ma’ xulxin li jkunu leali ma’, u fidili lejn, xulxin.

Ħesed hija tip speċjali ta’ mħabba u ħniena li Alla jħoss għal, u jestendi ma’, dawk li jagħmlu patt miegħu. U aħna nirriċiprokaw b’ ħesed għalih.

Immaġni
tnejn, li għadhom kemm iżżewġu, ħdejn it-tempju

La darba intom u jien għamilna patt ma’ Alla, ir-relazzjoni tagħna miegħu ssir ħafna eqreb milli kienet qabel il-patt tagħna. Issa aħna marbutin flimkien.

Ritratt ta’ Jerry L. Garns

Peress li Alla għandu ħesed għal dawk li għamlu patt miegħu, Huwa jħobbhom. Huwa jibqa’ jaħdem magħhom u joffrilhom opportunitajiet biex jinbidlu. Huwa jaħfrilhom meta huma jindbu. U kieku kellhom jitbiegħdu, huwa jgħinhom isibu t-triq lura lejh.

La darba intom u jien għamilna patt ma’ Alla, ir-relazzjoni tagħna miegħu ssir ħafna eqreb minn kif kienet qabel il-patt. Issa aħna marbutin flimkien. Minħabba l-patt tagħna ma’ Alla, Huwa qatt mhu se jegħja fl-isforzi tiegħu biex jgħinna, u aħna qatt m’aħna se naħlu s-sabar mimli ħniena tiegħu għalina. Kollha kemm aħna għandna post speċjali fil-qalb ta’ Alla. Huwa għandu tamiet kbar għalina.

Tafuha d-dikjarazzjoni storika li l-Mulej ta lill-Profeta Joseph Smith. Hija ġiet b’rivelazzjoni. Il-Mulej qal lil Joseph, “Din il-wegħda hija tiegħek ukoll, għaliex inti ta’ Abraham, u l-wegħda saret ma’ Abraham” (Doctrine and Covenants 132:31).

Għaldaqstant, il-patt ta’ dejjem kien irrestawrat bħala parti mr-Restawrazzjoni kbira tal-evanġelju fil-milja tiegħu. Aħsbu ftit dwar dan! Patt taż-żwieġ magħmul fit-tempju huwa marbut direttament ma’ dak il-patt Abrahamiku. Fit-tempju l-koppja hija introdotta mal-barkiet kollha irriservati għall-posterità fidila ta’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb.

Kif għamel Adam, intom u jien personalment dħalna fit-triq tal-patt permezz tal-magħmudija. Imbagħad nidħlu fiha iktar bis-sħiħ ġewwa t-tempju. Il-barkiet tal-patt Abrahamiku jingħataw f’tempji mqaddsa. Dawn il-barkiet jippermettulna, hekk kif niġu mqajmin mill-imwiet, li “nirtu t-tronijiet, is-saltniet, il-qawwiet, il-prinċipalitajiet, u d-dominji, għal ‘l-eżaltazzjoni u l-glorja tagħna fil-ħwejjeġ kollha’ [Doctrine and Covenants 132:19].”4

Fit-test li jagħlaq it-Testment il-Qadim, aħna naqraw dwar kif il-wegħda ta’ Malakija li Elija se “jraġġa’ qalb il-missirijiet lejn uliedhom, u qalb l-ulied lejn missirijiethom” (Malakija 4:6). F’iżrael tal-qedem, dawn it-tip ta’ referenzi għall-missirijiet kienu jinkludu l-missirijiet Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Din il-wegħda hija kkjarifikata meta aħna naqraw il-verżjoni differenti ta’ dan il-vers ikkwotata minn Moroni lill-Profeta Joseph Smith: “Hu [Elija] se jiżra’ f’qalb l-ulied il-wegħdiet li saru lill-missirijiet, u se jraġġa’ l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom” (Joseph Smith—History 1:39). Dawk il-missirijiet żgur jinkludu lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb. (Ara Doctrine and Covenants 27:9-10.)

Immaġni
immaġni ta’ Ġesù Kristu

Dawk li jagħmlu patti sagri u jżommuhom huma mwegħdin ħajja eterna u eżaltazzjoni. Ġesù Kristu huwa l-garanti ta’ dawk il-patti.

Dettal minn Kristu u ż-Żagħżugħ Għani, ta’ Heinrich Hofmann.

Ġesù Kristu: Iċ-Ċentru tal-Patt

Is-sagrifiċċju tal-espjazzjoni tas-Salvatur ippermetta lill-Missier biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu magħmulin lil uliedu. Peress li Ġesù Kristu huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja,” ifisser li “ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz [tiegħu]” (Ġwanni 14:6). It-twettiq tal-patt Abrahamiku jsir possibbli minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna, il-Mulej Ġesù Kristu. Ġesù Kristu huwa fiċ-ċentru tal-patt Abrahamiku.

It-Testment il-Qadim mhuwiex biss ktieb ta’ skrittura; huwa wkoll ktieb ta’ storja. Tiftakruha l-istorja li qrajtu dwar iż-żwieġ bejn Saraj u Abram. Peress li ma kellhomx tfal, Saraj tat il-qaddejja tagħha, Ħagar, biex tkun mart Abram ukoll, skont id-direzzjoni tal-Mulej. Ħagar welldet lil Ismagħel.5 Abram kien iħobb lil Ismagħel, imma dan ma kellux ikun l-iben li minnu l-patt kellu jgħaddi. (Ara Ġwanni 11:29–30; 16:1, 3, 11; Doctrine and Covenants 132:34.)

Bħala barka minn Alla, u bi tweġiba għall-fidi ta’ Saraj, 6 hija kkonċepiet fl-età avvanzata tagħha, sabiex il-patt seta’ jgħaddi minn l-iben tagħha, Iżakk (ara Ġenesi 17:19). Huwa twieled fil-patt.

Alla ta ismijiet ġodda lil Saraj u Abram—Sara u Abraham (ara Ġenesi 17:5, 15). L-għotja ta’ dawk iż-żewġ ismijiet immarkat il-bidu ta’ ħajja ġdida u destin ġdid għal din il-familja.

Abraham kien iħobb kemm lil Ismagħel u kemm lil Iżakk. Alla qal lil Abraham li Ismagħel kien se jitkattar u jsir ġens kbir (ara Ġenesi 17:20). Fl-istess ħin, Alla għamilha ċara li l-patt ta’ dejjem kien se jitwaqqaf permezz ta’ Iżakk (ara Ġenesi 17:19).

Dawk kollha li aċċettaw l-evanġelju jsiru parti min-nisel ta’ Abraham. Fil-Galatin naqraw:

“Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.

“… Intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.

“Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skont il-wegħda” (Galatin 3:27-29).

Għalhekk, nistgħu nsiru werrieta tal-patt sew bin-nisel u sew bl-adozzjoni.

Immaġni
nies jinġabru għal servizz tal-magħmudija

La darba nagħmlu patt ma’ Alla, qatt iżjed ma nistgħu nerġgħu lura. Alla mhux se jabbanduna r-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li jkunu sawru din it-tip ta’ rabta miegħu.

Iben Iżakk u Rebekka, Ġakobb, twieled fil-patt. Barra minn hekk, huwa għażel li jidħol minn rajh. Kif tafu, isem Ġakobb ġie mibdul għal Iżrael (ara Ġenesi 32:28), li jfisser “ħallu lil Alla jiddomina” jew “wieħed li jiddomina ma’ Alla.” 7

Fl-Eżodu aħna naqraw li “Alla ftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’ Iżakk, u ma’ Ġakobb” (Eżodu 2:24). Alla qal lil ulied Iżrael, “Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi” (Eżodu 19;5).

Il-frażi “l-wirt tiegħi” kienet tradotta mill-Ebrajk segullah, li tfisser possessjoni ta’ valur kbir— “teżor.”8

Il-ktieb tad-Dewteronomju jirrakkonta l-importanza tal-patt. L-Appostli tat-Testment il-Ġdid kienu jafu b’dan il-patt. Wara li Pietru kien fejjaq raġel zopp fuq it-taraġ tat-tempju, huwa għallem lil dawk li kienu hemm dwar Ġesù. Pietru qal, “Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù” (Atti 3:13).

Pietru għalaq il-messaġġ tiegħu billi qal lill-udjenza tiegħu, “Intom ulied il-profeti u werrieta tal-patt li Alla għamel ma’ missirijietkom meta qal lil Abraham, ‘F’nislek jitbierku l-ġnus kollha tal-art” (Atti 3:25). Pietru għamilha ċara magħhom li parti mill-missjoni ta’ Kristu kienet li jwettaq il-patt ta’ Alla.

Il-Mulej għamel diskors simili lill-poplu tal-Amerka tal-qedem. Hemmhekk, Kristu mqajjem mill-imwiet qal lill-poplu min fil-fatt kienu. Huwa qal:

“Intom ulied il-profeti; u intom mid-dar ta’ Iżrael; u werrieta tal-patt li l-Missier għamel ma’ missirijietkom meta qal lil Abraham, ‘F’nislek jitbierku l-ġnus kollha tal-art.

“Il-Missier wara li qajjimni għalikom l-ewwel, u bagħatni biex inberikkom biex inbiegħed lil kull wieħed minnkom minn ħżunitkom; u dan għaliex intom ulied il-patt” (3 Nephi 20:25–26).

Tarawh is-sinifikat ta’ dan? Dawk li jħarsu l-patti tagħhom ma’ Alla se jsiru razza ta’ erwieħ reżistenti għad-dnub! Dawk li jħarsu l-patti tagħhom se jkollhom il-qawwa li jirreżistu l-influwenza kostanti tad-diinja.

Immaġni
raġel qed jieħu sehem fis-sagrament

Dawk li jħarsu l-patti tagħhom ma’ Alla se jsiru razza ta’ erwieħ reżistenti għad-dnub! Dawk li jħarsu l-patti tagħhom se jkollhom il-qawwa li jirreżistu l-influwenza kostanti tad-diinja.

Ħidma Missjunarja: Nixxerjaw il-Patt

Il-Mulej ikkmanda li aħna nxerrdu l-evanġelju u nixxerjaw il-patt. Hu għalhekk li għandna l-missjunarji. Huwa jixtieq li wliedu kollha jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-evanġelju tas-Salvatur u jmorru għal għonq triq il-patt. Alla jrid li jikkonnettja lin-nies kollha mal-patt li Hu għamel fil-qedem ma’ Abraham.

Għaldaqstant, il-ħidma missjunarja hija parti essenzjali tal-ġabra kbira ta’ Iżrael. Dik il-ġabra hija l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja. Xejn iżjed ma jikkompara fil-kobor. Xejn iżjed ma jikkompara fl-importanza. Il-missjunarji tal-Mulej—id-dixxipli tiegħu—huma ingaġġati fl-ikbar sfida, fl-ikbar kawża, l-ikbar ħidma fid-dinja llum.

Iżda hemm xi ħaġa aktar minn hekk—ħafna iktar. Hemm il-bżonn kbir li jinxtered l-evanġelju lil nies fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Alla jrid lil kulħadd, fuq iż-żewġ naħat tal-velu, igawdi l-barkiet tal-patt tiegħu. It-triq tal-patt hija miftuħa għal kulħadd. Nitolbu lil kulħadd biex timxu dik it-triq magħna. L-ebda ħidma oħra ma hija daqstant inklussiva universalment. Għax “il-Mulej huwa ħanin ma’ dawk kollha li, fis-sinċerità ta’ qalbhom, isejħu l-isem qaddis tiegħu” (Helaman 3:27).

Minħabba li s-saċerdozju ta’ Melkisedek ġie rrestawrat, nisa u rġiel li jħarsu l-patti għandhom aċċess għall- “barkiet spiritwali kollha tal-evanġelju (Doctrine and Covenants 107:18; enfasi miżjuda).

Fid-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kirtland fl-1836, taħt id-direzzjoni tal-Mulej, deher Elija. L-għan tiegħu? “Li jreġġa’ … l-ulied lejn missirijethom” (Doctrine and Covenants 110:15). Deher ukoll Elijas. L-għan tiegħu? Biex jafda lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery “id-dispensazzjoni tal-evanġelju ta’ Abraham, fejn iddikjara li fina u fin-nisel tagħna l-ġenerazzjonijiet kollha li ġejjin warajna se jkunu mberkin” (Doctrine and Covenants 110:12). Għaldaqstant, l-Imgħallem għadda lil Joseph Smith u Oliver Cowdery l-awtorità tas-saċerdozju u d-dritt li jgħaddu l-barkiet uniċi tal-patt Abrahamiku lil oħrajn.9

Fil-Knisja, aħna nivvjaġġaw fuq it-triq tal-patt kemm individwalment u kemm kollettivament. Bħalma ż-żwiġijiet u l-familji jixxerjaw rabta għall-wisa’ unika li toħloq imħabba speċjali, l-istess tagħmel ir-relazzjoni ġdida msawra meta aħna norbtu lilna nfusna għat-tul permezz ta’ patt ma’ Alla tagħna!

Forsi dan hu dak li ried ifisser Nefi meta qal li Alla “jħobb lil dawk li jriduh ikun Alla tagħhom” (1 Nefi 17:40). Dan huwa eżattament għala, bħala parti mill-patt, ħniena u mħabba speċjali—jew ħesed—hija disponibbli għal dawk kollha li jidħlu f’din ir-relazzjoni li torbot u intima ma’ Alla, saħansitra “għal elf nisel” Dewteronomju 7:9).

Li tagħmel patt ma’ Alla jibdel ir-relazzjoni tagħna miegħu għal dejjem. Dan iberikna b’doża aqwa ta’ mħabba u ħniena.10 Jaffettwa min aħna u kif Alla se jgħinna nkunu dak li nistgħu nkunu. Aħna mwegħdin li aħna, ukoll, nistgħu nkunu “teżor speċjali” għalih (Salmi 135:4).

Wegħdiet u Privileġġi

Dawk li jagħmlu patti sagri u jħarsuhom huma mwegħdin ħajja eterna u l-eżaltazzjoni, “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla” (Doctrine and Covenants 14:7). Ġesù Kristu huwa l-garanti ta’ dawk il-patti (ara Lhud 7:22; 8:6). Dawk li jħarsu l-patti u li jħobbu lil Alla u jħalluh jiddomina fl-affarjiet kollha ta’ ħajjithom jagħmluh i-iktar influwenza qawwija f’ħajjithom.

Fi żmienna aħna privileġġjati li nirċievu barkiet patrijarkali u nitgħallmu dwar il-konnessjonijiet tagħna mal-patrijarki tal-qedem. Dawk il-barkiet jipprovdu wkoll ħarsa lejn il-ġejjieni.

Immaġni
Ġesù jitkellem ma’ Pietru

Minħabba l-patt tagħna ma’ Alla, huwa qatt mhu se jegħja fl-isforzi tiegħu biex jgħinna, u aħna qatt m’aħna se naħlu s-sabar tiegħu kollu ħniena għalina.

Lovest Thou Me More Than These? ta’ David Lindsley

Is-sejħa tagħna bħala patt ta’ Iżrael hija li nassiguraw li kull membru tal-Knisja jirrealizza l-ferħ u l-privileġġi assoċjati mal-għemil tal-patti ma’ Alla. Hija sejħa li tinkoraġġixxi kull raġel u mara , u kull tifel u tifla li jħarsu l-patti, sabiex dawn jaqsmu l-evanġelju ma’ dawk li jiġu fl-isfera tal-influwenza tagħhom. Hija wkoll sejħa biex nissapportjaw u ninkoraġġixxu lill-missjunarji tagħna, li jintbagħtu b’istruzzjonijiet biex jgħammdu u jgħinu ħalli jinġabar Iżrael, sabiex flimkien aħna nkunu l-poplu ta’ Alla u Hu jkun Alla tagħna (ara Doctrine and Covenants 42:9).

Kull min jipparteċipa fl-ordinanzi tas-saċerdozju, sew jekk raġel, sew jekk mara, u li jagħmel l-patti ma’ Alla u jħarishom għandu aċċess dirett lejn il-qawwa ta’ Alla. Aħna nieħdu isem Alla fuqna nfusna bħala individwi. Nieħdu wkoll ismu fuqna nfusna bħala poplu. Li nkunu passjonali dwar l-użu korrett tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien huwa mod vitali kif aħna bħala poplu nieħdu fuqna. Sewwasew, kull att benevolenti tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u l-membri tagħha huwa espressjoni tal-ħesed ta’ Alla.

Għalfejn Iżrael kien imxerred? Għaliex il-poplu ma ħarisx il-kmandamenti u ħaġġar lill-profeti. Missier kollu mħabba u mimli bin-niket wieġeb billi ferrex lil Iżrael ma’ kull naħa.11

Madanakollu, huwa ferrixhom bil-wegħda li xi darba Iżrael kellu jinġabar mill-ġdid fl-għalqa tiegħu.

It-tribù ta’ Ġuda ngħata r-responsabbiltà li jipprepara d-dinja għall-ewwel miġja tal-Mulej. Minn dak it-tribù, Marija ssejjħet biex tkun omm l-Iben ta’ Alla.

It-tribù ta’ Ġużeppi, permezz tal-ulied tiegħu u ta’ Asenat, Efrajm u Manassi (ara Ġenesi 41:50–52; 46:20), ingħata r-responsabbiltà biex imexxi l-ġabra ta’ Iżrael, ħalli jħejji lid-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.

F’din ir-relazzjoni ta’ ħesed, relazzjoni bla kont ta’ żmien, hija ħaġa naturali li Alla jrid li jiġbor flimkien lil Iżrael. Huwa Missierna tas-Smewwiet! Huwa jrid li uliedu kollha—fuq iż-żewġ naħat tal-velu— jisimgħu l-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.

Triq ta’ Mħabba

It-triq tal-patt hija triq ta’ mħabba— dik il-ħesed inkredibbli, li nieħdu ħsieb xulxin b’mod sensittiv u naraw li ta’ madwarna ma jonqoshom xejn. Li tħoss dik l-imħabba jilliberak u jelevak. L-ikbar hena li tista’ qatt tesperjenza huwa meta inti timtela bl-imħabba għal Alla u għal uliedu kollha.

Li tħobb lil Alla iktar minn kulħadd u kull ħaġa oħra hija l-kondizzjoni li ġġib il-vera paċi, il-faraġ, il-kunfidenza, u l-hena.

Fil-qofol tagħha, it-triq tal-patt hija dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla— ir-relazzjoni ħesed tagħna miegħu. Meta nidħlu f’patt ma’ Alla, aħna nkunu għamilna patt ma’ Dak li dejjem iżomm il-kelma tiegħu. Huwa jagħmel dak kollu li jista’, mingħajr ma joħnoq il-volontà tagħna, biex jgħinna nżommu tagħna.

Il-Ktieb ta’ Mormon jibda u jispiċċa b’referenza għal dan il-patt ta’ dejjem. Mill-paġna tat-titlu sat-testimonjanzi fl-aħħar ta’ Mormon u Moroni, il-ktieb ta’ Mormon jagħmel referenza għall-patt (ara Mormon 5:20; 9:37). “Il-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon huwa sinjal lid-dinja kollha li l-Mulej beda jiġbor lil Iżrael u jwettaq il-patti li hu għamel ma’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb.”12

Għeżież ħuti, aħna ġejna msejħin f’dan iż-żmien kruċjali fl-istorja ta’ did-dinja biex ngħallmu lid-dinja dwar il-ġmiel u l-qawwa tal-patt ta’ dejjem. Missierna fis-Smewwiet jafdana impliċitament li nagħmlu din il-ħidma kbira.

Dan il-messaġġ ngħata wkoll waqt laqgħa għat-tmexxija fil-konferenza ġenerali nhar il-31 ta’ Marzu, 2022.

Noti

  1. Ara Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 34.

  2. Il-patt il-ġdid u ta’ dejjem huwa l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Huwa jinkludi l-ordinanzi u l-patti kollha neċessarji għas-salvazzjoni tagħna (ara Doctrine and Covenants 66:2). Huwa “ġdid” kull meta l-Mulej iġeddu u jirrestawrah, u huwa “ta’ dejjem” għaliex qatt ma jinbidel.

  3. Diskussjoni komprensiva dwar ħesed u l-patt ta’ dejjem tinstab f’Kerry Muhlestein, God Will Prevail: Ancient Covenants, Modern Blessings, and the Gathering of Israel (2021).

  4. Russell M. Nelson, f’ “Special Witnesses of Christ,” Liahona, Apr. 2001, 7.

  5. Il-frażi Ebrajka Ishmael tfisser “Alla jisma’” (Dizzjunarju tal-Bibbja, “Ishmael”).

  6. “Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda” (Lhud 11:11).

  7. Dizzjunarju tal-Bibbja, “Israel.”

  8. Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Peculiar”; “Hebrew and Chaldee Dictionary,” Strong’s Exhaustive Concordance of the Bible (1984), 82, kelma 54-59.

  9. Ara Russell M. Nelson, “Thanks for the Covenant” (devozzjonali f’Università ta’ Brigham Young 22 ta’Nov., 1988), 4, speeches.byu.edu.

  10. “Kull patt ma’ Alla huwa opportunità biex nersqu eqreb lejh. Lil dawk li jirriflettu għal mument biss dwar x’ħassew diġà mill-imħabba ta’ Alla, li ssaħħaħ dik ir-rabta u tagħmel dik ir-relazzjoni eqreb hija offerta irreżistibbli” (Henry B. Eyring, “Making Covenants with God” [serata ta’ tagħlim fl-Università ta’ Brigham Young, 8 ta’ Sett., 1996], 3, speeches.byu.edu).

  11. “Il-Mulej uża wkoll dan it-tixrid tal-poplu magħżul tiegħu fost il-ġnus tad-dinja sabiex ibierek lil dawk il-ġnus” (Guide to the Scriptures, “Israel,” scriptures.ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll Ġakobb 5:1-8, 20).

  12. Russell M. Nelson, “The Future of the Church: Preparing the World for the Savior’s Second Coming,” Liahona, Apr. 2020, 9.