Konferenza Ġenerali
L-Iben il-Ħali u t-Triq li Twassalna d-Dar
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


L-Iben il-Ħali u t-Triq li Twassalna d-Dar

Minkejja li ċerti għażliet jafu begħdukom mis-Salvatur u l-Knisja tiegħu, il-Fejjieq Prim jinsab wieqaf fit-triq li jwassalkom lura d-dar, u lest biex jilqagħkom.

Kien Hemm Raġel li Kellu Żewġ Ulied

XI wħud isejħulha l-akbar storja qasira li qatt ġie rrakkontata.1 Peress li ġiet tradotta f’eluf ta’ lingwi madwar id-dinja, hi ħaġa possibbli li f’dawn l-aħħar elfejn sena x-xemx qatt niżlet mingħajr ma xi ħadd għamel referenza għall-istorja xi mkien fid-dinja.

Din l-istorja ġiet irrakkontata minn Ġesù Kristu,is-Salvatur u l-Feddej tagħna, li ġie fid-dinja biex “ifittex u jsalva l-mitluf.”2 Hu jibda b’dan il-kliem sempliċi: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.”3

Minnufih nindunaw li kien hemm xi kunflitt li wassal għal qsim il-qalb. Wieħed mill-ulied4 jgħid lil missieru li ma jridx ibqa’ jgħix aktar id-dar. Irid il-ħelsien tiegħu. Irid iħalli warajh il-kultura u t-tagħlim tal-ġenituri tiegħu. Hu jitlob li jingħata sehmu fejn jidħol il-wirt—issa.5

Tistgħu timmaġinaw x’ħass il-missier meta sema’ dan? Meta nduna li l-aktar ħaġa li ried ibnu aktar minn kull ħaġa oħra kienet li jitlaq mill-familja u forsi qatt ma jerġa’ lura?

L-Avventura l-Kbira

Jista’ jkun li ibnu ħass fih ċertu sens ta’ avventura u eċċitament. Fl-aħħar, kien jinsab ħieles. Ħieles mill-prinċipji u r-regoli tal-kultura ta’ żogħżitu, hu finalment seta’ jagħmel li jrid mingħajr l-influwenza tal-ġenituri tiegħu. Daqshekk kien se jħoss fih rimors. Huwa seta’ jgawdi l-aċċettazzjoni ta’ komunità li taħsibha bħalu u jgħix il-ħajja kif ried hu.

Meta huwa wasal f’pajjiż imbiegħed, ma damx ma għamel ħbieb ġodda u beda jgħix il-ħajja li dejjem ħolom li jgħix. Hu probabbilment kien il-favorit ta’ ħafna, għax kien qed jonfoq flus bl-għama. Il-ħbieb il-ġodda tiegħu—benefiċjarji tal-ħela tiegħu—ma kenux jiġġudikawh. Huma kienu jiċċelebraw, ifaħħru, u jikkumplimentaw l-għażliet tiegħu.6

Kieku dak iż-żmien kien hemm il-midja soċjali, żgur li kien jimla l-paġni b’ritratti animati ta’ ħbieb ifaqqgħu d-daħq: #Ngħix-l-aħjar-żmien-ta-ħajti! #Qatt-ma-kont-daqshekk-ferħan! #Missni-ili-li-għamilt-dan!

Il-Ġuħ

Iżda l-festa ma damitx wisq—rari ddum ħafna. Seħħew żewġ affarijiet: l-ewwel, huwa spiċċawlu l-flus, u t-tieni, waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż.7

Hekk kif il-problemi bdew jiggravaw, huwa beda jitħawwad. Dak li darba kien jixxala bla rażan issa bilkemm kien jaffordja jiekol ikla waħda, u aktar u aktar post fejn joqgħod. Kif seta’ jkompli għaddej hekk?

Hu kien mill-aktar ġeneruż lejn sħabu—issa huma kienu se jgħinuh? Nista’ nimmaġinah jitlobhom jgħinuh ftit—b’mod temporanju—sakemm jerġa’ jqum fuq saqajh.

L-iskrittura tgħidilna, “Ħadd ma kien jagħtih.”8

F’att iddisprat biex jibqa’ jgħix, huwa sab bidwi mil-lokal li ħaddmu miegħu jitma’ l-ħnieżer.9

Issa li spiċċa b’ġuħ kbir fuqu, abbandunat, u waħdu, mhemmx dubju li dan il-ġuvni beda jistaqsi lilu nnifsu kif l-affarijiet kienu marru daqshekk ħażin.

Hu ma bediex jinkwieta biss għax kellu l-istonku vojt. Huwa kellu ruħu vojta. Hu qabel kien jinsab ċert li jekk huwa jagħtiha għall-pjaċiri tad-dinja kien se jkun kuntent, li l-liġijiet morali kienu ostakli għall-kuntentizza. Issa sar jaf aħjar. U xi prezz kellu jħallas biex kiseb dan l-għarfien!10

Hekk kif il-ġuħ fiżiku u spiritwali kompla jikber, ħsibijietu daru fuq missieru. Tgħid kien lest li jgħinu wara dak kollu li għamel? Anke l-aktar qaddejja umli fost il-qaddejja kollha ta’ missieru kellhom x’jieklu u kellhom saqaf fejn jistkennu waqt il-maltemp

Iżda tgħid imur lura għand missieru?

Qatt.

Ikollu jistqarr man-nies ta’ raħlu li kien berbaq wirtu?

Impossibbli.

Ikollu jiffaċċja lill-ġirien li bla dubju widdbuh li huwa kien qiegħed jiddisprezza lil familtu u jaqsam qalb il-ġenituri tiegħu? Jerġa’ lura għand sħabu ta’ qabel wara li tgħidx kemm kien ftaħar li issa kien se jkun ħieles?

Ma jistax iniżżilha.

Iżda l-ġuħ, is-solitudni, u r-rimors sempliċiment ma setgħux iħalluh bi kwietu—sakemm “ġie f’sensih.”11

Hu kien jaf jaf x’ kellu jagħmel.

Ir-Ritorn

Issa ejja mmoru lura għand il-missier, l-imgħallem tad-dar, li kellu qalbu maqsuma. Kemm kien għadda mijiet, forsi anke eluf ta’ sigħat jinkwieta dwar ibnu?

Kemm-il darba spiċċa jħares lejn l-istess triq li kien telaq minnha ibnu u jerġa’ jgħix mill-ġdid dik it-telfa penetranti li huwa ħass meta ibnu telaq mid-dar? Kemm-il talba huwa offra fil-ħemda tal-lejl, jitlob lil Alla biex ibnu jżomm ’il bogħod mill-periklu, u biex huwa jiskopri l-verità ħalli jkun jista’ jerġa’ lura?

U mbagħad jum fost l-oħrajn, il-missier tefa’ ħarstu lejn dik it-triq vojta—it-triq li twassal għad-dar—u mill-bogħod seta’ jara figura ta’ bniedem riesqa lejh.

Possibbli?

Minkejja li l-individwu kien għadu ’l bogħod mhux ħażin, il-missier mill-ewwel intebaħ li kien ibnu.

Huwa jitlaq jiġri lejh, iħaddnu miegħu, u jibda jbusu.12

“Missier,” għajjat it-tifel, bi kliem li probabbilment kien qalu elf darba qabel, “jiena dnibt kontra s-smewwiet kif ukoll kontrik. Jien m’għadnix aktar denn li nissejjaħ ibnek. Kulma nitlob mingħandek hu li żżommni miegħek bħala wieħed mil-lavranti tiegħek.”13

Iżda l-missier bilkemm iħallih jispiċċa s-sentenza. Bid-dmugħ f’għajnejh, huwa jordna lill-qaddejja tiegħu: “Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu. Libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh. Ejjew nagħmlu festa ħa niċċelebraw. Ibni reġa’ lura!”14

Iċ-Ċelebrazzjoni

Fl-uffiċċju tiegħi għandi mdendla pittura tal-artist Ġermaniż Richard Burde. Lili u lil Harriet vera togħġobna din il-pittura. Turi xena mill-aktar ħelwa mill-parabbola tas-Salvatur minn perspettiva mill-aktar profonda.

Immaġni
Ir-Ritorn tal-Iben il-Ħali, minn Richard Burde.

Filwaqt li kważi kulħadd jinsab ferħan se jtir bir-ritorn tal-iben, hemm xi ħadd li mhuwiex—ħuh il-kbir.15

Huwa jinsab iġorr ċerta tagħbija emozzjonali.

Huwa kien preżenti meta ħuh talab li jieħu l-wirt tiegħu. Huwa ra b’għajnejh x’niket kbir kellu jġorr fuqu missieru.

Sa minn meta ħuh telaq, huwa pprova jtaffi xi ftit it-toqol ta’ missieru. Kuljum, huwa ħadem qatigħ biex jirrestawra l-qalb maqsuma ta’ missieru.

U issa dan it-tifel mill-aktar imprudenti reġa’ lura, u n-nies ma waqfux jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ħuh ir-ribelluż.

“Dawn is-snin kollha,” huwa jgħid lil missieru, “qatt ma rrifjutajt li nagħmel xi ħaġa li tlabtni. Madankollu f’dak iż-żmien kollu, qatt ma ċċelebrajt minħabba fija.”16

Il-missier kollu mħabba wieġeb, “Għażiż ibni, kulma għandi huwa tiegħek! Li għamilt m’għandu x’jaqsam xejn ma’ xi premju jew ċelebrazzjoni. Għandu x’jaqsam mal-fejqan. Dan huwa l-mument li ilna nittamaw għalih dawn is-snin kollha. Ħuk kien mejjet u raġa’ qam! Kien mitluf iżda issa nstab!”17

Parabbola għal Żmienna

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, bħall-parabboli kollha tas-Salvatur, din mhijiex sempliċiment dwar nies li għexu żmien twil ilu. Din hi dwari u dwarkom, illum.

Min fostna ma ħariġx ’il barra mit-triq tal-qdusija, u bla ma naqbdu u naħsbu li nistgħu nsibu aktar kuntentizza jekk nagħmlu dak li rridu?

Min fostna ma ħassux umiljat, b’qalbu maqsuma, u ddisprat għall-maħfra u l-ħniena?

Jista’ jkun li xi wħud jafu jistaqsu, “Huwa possibbli li nerġa’ mmur lura? Jien se nibqa’ dejjem bit-tikketta miegħi, u mwarrab mill-ħbieb li kelli qabel? Tgħid aħjar jekk nibqa’ mitluf? Kif se jirreaġixxi Alla jekk nipprova mmur lura?”

F’din il-parabbola nsibu t-tweġiba.

Missierna fis-Smewwiet jiġi jiġri fuqna, b’qalbu mimlija mħabba u kompassjoni. Huwa jħaddanna miegħu; ixiddilna fuqna l-isbaħ libsa, ilibbsilna ċurkett f’subgħajna u s-sandli f’riġlejna; u jiddikjara, “Illum se nagħmlu festa! Għax ibni, li kien mejjet, raġa’ qam!”

Is-smewwiet jithennew bi-ritorn tagħna.

Ferħ Glorjuż, li Ma Jistax Jitfisser

Tippermettuli li għal mument inkellimkom individwalment?

Irrispettivament x’ġara f’ħajjitkom, jiena se ntenni u niddikjara l-kliem tal-għażiż ħabib u kollega tiegħi, l-Appostlu Jeffrey R. Holland: “Żgur li ma jistax ikun li tinsab ġo wied li tant hu fond li ma jistax jintlaħaq mid-dawl tas-sagrifiċċju espjatorju ta’ Kristu.”18

Minkejja li ċerti għażliet jafu begħdukom mis-Salvatur u l-Knisja tiegħu, il-Fejjieq Prim jinsab wieqaf fit-triq li twassalkom lura d-dar, u lest biex jilqagħkom. U aħna bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu infittxu li nimxu wara l-eżempju tiegħu u nħaddnukom magħna bħala ħutna, bħala l-ħbieb tagħna. Aħna nifirħu u niċċelebraw magħkom.

Ir-ritorn tagħkom ma jnaqqasx il-barkiet ta’ ħaddieħor. Għax l-abbundanza tal-Missier hija infinita, u dak li jagħti lil wieħed ma jnaqqas xejn dak li hu bi dritt ta’ ħaddieħor.19

Jien mhux se nippretendi li r-ritorn huwa xi ħaġa faċli. Jien nista’ nixhed dwar dan. Fil-fatt dan jaf ikun l-aktar għażla diffiċli li qatt tistgħu tagħmlu.

Iżda jien nagħti x-xhieda tiegħi li l-mument li intom tiddeċiedu li terġgħu lura u timxu fit-triq tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, il-qawwa tiegħu tidħol f’ħajjitkom u tittrasformaha.20

L-anġli fis-smewwiet jibdew jifirħu.

U l-istess aħna, il-familja tagħkom fi Kristu. Wara kollox, aħna nafu x’jiġifieri li tkun ħali. Aħna lkoll niddependu ta’ kuljum fuq l-istess qawwa espjatorja ta’ Kristu. Aħna din it-triq nafuha, u lesti nimxu magħkom.

Le, it-triq tagħna mhux se tkun ħielsa mid-diqa, mid-dulur, jew min-niket. Iżda aħna wasalna s’hawn “permezz ta’ kliem Kristu b’ fidi soda fih, filwaqt li niddependu kompletament fuq il-merti ta’ dak li għandu s-setgħa li jsalva.” U flimkien aħna “nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu, b’tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha.”21 Flimkien aħna “nifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser,”22 għax Ġesù Kristu huwa l-qawwa tagħna!23

Hija t-talba tiegħi li kull wieħed u waħda minna nisimgħu, f’din il-parabbola profonda, leħen il-Missier isejħilna biex nidħlu fit-triq li twassalna lura d-dar—biex ikollna l-kuraġġ li nindmu, nirċievu l-maħfra, u nimxu fit-triq li twassalna lura għal Alla tagħna, mimli kompassjoni u ħniena. Ta’ dan jiena nixhed u nagħtikom il-barka tiegħi f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Tinsab f’ Luqa 15, il-parabbola hija waħda minn tlieta (in-nagħġa l-mitlufa, il-munita l-mitlufa, u l-iben il-mitluf) li turina l-valur ta’ ħwejjeġ mitlufin u ċ-ċelebrazzjoni li jkun hemm meta dak li jkun mitluf jinstab.

  2. Luqa 19:10.

  3. Luqa 15:11.

  4. Dan l-iben kien probabbilment għadu żgħir. Huwa ma kienx miżżewweġ, li jista’ jkun indikazzjoni taż-żgħożija tiegħu, iżda mhux daqshekk żgħir li ma setax jitlob il-wirt tiegħu u jitlaq mid-dar ladarba jikseb dak il-wirt.

  5. Skont il-liġi u t-tradizzjoni Lhudija, l-akbar wieħed fost iż-żewġ aħwa kien intitolat għal żewġ terzi tal-wirt ta’ missieru. L-iben iż-żgħir, għalhekk, kien intitolat għal terz. (Ara Dewteronomju 21:17.)

  6. Ara Luqa 15:13.

  7. Ara Luqa 15:14.

  8. Luqa 15:16.

  9. Għal-Lhud, il-ħnieżer kienu kkunsidrati “xi ħaġa maħmuġa” (ara Dewteronomju 14:8) u xi ħaġa offensiva. Il-Lhud prattikanti ma kenux se jrabbu l-ħnieżer, li jindika li sid id-dar kien raġel Ġentil. Dan jissuġġerixxi wkoll kemm telaq ’il bogħod ibnu ż-żgħir biex jitbiegħed mil-Lhud prattikanti.

  10. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem: “M’hemmx dubju, ikun aħjar jekk numiljaw ruħna ‘minħabba l-kelma’ milli numiljaw ruħna minħabba ċ-ċirkustanzi, madankollu tal-aħħar hija suffiċjenti! (ara Alma 32:13–14). Il-ġuħ jaf iwassal għal ġuħ spiritwali” (“The Tugs and Pulls of the World,” Liahona, Jan. 2001, 45).

  11. Luqa 15:17.

  12. Ara Luqa 15:20.

  13. Ara Luqa 15:18–19, 21.

  14. Ara Luqa 15:22–24.

  15. Ftakru, li l-iben iż-żgħir kien diġà rċieva wirtu. Għall-iben il-kbir, dan kien ifisser li l-bqija kien kollox tiegħu. Kulma kien se jingħata lit-tifel iż-żgħir kien se jittieħed minn tat-tifel il-kbir.

  16. Ara Luqa 15:29.

  17. Ara Luqa 15:31–32.

  18. Jeffrey R. Holland, “The Laborers in the Vineyard,” Liahona, Mejju 2012, 33.

  19. Dak li jingħata lil wieħed ma jnaqqasx minn dak li bi dritt hu ta’ ħaddieħor. Is-Salvatur għallem din id-duttrina meta Huwa ppreżenta l-parabbola tal-ħaddiema f’ Mattew 20:1–16.

  20. Ara Alma 34:31.

  21. 2 Nefi 31:19–20.

  22. 1 Pietru 1:8.

  23. Ara Salm 28:7.