Konferenza Ġenerali
Kunu Dixxipli ta’ Kristu li Tħobbu l-Paċi
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Kunu Dixxipli ta’ Kristu li Tħobbu l-Paċi

Nixhed li “d-dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi” sejrin isibu l-paċi personali f’din il-ħajja u riunjoni glorjuża fis-smewwiet.

Qed ngħixu fi żmien meta “dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi”1 jesperjenzaw sfidi uniċi. Dawk li jemmnu f’Ġesù Kristu, iqimuh b’umiltà, u jixhdu dwaru, minn dejjem esperjenzaw sfidi, tbatija, u avversità.2 Jien u marti, Mary, m’aħniex differenti. F’dawn l-aħħar snin, rajna ħafna mill-ħbieb tal-qalb tagħna minn żmien l-iskola sekondarja, minn sħabna missjunarji, xi wħud min-nisa prezzjużi tagħhom, u minn dawk li kienu kollegi tagħna fuq ix-xogħol jgħaddu għal ħajja oħra, jew, kif qal il-President Russell M. Nelson, jiggradwaw għan-naħa l-oħra tal-velu. Rajna xi wħud li trabbew fil-fidi u r-reliġjon joħorġu mit-triq tal-patt.

Sfortunatament, aħna tlifna neputi ta’ 23 sena li miet f’aċċident traġiku bil-karozza. Ċerti ħbieb, membri tal-familja, u kollegi għeżież ukoll għaddew minn bosta sfidi sinifikanti ta’ saħħa.

Kull meta tfeġġ xi sfida, aħna nibku flimkien u nippruvaw inġorru t-tagħbija ta’ xulxin.3 Aħna nitnikktu għal ħwejjeġ li jispiċċaw qatt ma jitwettqu u għal għanjiet li ħadd qatt ma jgħanni.4 Ħwejjeġ ħżiena jiġru lil nies twajbin f’dan il-vjaġġ mortali. In-nirien devastanti ġewwa Maui, fil-Ħawaii, fin-nofsinhar taċ-Ċili, u fil-Kanada huma eżempji ta’ avvenimenti tal-biża’ li nies twajbin xi kultant jiffaċċjaw.

Naqraw fil-Ġawhra li Tiswa Ħafna li l-Mulej żvela lil Abraham in-natura eterna tal-ispirti. Abraham tgħallem dwar il-ħajja qabel ġejna fid-dinja, il-preordinazzjoni, il-Ħolqien, l-għażla ta’ Feddej, u din il-ħajja mortali, li hija t-tieni stat tal-bniedem.5 Il-Feddej iddikjara:

“Ejja nagħmlu dinja li fiha jistgħu jgħammru;

“U nagħtuhom prova b’dan il-mod, ħalli naraw jekk jagħmlux dak kollu li jitlobhom jagħmlu l-Mulej Alla tagħhom.”6

Issa lkoll kemm aħna ninsabu hawn fit-tieni stat tal-vjaġġ tagħna fil-mixja tagħna lejn is-saltna ta’ glorja bħala parti mill-pjan il-kbir tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ta’ Alla. Aħna mberkin bil-volontà u suġġett għall-isfidi tal-mortalità. Dan huwa ż-żmien magħżul għalina biex nitħejjew ħalli niltaqgħu ma’ Alla.7 Aħna mberkin li nafu b’Ġesù Kristu u l-irwol tiegħu fil-pjan. Aħna għandna l-privileġġ li nsiru membri tal-Knisja rrestawrata tiegħu—Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Bħala dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi, aħna nagħmlu li nistgħu biex ngħixu l-kmandamenti tiegħu. Qatt ma kienet faċli għad-dixxipli tiegħu. U lanqas ma kienet faċli għas-Salvatur li b’fedeltà jwettaq il-missjoni mortali tiegħu.

L-iskrittura hija ċara: ħafna huma li jċedu għall-atteġġjament ta’ “kul, ixrob, u xxala, għax għada se mmutu”.8 Nies oħra li ma jemmnux jingħaqdu ma’ xi grupp ta’ parteċipanti li jaħsbuha bħalhom li jitkellmu favur “il-ħaġa l-ġdida” li jmiss9 u l-filosofiji tal-bnedmin.10 Huma ma jafux fejn għandhom isibu l-verità.11

Id-dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi ma jimxu wara l-ebda waħda minnhom. Aħna nies minn tagħna, membri tal-komunitajiet fejn noqogħdu li ninvolvu ruħna fihom. Aħna nħobbu, u nistiednu lil ulied Alla kollha biex jimxu wara t-tagħlim ta’ Kristu.12 Aħna nimxu wara l-parir tal-maħbub profeta tagħna, il-President Nelson: aħna nagħżlu l-irwol ta’ “nies li nġibu l-paċi, issa u dejjem.”13 Dan l-atteġġjament ispirat huwa konsistenti kemm mal-iskrittura kif ukoll mad-direzzjoni profetika.

Fl-1829 il-Knisja rrestawrata kienet għadha ma ġietx organizzata, u l-Ktieb ta’ Mormon kien għadu ma ġiex ippubblikat. Grupp żgħir ta’ nies li kienu għaddejjin minn żmien diffiċli, immexxija mill-Ispirtu ta’ Alla, imxew waa l-Profeta Joseph Smith. Il-Mulej żvela lil Joseph il-parir tiegħu għal żminijiet diffiċli: “Tibżgħux, merħla ċkejkna; ħallu lid-dinja u l-infern jingħaqdu t-tnejn kontrikom, għaliex jekk intom tkunu mibnija fuq il-blata tiegħi, huma ma jegħlbukomx.”14 Huwa tahom ukoll dan il-parir:

“Ħares lejja f’kull ħsieb; tiddubitax, tibżax.

“… Ibqa’ fidil, żomm il-kmandamenti tiegħi, u inti għandek tiret is-saltna tas-smewwiet.”15

Huwa ċar, id-destin divin tagħna ma jinbidilx meta aħna niffaċċjaw l-avversità. Fil-Lhud, aħna ġejna mogħtija l-parir biex “nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.”16 Ġesù Kristu huwa “l-awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem.”17

Jogħġobni l-kliem ta’ Mormon, kif ikkwotat minn ibnu Moroni, li jfaħħar lil “dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi … minħabba li mxejtu b’mod paċifiku ma’ wlied il-bnedmin.”18

Għal dawk fostna fil-Knisja li qed nagħmlu li nistgħu biex inkunu dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi, hemm jum isbaħ li qed jistenniena hekk kif aħna niffokaw fuq il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. L-isfidi huma parti mill-mortalità u jseħħu fil-ħajja ta’ kulħadd madwar id-dinja. Dawn jinkludu kunflitti ewlenin bejn il-pajjiżi u l-individwi.

Il-mexxejja tal-Knisja ta’ spiss jiġu mistoqsijin, “Għalfejn Alla jippermetti li jiġru affarijiet ħżiena, speċjalment lil nies twajbin?” u “Għalfejn dawk li huma twajbin u qed jaqdu lill-Mulej mhumiex eżentati minn traġedji bħal dawn?”

Ma nafux kull tweġiba; madankollu, nafu prinċipji importanti li jgħinuna niffaċċjaw l-isfidi, l-hemm, u l-avversità b’fidi u kunfidenza f’futur isbaħ li hemm jistenna lil kull wieħed u waħda minna. Ma jeżisti l-ebda eżempju fl-iskrittura fejn jidħol li wieħed jgħaddi mill-hemm mill-kelma tal-Mulej lil Joseph Smith, il-Profeta, waqt li kien priġunier fiċ-Ċella ta’ Liberty.

F’parti minnu l-Mulej iddikjara:

“Jekk l-istess xedaq tal-infern jiftaħ kemm jiflaħ ħalqu għalik, kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek.

“Bin il-Bniedem ġie umiljat aktar minn kulħadd. Inti akbar minnu?

“… Tibżax x’ jista’ jagħmillek il-bniedem, għaliex Alla se jkun miegħek għal dejjem ta’ dejjem.”19

Hi ħaġa ċara li aħna għandna Missier fis-Smewwiet li jafna u jħobbna personalment u jifhem perfettament it-tbatija tagħna. Ibnu, Ġesù Kristu, huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna.

Il-President Russell M. Nelson u l-President M. Russell Ballard it-tnejn enfasizzaw b’qawwa s-sinifikat tat-tieni edizzjoni ġdida ta’ Preach My Gospel.20 Jien nħoss l-istess entużjażmu tagħhom. Din l-edizzjoni l-ġdida, li tamplifika l-iskrittura sagra, tiddikjara b’qawwa:

“Fis-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, Ġesù Kristu ħa l-uġigħ, l-hemm u s-sofferenza tagħna. Minħabba f’hekk, Huwa jaf ‘skont il-ġisem kif jista’ jgħin lill-poplu tiegħu skont id-dgħufijiet tagħhom’ (Alma 7:12; ara wkoll vers 11). Huwa jistedinna, ‘Ejjew għandi’ u kif nagħmlu dan, Huwa jagħtina l-mistrieħ, it-tama, il-qawwa, il-perspettiva, u l-fejqan (Mattew 11:28; ara wkoll versi 29–30).

“Hekk kif nafdaw f’Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, Huwa jkun jista’ jgħinna biex nibqgħu sodi qalb l-isfidi, il-mard u l-uġigħ kollu tagħna. Aħna nistgħu nkunu verament mimlijin hena, paċi u konsolazzjoni. Dak kollu li hu inġust f’din il-ħajja jista’ jiġi rranġat permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.”21

Aħna nistgħu b’mod hieni nkunu dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi.

Il-pjan ta’ ferħ li Missierna għandu għal uliedu jinkludi mhux biss il-ħajja primortali u mortali iżda wkoll potenzjal għall-ħajja ta’ dejjem, li tinkludi r-riunjoni kbira u glorjuża ma’ dawk li aħna tlifna. Il-ħażin kollu jiġi rranġat, u aħna nibdew naraw b’ċarezza perfetta u minn perspettiva u għarfien bla ebda difett.

Il-mexxejja tal-Knisja qabblu din il-perspettiva ma’ xi ħadd li jidħol f’nofs dramm ta’ tlett atti.22 Dawk mingħajr l-għarfien tal-pjan tal-Missier ma jifhmux xi jkun ġara fl-ewwel att (jew fl-eżistenza primortali) u l-għanijiet stabbiliti hemmhekk; lanqas ma jifhmu b’mod ċar u riżolut dak li jiġri fit-tielet att, li huwa t-twettiq glorjuż tal-pjan tal-Missier.

Ħafna ma japprezzawx li skont il-pjan komprensiv kollu mħabba tiegħu, dawk li jidhru li huma żvantaġġjati, mingħajr mhu tort tagħhom, ultimament mhux se jibqgħu żvantaġġjati.23

L-iskrittura hi ċara: id-dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi li huma twajbin, jimxu wara s-Salvatur, u jħarsu l-kmandamenti tiegħu se jkunu mberkin. Waħda mill-aktar skrittura importanti għal dawk li huma twajbin, minkejja s-sitwazzjoni tagħhom fil-ħajja, hija parti mid-diskors tas-Sultan Benjamin lin-nies tiegħu. Huwa jwiegħed li dawk li b’fedeltà jħarsu l-kmandamenti jiġu mberkin f’kollox f’din il-ħajja u “jintlaqgħu fis-smewwiet … [u] jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ hena bla tmiem.”24

Aħna nagħrfu li kważi lkoll kemm aħna esperjenzajna ċertu maltemp fiżiku u spiritwali f’ħajjitna, kultant anke b’mod devastanti. Missier fis-Smewwiet kollu mħabba u Ibnu, Ġesù Kristu, li huwa l-kap tal-Knisja rrestawrata tiegħu, ipprovdewlna l-iskrittura u l-profeti biex iħejjuna, u jwissuna dwar il-periklu, u jagħtuna gwida biex tħejjina u tipproteġina. Ċerta direzzjoni teħtieġ azzjoni immedjata, u oħrajn jipprovdulna protezzjoni għal bosta snin fil-futur. Id-daħla tal-Mulej għad-Duttrina u Patti, sezzjoni 1, twiddibna biex “nagħtu widen għal kliem il-profeti.”25

Sezzjoni 1 twissina wkoll, “Tħejjew, tħejjew, għal dak li għandu jiġi.”26 Il-Mulej jipprovdi lin-nies tiegħu ċ-ċans biex huma jitħejjew għall-isfidi li huma jiffaċċjaw.

Il-Mulej ta din ir-rivelazzjoni qawwija lill-President Brigham Young fl-14 ta’ Jannar, 1847, ġewwa Winter Quarters.27 Din ir-rivelazzjoni hija eżempju klassiku tal-Mulej qed iħejji lin-nies għal dak li għandu jiġi. Il-Qaddisin fidili kienu bdew l-eżodu tagħhom lejn is-santwarju fil-muntanja ġewwa l-Wied ta’ Salt Lake. Huma kienu bnew b’suċċess it-Tempju ta’ Nauvoo u rċevew ordinanzi tas-salvazzjoni sagri. Huma kienu ġew imkeċċijin minn Missouri, u l-persekuturi tagħhom kienu keċċewhom minn Nauvoo fi staġun tax-xitwa mill-aktar terribbli. Ir-rivelazzjoni lil Brigham kienet parir prattiku kif kellhom jitħejjew għall-eżodu. Il-Mulej għamel enfażi speċjali fuq li jieħdu ħsieb il-foqra, ir-romol, l-orfni u l-familji ta’ dawk li kienu qed iservu fit-Battaljun Mormon hekk kif il-grupp ewlieni ta’ Qaddisin komplew bil-vjaġġ perikoluż tagħhom.

Minbarra li pprovda parir l-ieħor biex jgħixu ħajja tajba, il-Mulej enfasizza żewġ prinċipji li jibqgu ikunu applikabbli llum.

L-ewwel, Huwa ħeġġiġhom biex “ifaħħru lill-Mulej permezz tal-kant, u l-mużika, u ż-żfin, u t-talb ta’ tifħir u radd il-ħajr.”28

It-tieni, il-Mulej tahom il-parir li jekk huma jkunu “mnikktin, isejħu lill-Mulej Alla tagħkom bil-ħniena, ħalli ruħkom tithenna.”29

Dawn iż-żewġ twissijiet huma parir importanti għal żmienna. Ħajja li tkun mimlija tifħir, mużika, u radd il-ħajr hija waħda unikament imbierka. Li tkun hieni u li tiddependi mill-għajnuna divina permezz tat-talb huwa mod qawwi kif tkunu dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi. Li taraw li dejjem tagħmlu l-qalb jgħinkom biex ma taqtgħux qalbkom.

L-aħħar linja ta’ għanja perċettiva turina l-aqwa tweġiba b’mod mill-isbaħ: “Fid-dinja m’hemm l-ebda niket li s-smewwiet ma tistax tfejjaq.”30

Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, jiena nixhed li “d-dixxipli ta’ Kristu li jħobbu l-paċi” sejrin isibu l-paċi personali f’din il-ħajja u riunjoni glorjuża fis-smewwiet. Jiena naqsam ix-xhieda ċerta tiegħi dwar id-divinità tas-Salvatur u r-realtà tal-Espjazzjoni tiegħu. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. F’isem Ġesù Kristu, ammen.