Skrittura
Ħelaman 11


Kapitlu 11

Nefi jipperswadi lill‑Mulej biex jibdel il‑gwerra tagħhom f’ġuħ—Bosta nies jispiċċaw mejta—Huma jindmu, u Nefi jitlob b’ħerqa lill‑Mulej għax‑xita—Nefi u Leħi jirċievu bosta rivelazzjonijiet—Il‑ħallelin Gadjantuni jaħkmu l‑art f’idejhom. Madwar 20–6 Q.K.

1 U issa ġara li fis‑sena tnejn u sebgħin tas‑saltna tal‑imħallfin it‑tilwim kompla jikber, hekk li kien hemm għadd ta’ gwerer madwar il‑pajjiż kollu fost il‑poplu kollu ta’ Nefi.

2 U kienet sewwasew din it‑tajfa sigrieta ta’ ħallelin li mexxiet dawn l‑għemejjel tal‑qerda u ħażen. U din il‑gwerra baqgħet sejra tul dik is‑sena kollha; u baqgħet għaddejja wkoll fis‑sena tlieta u sebgħin.

3 U ġara li f’din is‑sena Nefi sejjaħ lill‑Mulej u qallu:

4 O Mulej, la tħallix li dan il‑poplu jinqered permezz tax‑xabla; iżda O Mulej, nitolbok biex tibgħat minflok il‑ġuħ fil‑pajjiż, biex dan iqanqalhom b’tali mod li huma jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom, u forsi jindmu u jduru lejk.

5 U kollox seħħ skont kliem Nefi. U waqa’ ġuħ kbir fuq l‑art, fost il‑poplu kollu ta’ Nefi. U b’hekk fis‑sena erbgħa u sebgħin il‑ġuħ kompla jippersisti, u ġew fi tmiemhom l‑għemejjel tal‑qerda permezz tax‑xabla iżda nbidlu fi tbatija kbira minħabba l‑ġuħ.

6 U dawn l‑għemejjel tal‑qerda komplew ukoll fis‑sena ħamsa u sebgħin. Għax l‑art intlaqtet minn nixfa kbira, u ma bdietx tipproduċi qamħ fi żmien il‑qamħ; u l‑art kollha ġiet milquta, kemm fost il‑Lamaniti kif ukoll fost in‑Nefiti, hekk li huma ntlaqtu b’tali mod li kienu eluf fosthom li spiċċaw inqerdu f’dawk l‑inħawi tal‑pajjiż fejn kien hemm l‑aktar ħażen.

7 U ġara li n‑nies raw li kienu għoddhom se jmutu bil‑ġuħ, u huma bdew jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom; u bdew jiftakru kliem Nefi.

8 U n‑nies bdew jitolbu b’ħerqa lill‑prim imħallfin u lill‑mexxejja tagħhom, biex lil Nefi jgħidulu: Ara, aħna nafu li inti bniedem ta’ Alla, u għalhekk nitolbuk titlob lill‑Mulej Alla tagħna biex huwa jraġġa’ lura minna dan il‑ġuħ, ma jmurx il‑kliem kollu li inti għedt dwar il‑qerda tagħna jiġi fis‑seħħ.

9 U ġara li l‑imħallfin qalu lil Nefi x’kienet ix‑xewqa tan‑nies. U ġara li meta Nefi ra li n‑nies kienu nidmu u kienu umiljaw ruħhom, u libsu l‑ilbies tal‑ixkejjer, huwa reġa’ sejjaħ lill‑Mulej u qallu:

10 O Mulej, nitolbok tħares lejn dan il‑poplu u tara li huma nidmu; u huma keċċew minn fosthom it‑tajfa ta’ Gadjantun hekk li dawn saru estinti, u spiċċaw ħbew il‑pjanijiet sigrieti tagħhom fl‑art.

11 Issa, O Mulej, minħabba li huma umiljaw ruħhom nitolbok biex traġġa’ lura l‑għadab tiegħek, u biex tissodisfa l‑għadab tiegħek fil‑qerda ta’ dawk in‑nies ħżiena li inti diġà wassalt għall‑qerda tagħhom.

12 O Mulej, nitolbok traġġa’ lura l‑għadab tiegħek, iva, il‑qilla tal‑għadab tiegħek, u twaqqaf dan il‑ġuħ li hawn f’din l‑art.

13 O Mulej, nitolbok tismagħni, u twassal biex iseħħ skont kliemi, u tibgħat ix‑xita fuq wiċċ l‑art, biex hija tipproduċi l‑frott tagħha, u l‑qamħ tagħha fi żmien il‑qamħ.

14 O Mulej, inti smajt kliemi meta jien għidt, nitolbok biex tibgħat il‑ġuħ, ħalli tkun tista’ tiġi fi tmiemha l‑pesta tax‑xabla; u jiena naf li inti, anke f’dan il‑mument, sejjer tisma’ kliemi, għax inti għidt li: jekk dan il‑poplu jindem jiena nħenn għalihom.

15 Iva, O Mulej, u inti tista’ tara li huma nidmu, minħabba l‑ġuħ u l‑pesta u l‑qerda li laqtuhom.

16 U issa, O Mulej, nitolbok traġġa’ lura l‑għadab tiegħek, u għal darb’oħra ara jekk humiex lesti li jservuk? U jekk hu hekk, O Mulej, lilhom inti tista’ tbierek skont kliemek.

17 U ġara li fis‑sena sitta u sebgħin il‑Mulej raġġa’ lura mill‑poplu l‑għadab tiegħu, u wassal biex tinżel ix‑xita fuq l‑art, hekk li hija pproduċiet frottha fi żmien frottha. U ġara li hija pproduċiet qamħha fi żmien qamħha.

18 U araw, il‑poplu thenna u ta glorja lil Alla, u kien hemm hena kbira fuq wiċċ l‑art kollha; u huma ma ppruvawx aktar jeqirdu lil Nefi, iżda bdew iqisuh bħala profeta kbir, u bniedem ta’ Alla, li għandu qawwa u awtorità kbira mogħtija lilu minn Alla.

19 U araw, ħuh Leħi ma kienx anqas minnu fejn tidħol is‑sewwa.

20 U b’hekk ġara li n‑nies ta’ Nefi għal darb’oħra beda jkollkom ir‑risq fl‑art, u bdew jibnu l‑ħerbiet tagħhom, u bdew jitkattru u jinfirxu, sewwasew sakemm imlew wiċċ l‑art kollha, kemm fin‑naħa tat‑tramuntana kif ukoll fin‑naħa tan‑nofsinhar, mill‑baħar tal‑punent sal‑baħar tal‑lvant.

21 U ġara li s‑sena sitta u sebgħin intemmew fil‑paċi. U s‑sena sebgħa u sebgħin bdiet fil‑paċi; u l‑knisja nfirxet ma’ wiċċ l‑art kollha u l‑biċċa l‑kbira tan‑nies, kemm in‑Nefiti kif ukoll il‑Lamaniti, kienu jagħmlu parti mill‑knisja; u f’arthom bdiet issaltan paċi kbira; u b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sebgħa u sebgħin.

22 U huma esperjenzaw il‑paċi wkoll fis‑sena tmienja u sebgħin, għajr għal ftit tilwim li qam dwar il‑punti tad‑duttrina kif ġew stabbiliti mill‑profeti.

23 U fis‑sena disgħa u sebgħin beda jqum ħafna ġlied. Iżda ġara li Nefi u Leħi, u ħafna minn ħuthom li kienu jafu sewwa dwar il‑punti vera tad‑duttrina, peress li ta’ kuljum huma kellhom bosta rivelazzjonijiet, bdew ixandru l‑kelma lin‑nies, hekk li f’dik is‑sena stess huma ġabu fi tmiemu l‑ġlied li qam bejniethom.

24 U ġara li fis‑sena tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, kien hemm xi wħud mid‑dissidenti minn fost in‑nies ta’ Nefi, li xi snin qabel kienu marru u ngħaqdu mal‑Lamaniti, u li kienu ħadu fuqhom infushom l‑isem ta’ Lamaniti, kif ukoll xi wħud li kienu sewwasew ta’ nisel Lamanita, li kienu ġew imqanqla biex jimtlew bil‑għadab minnhom, jew aħjar minn dawk id‑dissidenti, u huma taw bidu għal gwerra ma’ ħuthom.

25 U huma bdew joqtlu u jisirqu; u mbagħad bdew jerġgħu jmorru lura fil‑muntanji, u fix‑xagħri u fil‑moħbiet tagħhom, fejn bdew jistaħbew ħalli ħadd ma jsibhom, u kuljum bdew jilqgħu fosthom aktar nies, sakemm kien għad baqa’ aktar dissidenti xi jmorru fosthom.

26 U b’hekk maż‑żmien, iva, sewwasew fi spazju ta’ ftit snin biss, huma saru tajfa ta’ ħallelin mill‑aktar kbira; u bdew ifittxu u jiskopru l‑pjanijiet sigrieti kollha ta’ Gadjantun; u b’hekk huma saru ħallelin ta’ Gadjantun.

27 Issa araw, dawn il‑ħallelin wasslu għal devastazzjoni kbira, iva, sewwasew għal qerda kbira fost il‑poplu ta’ Nefi, kif ukoll fost il‑poplu Lamanita.

28 U ġara li kien hemm bżonn li jkun hemm waqfien minn dawn l‑għemejjel ta’ qerda; għalhekk huma bagħtu armata rġiel b’saħħithom fix‑xagħri u fuq il‑muntanji biex ifittxu lil din it‑tajfa ta’ ħallelin, u jeqirduhom.

29 Iżda araw, ġara li f’dik l‑istess sena huma ġew imġiegħla jirtiraw lura lejn artijiethom. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

30 U ġara li fil‑bidu tas‑sena wieħed u tmenin huma marru jeħduha kontra din it‑tajfa ta’ ħallelin, u spiċċaw qatlu ħafna minnhom; u huma ntlaqtu wkoll minn qerda sħiħa.

31 U għal darb’oħra ġew imġiegħla jitilqu ’l barra mix‑xagħri u minn qalb il‑muntanji lejn artijiethom, minħabba l‑għadd kbir ferm ta’ ħallelin li kienu infestaw il‑muntanji u x‑xagħri.

32 U ġara li b’hekk ġiet fi tmiemha din is‑sena. U l‑ħallelin komplew jiżdiedu u jissaħħu, hekk li huma spiċċaw jisfidaw l‑armati kollha tan‑Nefiti, kif ukoll tal‑Lamaniti; u huma wasslu lin‑nies li kien hemm fuq il‑wiċċ kollu tal‑art biex jinħakmu minn biża’ liema bħalha.

33 Iva, għax huma marru f’kull naħa tal‑pajjiż, u għamlu ħerba sħiħa minnha; iva, huma qatlu bosta nies, u oħrajn ħaduhom bħala lsira fix‑xagħri, iva, b’mod speċjali lin‑nisa u lit‑tfal tagħhom.

34 Issa dan il‑ħażen kollu, li laqat lin‑nies minħabba ħżunithom, għal darb’oħra qanqalhom b’tali mod li huma reġgħu bdew jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom.

35 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u tmenin tas‑saltna tal‑imħallfin.

36 U fis‑sena tnejn u tmenin huma reġgħu bdew jinsew lill‑Mulej Alla tagħhom. U fis‑sena tlieta u tmenin huma bdew jikbru fi ħżunithom. U fis‑sena erbgħa u tmenin huma ma bidlux ħajjithom.

37 U ġara li fis‑sena ħamsa u tmenin aktar ma jmorru aktar bdew jitkabbru, u jikbru fi ħżunithom; u b’hekk huma kienu għal darb’oħra jinsabu lesti għall‑qerda.

38 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena ħamsa u tmenin.