Skrittura
Ħelaman 8


Kapitlu 8

Imħallfin korrotti jippruvaw jinċitaw lin‑nies biex iqumu kontra Nefi—Abraham, Mosè, Żenos, Żenok, Eżija, Isaija, Ġeremija, Leħi, u Nefi lkoll taw xhieda ta’ Kristu—Permezz tal‑ispirazzjoni Nefi jħabbar il‑qtil tal‑prim imħallef. Madwar 23–21 Q.K.

1 U issa ġara li meta Nefi qal dan il‑kliem, araw, kien hemm irġiel li kienu mħallfin, u li kienu jagħmlu parti wkoll mit‑tajfa sigrieta ta’ Gadjantun, u dawn kienu mimlijin korla, u bdew jeħduha kontrih u jgħidu lin‑nies: Għalfejn lil dan ir‑raġel ma taqbduhx u toħduh biex jingħata l‑kundanna skont ir‑reat li huwa wettaq?

2 Għalfejn se tibqgħu tħarsu lejn dan ir‑raġel, u tkomplu tisimgħuh iżeblah lil dan il‑poplu u l‑liġi tagħna?

3 Għax araw, Nefi beda jkellimhom dwar il‑liġi korrotta tagħhom; iva, Nefi qalilhom bosta ħwejjeġ li ma jistgħux jinkitbu; u huwa ma qal xejn li jmur kontra l‑kmandamenti ta’ Alla.

4 U dawk l‑imħallfin ħaduha kontrih għax huwa kellimhom b’mod ċar dwar l‑għemejjel sigrieti tad‑dlam; madankollu, huma m’azzardawx jerfgħu idejhom fuqu, għax beżgħu li n‑nies jispiċċaw jeħduha kontrihom.

5 Għalhekk huma daru fuq in‑nies u b’leħen għoli qalulhom: Għalfejn lil dan ir‑raġel tħalluh iżeblaħna? Għax araw, hu qed jikkundanna lil dan il‑poplu kollu, jgħidlu li sejjer jinqered; iva, kif ukoll li dawn l‑ibliet il‑kbar tagħna sejrin jittieħdu minn għandna, u li fihom mhux se jkun hemm post għalina.

6 U issa aħna nafu li din xi ħaġa impossibbli, għax araw, aħna nies setgħana, u l‑istess blietna, għalhekk l‑għedewwa tagħna ma jistgħu qatt jiksbu l‑poter fuqna.

7 U ġara li b’hekk huma bdew jipprovokaw lin‑nies biex jeħduha kontra Nefi, u bdew jinċitaw il‑ġlied fosthom; għax kien hemm xi wħud li bdew jgħidu: Ħalluh bi kwietu lil dan ir‑raġel, għax hu raġel twajjeb, u dak kollu li huwa qal żgur li se jiġi fis‑seħħ jekk aħna ma nindmux;

8 Iva, araw, fuqna se jinżlu l‑ġudizzji kollha sewwasew kif huwa xehed magħna; għax nafu li x‑xhieda kollha li huwa ta dwar ħżunitna hija kollha ġusta. U araw il‑ħażan tagħna huwa kbir, u huwa jaf ukoll dwar dak kollu li se jolqotna bħalma jaf dwar ħżunitna;

9 Iva, u araw, li kieku hu ma kienx profeta ma kienx se jixhed dwar dawk il‑ħwejjeġ.

10 U ġara li dawk in‑nies li ppruvaw jeqirdu lil Nefi ġew imġiegħla minħabba l‑biża’ tagħhom, biex ma jerfgħux idejhom fuqu; għalhekk huwa reġa’ beda jkellimhom, meta ra li kellu l‑appoġġ ta’ xi wħud minnhom, hekk li l‑bqija fosthom bdew jibżgħu.

11 Għalhekk huwa ħass li kellu jkompli jkellimhom ftit ieħor u qalilhom: Araw, ħuti, ma qrajtux intom li Alla ta l‑qawwa lil wieħed raġel, sewwasew lil Mosè, biex jagħti daqqa fuq l‑ilmijiet tal‑Baħar tal‑Qasab, u dawn inferqu, ’l hawn u ’l hemm, hekk li l‑Iżraelin, li kienu missirijietna, qasmu fuq art niexfa, u l‑ilmijiet reġgħu ngħalqu fuq l‑armati tal‑Eġizzjani u belgħuhom?

12 U issa araw, jekk lil dan ir‑raġel Alla tah daqstant qawwa, mela għalfejn qed targumentaw bejnietkom, u tgħidu li lili huwa ma tani l‑ebda qawwa li permezz tagħha jiena nista’ nkun naf dwar il‑ħaqq li se jolqotkom jekk intom ma tindmux?

13 Iżda, araw, intom mhux biss qegħdin tiċħdu kliemi, iżda intom qegħdin ukoll tiċħdu l‑kliem kollu li qalu missirijietna, kif ukoll il‑kliem li qal dan ir‑raġel, Mosè, li lilu ġiet mogħtija daqstant qawwa, iva, il‑kliem li huwa qal dwar il‑miġja tal‑Messija.

14 Iva, huwa ma xehedx li Bin Alla għandu jiġi? U hekk kif huwa rafa’ s‑serp tal‑bronż fid‑deżert, l‑istess għad jintrafa’ dak li għandu jiġi.

15 U kif dawk kollha li jħarsu lejn dak is‑serp sejrin jgħixu, l‑istess dawk kollha li jħarsu lejn Bin Alla b’fidi, u bi spirtu niedem, jistgħu jgħixu sewwasew dik il‑ħajja li tibqa’ għal dejjem.

16 U issa araw, Mosè mhux biss xehed dwar dawn il‑ħwejjeġ, iżda l‑istess għamlu l‑profeti qaddisa kollha, sewwasew minn żmienu lura sa żmien Abraham.

17 Iva, u araw, Abraham seta’ jara dwar il‑miġja tiegħu, u huwa mtela bil‑ferħ u thenna.

18 Iva, u araw jien ngħidilkom, li Abraham mhux biss kien jaf dwar dan kollu, iżda kien hemm bosta oħrajn qabel żmien Abraham li ġew imsejħin permezz tal‑ordni ta’ Alla; iva, sewwasew skont l‑ordni ta’ Ibnu; u dan sar biex in‑nies isiru jafu, ħafna eluf tas‑snin qabel il‑miġja tiegħu, li huma sewwasew setgħu jiksbu l‑fidwa.

19 U issa nixtieqkom tkunu tafu, li anke minn żmien Abraham kien hemm bosta profeti li xehdu dwar dawn il‑ħwejjeġ; iva, araw, il‑profeta Żenos xehed b’qawwa; u minħabba f’hekk huwa nqatel.

20 U araw, l‑istess Żenok, u l‑istess Eżija, u l‑istess Isaija, u Ġeremija, (Ġeremija li kien l‑istess profeta li xehed dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm) u issa nafu li Ġerusalemm ġiet meqruda skont kliem Ġeremija. Mela allura għalfejn Bin Alla m’għandux jiġi, skont il‑profezija tiegħu?

21 U issa għandkom xi dubju li Ġerusalemm ġiet meqruda? Jista’ xi ħadd jgħid li wlied Sedekija ma ġewx maqtula, kollha kemm huma ħlief Mulek? Iva, u mhux qed taraw li dawk li ġejjin minn nisel Sedekija jinsabu magħna, u li huma ġew imkeċċijin ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm? Iżda araw, dan mhux kollox—

22 Missierna Leħi ġie mkeċċi ’l barra minn Ġerusalemm għaliex huwa xehed dwar dawn il‑ħwejjeġ. Nefi wkoll xehed dwar dawn il‑ħwejjeġ, u tista’ tgħid kull wieħed minn missirijietna, sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum; iva, huma xehdu dwar il‑miġja ta’ Kristu, u huma thennew u ħarsu ’l quddiem lejn il‑jum li fih għandu jiġi.

23 U araw, huwa Alla, u hu jinsab magħhom, u huwa wera lilu nnifsu lilhom, u huma kienu mifdija minnu; u lilu huma taw glorja, minħabba dak li għandu jiġi.

24 U issa, peress li intom tafu dawn il‑ħwejjeġ u ma tistgħux tiċħduhom sakemm ma tispiċċawx tigdbu, għalhekk f’din il‑ħaġa dnibtu, għax intom ċħadtu dan kollu, minkejja daqstant evidenza li ngħatajtu; iva, sewwasew intom ingħatajtu kull ħaġa, kemm ħwejjeġ li jinsabu fis‑smewwiet, kif ukoll kull ħaġa li tinsab fl‑art, bħala xhieda li huma vera.

25 Għax araw, intom ċħadtu l‑verità, u ħadtuha kontra l‑imqaddes Alla tagħkom; u anke bħalissa, minflok m’intom iġġemmgħu għalikom teżori fis‑smewwiet, fejn xejn ma jitmermer, u fejn l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar, intom qegħdin taħżnu l‑għadab għalikom infuskom għal jum il‑ħaqq.

26 Iva, anki f’dan il‑mument tinsabu lesti għall‑qerda ta’ dejjem, minħabba l‑qtil tagħkom u ż‑żína u l‑ħażen tagħkom; iva, u jekk intom ma tindmux mhux se ddumu ma tinqerdu.

27 Iva, araw din tinsab fil‑qrib; iva, morru ħdejn is‑siġġu tat‑tribunal, u fittxu; u araw, l‑imħallef tagħkom safa maqtul, u huwa jinsab mgħarraq f’demmu; u hu ġie maqtul minn ħuh, li qed jipprova jokkupa s‑siġġu tat‑tribunal.

28 U araw, it‑tnejn li huma jagħmlu parti mit‑tajfa sigrieta, li ġiet maħluqa minn Gadjantun u mill‑malinn li jipprova jeqred ruħ il‑bnedmin.