Kapitlu 5
Nefi u Leħi jiddedikaw lilhom infushom għax‑xandir tal‑kelma—Isimhom iħeġġiġhom biex ifasslu ħajjithom fuq l‑antenati tagħhom—Kristu jifdi lil dawk li jikkonvertu—Nefi u Leħi jikkonvertu lil ħafna u jiġu mitfugħin il‑ħabs, fejn jispiċċaw imdawrin bil‑fjammi tan‑nar—Sħab iswed jgħatti tliet mitt persuna—Titheżżeż l‑art, u leħen jordna lin‑nies sabiex jindmu—Nefi u Leħi jitkellmu mal‑anġli, u l‑miġemgħa tispiċċa mdawra bil‑fjammi tan‑nar. Madwar 30 Q.K.
1 U ġara li f’din l‑istess sena, araw, Nefi għadda s‑siġġu tat‑tribunal lil wieħed raġel jismu Ċeżoram.
2 Għax peress li l‑liġijiet tagħhom u l‑gvernijiet tagħhom kienu jiġu stabbiliti permezz tar‑rieda tal‑poplu, u kien hemm aktar li għażlu l‑ħażen milli għażlu t‑tajjeb, għalhekk huma kienu lesti għall‑qerda, għax il‑liġijiet saru liġijiet bla bażi.
3 Iva, u dan mhux kollox; huma kienu nies ta’ ras iebsa, tant li l‑liġi jew il‑ġustizzja setgħet tmexxihom biss lejn il‑qerda tagħhom.
4 U ġara li Nefi spiċċa mnikket bil‑kbir minħabba ħżunithom; u hu ċeda s‑siġġu tat‑tribunal, u assuma r‑responsabbiltà li jxandar il‑kelma ta’ Alla għall‑bqija ta’ ħajtu; u l‑istess għamel ħuh Leħi, għall‑bqija ta’ ħajtu;
5 Għax huma ftakru fil‑kliem li kien qalilhom missierhom Ħelaman. U dan hu l‑kliem li huwa qal:
6 Araw, uliedi, jien nixtieq li intom tiftakru biex tħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla; u nixtieq li intom ixxandru dan il‑kliem lill‑poplu. Araw, jiena lilkom semmejtkom għall‑ewwel ġenituri tagħna li telqu mill‑art ta’ Ġerusalemm; u dan jien għamiltu biex meta intom tiftakru f’isimkom, intom tkunu tistgħu tiftakru fihom; u meta tiftakru fihom tkunu tistgħu tiftakru fl‑għemejjel tagħhom; u meta tiftakru fl‑għemejjel tagħhom tkunu tafu li jingħad, u li hemm miktub li kienu tajbin.
7 Għalhekk, uliedi, nixtieqkom tagħmlu dak li hu tajjeb, sabiex dwarkom jintqal, kif ukoll jinkiteb, l‑istess kif intqal u nkiteb dwarhom.
8 U issa, uliedi, araw jiena nixtieq xi ħaġa oħra mingħandkom, u li nixtieq hu li intom dan ma tagħmluhx biex toqogħdu tiftaħru bikom infuskom, iżda għandkom tagħmluh biex tħejju għalikom teżor fis‑smewwiet, iva, li jibqa’ għal dejjem, u ma jitmermer qatt; iva, ħalli jkun jista’ jkollkom dak ir‑rigal prezzjuż tal‑ħajja ta’ dejjem, li għandna għalfejn nassumu li ngħatat lil missirijietna.
9 O ftakru, ftakru, uliedi, fil‑kliem li qal is‑Sultan Benjamin lin‑nies tiegħu; iva, ftakru li m’hawn l‑ebda mod ieħor, jew l‑ebda mezz ieħor, li permezz tiegħu l‑bniedem jista’ jsalva għajr permezz tad‑demm espjatorju ta’ Ġesù Kristu, li għandu jiġi; iva, ftakru li huwa għandu jiġi biex jifdi d‑dinja.
10 U ftakru wkoll fil‑kliem li Amuleki qal lil Żeżrom, fil‑belt ta’ Għammonija; fejn huwa qallu li l‑Mulej għandu jiġi tassew biex jifdi lill‑poplu tiegħu, iżda huwa mhuwiex se jiġi biex jifdihom fi dnubiethom, iżda biex jifdihom minn dnubiethom.
11 U hu ġie mogħti l‑qawwa mingħand il‑Missier biex jifdihom minn dnubiethom permezz tal‑indiema; għalhekk huwa bagħat l‑anġli tiegħu biex jgħarrfuhom dwar il‑ħtieġa tal‑indiema, li twassal il‑qawwa tal‑Feddej lill‑bnedmin, għas‑salvazzjoni ta’ ruħhom.
12 U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l‑pedament tagħkom fuq il‑blata tal‑Feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla; ħalli meta x‑xitan jibgħat l‑irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jibgħat f’nofs riefnu l‑beraq tiegħu, iva, meta jibgħat b’qawwa s‑silġ u l‑maltemp, dan ma jkollu l‑ebda qawwa biex lilkom jiġbidkom ’l isfel sal‑abbiss tal‑miżerja u gwaj bla tmiem, minħabba l‑blata li fuqha intom mibnija, li hi pedament sod, pedament li jekk il‑bnedmin jibnu fuqu, huma ma jikkrollaw qatt.
13 U ġara li dan kien il‑kliem li Ħelaman għallem lil uliedu; iva, huwa għallimhom bosta ħwejjeġ li ma ġewx miktubin, kif ukoll bosta ħwejjeġ li ġew miktubin.
14 U huma ftakru fi kliemu; u għalhekk huma marru, iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, jgħallmu l‑kelma ta’ Alla lin‑nies kollha ta’ Nefi, u huma bdew mill‑belt ta’ Kotran;
15 U minn hemm telqu lejn il‑belt ta’ Gid; u mill‑belt ta’ Gid lejn il‑belt ta’ Mulek;
16 U baqgħu sejrin minn belt għall‑oħra, sakemm żaru lin‑nies kollha ta’ Nefi li kienu jinsabu fl‑art tan‑nofsinhar; u minn hemm marru fl‑art ta’ Żaraħemla, fost il‑Lamaniti.
17 U ġara li huma xandru l‑kelma b’qawwa kbira, hekk li lil ħafna minn dawk id‑dissidenti li kienu nqatgħu minn man‑Nefiti spiċċaw ħallewhom bla kliem, tant li huma resqu lejhom u stqarrew dnubiethom u tgħammdu għall‑Indiema, u dlonk reġgħu lura man‑Nefiti biex jippruvaw ipattulhom għall‑għemejjel ħżiena li kienu wettqu.
18 U ġara li Nefi u Leħi xandru l‑kelma fost il‑Lamaniti b’qawwa u awtorità liema bħalha, għax huma kellhom il‑qawwa u l‑awtorità mogħtija lilhom biex ikunu jistgħu jxandru l‑kelma, u ġie żvelat lilhom x’kellhom jgħidu—
19 Għalhekk meta l‑Lamaniti semgħu kliemhom huma mtlew bil‑għaġeb u kkonvinċew ruħhom tant li kien hemm tmint elef Lamanita fl‑art ta’ Żaraħemla u fil‑madwar li tgħammdu għall‑Indiema, u huma kkonvinċew ruħhom dwar il‑ħażen ta’ twemmin missirijiethom.
20 U ġara li minn hemm Nefi u Leħi baqgħu sejrin lejn l‑art ta’ Nefi.
21 U ġara li huma ttieħdu minn armata Lamanita u ġew mixħutin f’ħabs; iva, sewwasew f’dak l‑istess ħabs li l‑qaddejja ta’ Limħi xeħtu fih lil Għammon u lil ħutu.
22 U wara li ġew mixħutin il‑ħabs, fejn għaddew jiem sħaħ bla ikel, araw, huma marru għalihom il‑ħabs sabiex joqtluhom.
23 U ġara li Nefi u Leħi spiċċaw imdawrin bħallikieku bin‑nar, tant li m’azzardawx jerfgħu idejhom fuqhom għax beżgħu li jinħarqu. Madankollu, Nefi u Leħi baqgħu ma nħarqux; u huma kienu jinsabu bħallikieku weqfin f’nofs in‑nar u n‑nar ma ħaraqhomx.
24 U meta raw li huma kienu jinsabu mdawrin b’kolonna tan‑nar, u n‑nar ma ħaraqhomx, huma għamlu l‑qalb.
25 Għax huma raw li l‑Lamaniti m’azzardawx jerfgħu idejhom fuqhom; lanqas m’azzardaw jersqu lejhom, iżda tant stagħġbu li huma waqfu bħallikieku mbikkmin.
26 U ġara li Nefi u Leħi marru u bdew jitkellmu magħhom u jgħidulhom: Tibżgħux, għax araw, huwa Alla li wriekom din il‑ħaġa tal‑għaġeb, li permezz tagħha intom għaraftu li ma tistgħux terfgħu idejkom fuqna biex tneħħulna ħajjitna.
27 U araw, meta huma qalu dan il‑kliem, l‑art bdiet titheżżeż bil‑kbir, u l‑ħitan tal‑ħabs bdew jitheżżu bħallikieku kienu għoddhom se jaqgħu mal‑art; iżda araw, huma ma waqgħux. U araw, dawk li kienu fil‑ħabs kienu Lamaniti u dissidenti Nefiti.
28 U ġara li huma spiċċaw mgħottija bi sħaba sewda, u nħakmu minn biża’ mill‑aktar kbira.
29 U ġara li huma semgħu leħen, li kien qisu ġej minn fuq is‑sħaba sewda, jgħid: Indmu, indmu, u tippruvawx aktar teqirdu lill‑qaddejja tiegħi li jiena bgħatt fostkom biex ixandru l‑bxara t‑tajba.
30 U ġara li meta semgħu dan il‑leħen, huma raw li ma kienx leħen iriegħed, lanqas ma kien xi leħen storbjuż, iżda araw, kien leħen sieket mill‑aktar ħelu, qisu leħen minn taħt l‑ilsien, u nifdilhom sewwasew il‑fond ta’ ruħhom—
31 U minkejja l‑ħlewwa tal‑leħen, araw l‑art bdiet titheżżeż bil‑kbir, u l‑ħitan tal‑ħabs reġgħu bdew jitriegħdu, bħallikieku kienu għoddhom se jaqgħu mal‑art; u araw is‑sħaba sewda, li kienet għattiethom, baqgħet hemm—
32 U araw, huma reġgħu semgħu l‑leħen jgħid: Indmu, indmu, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib; u tkomplux tippruvaw teqirdu lill‑qaddejja tiegħi. U ġara li l‑art reġgħet bdiet titheżżeż, u l‑ħitan bdew jitriegħdu.
33 U għal darb’oħra nstema’ l‑leħen għat‑tielet darba, u qalilhom kliem tal‑għaġeb li l‑ebda bniedem ma jista’ jlissen; u l‑ħitan reġgħu bdew jitriegħdu, u l‑art bdiet titheżżeż bħallikieku kienet għoddha se tinqasam fi tnejn.
34 U ġara li l‑Lamaniti ma setgħux jaħarbu minn hemm minħabba s‑sħaba sewda li kienet qed tgħattihom; iva, u huma lanqas ma setgħu jitħarrku minħabba l‑biża’ li kienet ħakmithom.
35 Issa kien hemm wieħed fosthom li kien Nefita mit‑twelid, li darba kien jagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla iżda kien inqata’ minn magħhom.
36 U ġara li hu dar, u araw, minn ġewwa s‑sħaba huwa seta’ jara wiċċ Nefi u Leħi; u araw, wiċċhom kien qed jiddi b’dija tal‑għaġeb, sewwasew bħal wiċċ l‑anġli. U hu ra li huma kienu qed iħarsu lejn is‑smewwiet; u kienu jidhru qishom qed jgħollu leħinhom jew jitkellmu ma’ xi ħadd li kienu qed jaraw quddiemhom.
37 U ġara li dan ir‑raġel sejjaħ lill‑folla, biex huma jduru u jaraw. U araw, dawk li daru biex jaraw ġew mogħtija ċerta qawwa; u huma setgħu jaraw wiċċ Nefi u Leħi.
38 U huma qalu lir‑raġel: Ara, xi jfisser dan kollu, u dawn l‑irġiel ma’ min qegħdin jitkellmu?
39 Issa dan ir‑raġel kien jismu Għamminadab. U Għamminadab qalilhom: Huma qed jitkellmu mal‑anġli ta’ Alla.
40 U ġara li l‑Lamaniti qalulu: X’jeħtieġ li nagħmlu, biex din is‑sħaba sewda ma tkomplix tgħattina?
41 U Għamminadab qalilhom: Jeħtieġ li intom tindmu, u ssejħu lil‑leħen, sewwasew sakemm ikollkom il‑fidi fi Kristu, li għallmukom dwaru Alma, Amuleki, u Żeżrom; u meta intom tagħmlu dan, is‑sħaba sewda ma tkomplix tgħattikom aktar.
42 U ġara li huma bdew ilkoll isejħu lil‑leħen li kien heżżeż l‑art; iva, huma komplew isejħulu sakemm is‑sħaba sewda ma baqgħetx aktar hemm.
43 U ġara li meta huma ħarsu ħarsa madwarhom, u raw li s‑sħaba sewda ma baqgħetx tgħattihom aktar, araw, huma setgħu jaraw li lkoll kemm huma kienu jinsabu mdawrin b’kolonna tan‑nar.
44 U f’nofshom kien hemm Nefi u Leħi; iva, huma kienu jinsabu mdawrin minn kull naħa; iva, kienu jinsabu bħallikieku f’nofs ħuġġieġa nar, madankollu ma beda jagħmlilhom xejn, u lanqas ma beda jagħmel ħsara lill‑ħitan tal‑ħabs; u huma mtlew b’hena mill‑aktar glorjuża, li ma tistax titfisser bil‑kliem.
45 U araw, l‑Ispirtu s‑Santu ta’ Alla niżel mis‑smewwiet, u daħal f’qalbhom, u huma mtlew bħallikieku bin‑nar, u setgħu jlissnu kliem tal‑għaġeb.
46 U ġara li huma semgħu leħen, iva, leħen tassew ħelu, qisu xi leħen minn taħt l‑ilsien, jgħidilhom:
47 Is‑sliem, is‑sliem għalikom, minħabba l‑fidi tagħkom fil‑Veru Maħbub tiegħi, li ilu sa mill‑ħolqien tad‑dinja.
48 U issa, meta semgħu dan huma għollew ħarsithom bħallikieku biex jaraw minn fejn kien ġej il‑leħen; u araw, huma raw is‑smewwiet jinfetħu; u niżlu l‑anġli mis‑smewwiet u bdew jaqduhom.
49 U kien hemm madwar tliet mitt ruħ li raw u semgħu dawn il‑ħwejjeġ; u huma ġew mitluba biex imorru minn hemm mingħajr ma jistagħġbu jew jiddubitaw.
50 U ġara li huma marru, u bdew jaqdu lin‑nies, ixandru mal‑inħawi kollha tal‑madwar il‑ħwejjeġ kollha li kienu semgħu u raw, hekk li spiċċaw jikkonvinċu lil parti kbira mil‑Lamaniti, minħabba l‑evidenzi tant kbar li kienu kisbu.
51 U dawk kollha li kkonvinċew ruħhom warrbu l‑armi tagħhom tal‑gwerra, kif ukoll il‑mibegħda u t‑twemmin ta’ missirijiethom.
52 U ġara li huma għaddew f’idejn in‑Nefiti l‑artijiet li kienu ħadulhom.