Skrittura
Ħelaman 3


Kapitlu 3

Bosta Nefiti jemigraw lejn l‑art tat‑tramuntana—Huma jibnu djar tas‑siment u jżommu bosta annali—Għexieren ta’ eluf jikkonvertu u jitgħammdu—Il‑kelma ta’ Alla twassal lill‑bnedmin għas‑salvazzjoni—Nefi bin Ħelaman jokkupa s‑siġġu tat‑tribunal. Madwar 49–39 Q.K.

1 U issa ġara li fis‑sena tlieta u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin, ma kien hemm l‑ebda tilwim fost il‑poplu ta’ Nefi għajr għal xi ftit kburija li kien hemm fil‑knisja, li wasslet għal xi ftit ta’ diżgwid fost il‑poplu, liema diżgwid ġie risolv fi tmien is‑sena tlieta u erbgħin.

2 U ma kien hemm l‑ebda tilwim fost il‑poplu fis‑sena erbgħa u erbgħin; lanqas ma kien hemm daqstant tilwim fis‑sena ħamsa u erbgħin.

3 U ġara li fis‑sitta u erbgħin, iva, kien hemm bosta tilwim u bosta diżgwid; u minħabba f’hekk kien hemm għadd kbir ta’ nies li telqu ’l barra mill‑art ta’ Żaraħemla, u rħewlha lejn l‑art tat‑tramuntana biex jirtu l‑art.

4 U huma mxew distanza twila ferm, hekk li spiċċaw waslu ħdejn medda kbira ta’ ilma u bosta xmajjar.

5 Iva, u huma sewwasew infirxu ma’ kull naħa tal‑pajjiż, fl‑inħawi kollha li ma kinux spiċċaw ħerba u mingħajr injam, minħabba l‑ħafna nies li kienu wirtu l‑art.

6 U issa ma kien hemm l‑ebda naħa tal‑pajjiż li kienet spiċċat ħerba, ħlief għan‑nuqqas ta’ njam; iżda minħabba l‑qerda daqstant kbira tal‑poplu li kien jgħammar fiha qabel, din l‑art bdiet tissejjaħ ħerba.

7 U peress li ftit li xejn kien hemm injam fuq wiċċ l‑art, madankollu n‑nies li marru hemm saru esperti mill‑kbar fis‑sengħa tas‑siment; għalhekk huma bnew djar tas‑siment, u bdew jgħammru fihom.

8 U ġara li huma tkattru u nfirxu, u telqu mill‑art tan‑nofsinhar għall‑art tat‑tramuntana, u nfirxu tant li bdew jimlew il‑wiċċ kollu tal‑art, mill‑baħar tan‑nofsinhar sal‑baħar tat‑tramuntana, mill‑baħar tal‑punent sal‑baħar tal‑lvant.

9 U n‑nies li kienu fl‑art tat‑tramuntana bdew jgħammru fit‑tined, u fid‑djar tas‑siment, u kull siġra li tinbet fuq wiċċ l‑art bdew iħalluha tikber, biex maż‑żmien ikun jista’ jkollhom l‑injam biex jibnu djarhom, iva, u bliethom, u t‑tempji tagħhom, u s‑sinagogi tagħhom, u s‑santwarji tagħhom, u kull xorta ta’ bini ieħor li jkollhom bżonn.

10 U ġara li peress li fl‑art tat‑tramuntana l‑injam kien mill‑aktar skars, huma bagħtu ħafna permezz tad‑dgħajjes.

11 U b’hekk lin‑nies fl‑art tat‑tramuntana tawhom l‑opportunità li jibnu ħafna bliet, kemm tal‑injam kif ukoll tas‑siment.

12 U ġara li kien hemm ħafna min‑nies ta’ Għammon, li kienu twieldu Lamaniti, li spiċċaw marru wkoll f’din l‑art.

13 U issa kienu ħafna l‑annali li bdew jinżammu dwarhom, dwar l‑għemejjel ta’ dawn in‑nies, minn ħafna minn dawn in‑nies, u huma mill‑aktar dettaljati u kbar.

14 Iżda araw, lanqas wieħed fil‑mija tal‑għemejjel ta’ dan il‑poplu, iva, tar‑rakkont tal‑Lamaniti u tan‑Nefiti, u l‑gwerer, u t‑tilwim, u d‑diżgwid tagħhom, u l‑predikazzjoni tagħhom, u l‑profeziji tagħhom, u t‑trasportazzjoni tagħhom bil‑baħar u l‑bini tal‑iġfna tagħhom, u l‑bini tat‑tempji tagħhom, u tas‑sinagogi u s‑santwarji tagħhom, u t‑tjieba tagħhom, u l‑ħażen tagħhom, u l‑qtil tagħhom, u s‑serq tagħhom, u l‑issakkeġġar tagħhom, u kull xorta ta’ għemejjel mistkerrha u żína tagħhom, ma jistgħu jinkitbu f’dan il‑ktieb.

15 Iżda araw, hemm bosta kotba u bosta annali ta’ kull għamla, u dawn baqgħu jinżammu prinċipalment min‑Nefiti.

16 U dawn baqgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra minn Nefiti, sewwasew sakemm huma waqgħu fit‑trasgressjoni u sfaw maqtula, misruqa, u ppersegwitati, u mkeċċija, u huma nqatlu u ġew imxerrda mal‑wiċċ kollu tal‑art, u spiċċaw tħalltu mal‑Lamaniti hekk li ma baqgħux jissejħu aktar in‑Nefiti, u saru nies ħżiena, u slavaġ, u feroċi, iva, sewwasew saru Lamaniti.

17 U issa se nerġa’ lura għar‑rakkont tiegħi; għalhekk, dak li jiena għedt seħħ wara li qam daqstant tilwim, u nkwiet, u gwerer, u diżgwid, fost il‑poplu ta’ Nefi.

18 Is‑sena sitta u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin ġiet fi tmiemha;

19 U ġara li kien għad hemm ħafna tilwim fil‑pajjiż, iva, kemm fis‑sena sebgħa u erbgħin, kif ukoll fis‑sena tmienja u erbgħin.

20 Madankollu Ħelaman wettaq dmiru fis‑siġġu tat‑tribunal bil‑ġustizzja u s‑sewwa; iva, huwa ra li jħares il‑liġijiet u d‑digrieti, u l‑kmandamenti ta’ Alla; u huwa ra li dejjem jagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Alla; u hu mexa fuq il‑passi ta’ missieru, hekk li huwa kellu r‑risq fl‑art.

21 U ġara li hu kellu żewġ subien. Lill‑kbir semmieh Nefi, u liż‑żgħir semmieh Leħi. U huma bdew jikbru għall‑Mulej.

22 U ġara li l‑gwerer u t‑tilwim bdew ibattu xi ftit, fost il‑poplu Nefita, fl‑aħħar jiem tas‑sena tmienja u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

23 U ġara li fis‑sena disgħa u erbgħin tas‑saltna tal‑imħallfin, bdiet issaltan paċi kontinwa fil‑pajjiż, għajr għall‑alleanzi sigrieti li Gadjantun il‑ħalliel waqqaf fl‑aktar inħawi abitati tal‑pajjiż, li dak iż‑żmien ma kinux magħrufa minn dawk li kienu fit‑tmexxija tal‑gvern; għalhekk huma ma ġewx meqruda mill‑pajjiż.

24 U ġara li f’din l‑istess sena l‑knisja bdiet tiffjorixxi bil‑kbir, tant li kienu eluf li ngħaqdu mal‑knisja u tgħammdu għall‑indiema.

25 U tant il‑knisja bdiet tiffjorixxi, u tant ġew imsawba barkiet fuq in‑nies, li anke l‑qassisin il‑kbar u l‑għalliema bdew jistagħġbu bil‑kbir.

26 U ġara li l‑ħidma tal‑Mulej bdiet tiffjorixxi fejn bosta erwieħ, iva, sewwasew għexieren ta’ eluf bdew jitgħammdu u jingħaqdu mal‑knisja ta’ Alla.

27 B’hekk naraw li l‑Mulej huwa ħanin ma’ dawk kollha li, fis‑sinċerità ta’ qalbhom, isejħu l‑isem qaddis tiegħu.

28 Iva, b’hekk naraw li bieb is‑smewwiet huwa miftuħ għal kulħadd, sewwasew għal dawk li jemmnu f’isem Ġesù Kristu, li hu Bin Alla.

29 Iva, naraw li kull min jibqa’ jżomm mal‑kelma ta’ Alla, liema kelma hija ħajja u qawwija, li ġġib fix‑xejn il‑makkakerija u t‑tnassis u l‑qerq tax‑xitan, u li tmexxi lill‑bniedem ta’ Kristu fi triq stretta u dejqa lejn in‑naħa l‑oħra tal‑abbiss etern tal‑miżerja li jinsab lest biex jibla fih lill‑ħżiena—

30 Hija twassal ruħhom, iva, ir‑ruħ immortali tagħhom, ħdejn l‑id il‑leminija ta’ Alla fis‑saltna tas‑smewwiet, biex hemm huma jpoġġu ma’ Abraham, u Iżakk, u Ġakobb, u mal‑missirijiet qaddisa kollha tagħna, u minn hemm qatt aktar ma jitilqu.

31 U f’din is‑sena kien hemm hena kontinwa fl‑art ta’ Żaraħemla, u fl‑inħawi kollha tal‑madwar, sewwasew fl‑art kollha li kienet f’idejn in‑Nefiti.

32 U ġara li bdiet issaltan paċi u hena mill‑aktar kbira fil‑bqija tas‑sena disgħa u erbgħin; iva, kif ukoll paċi kontinwa u hena kbira fis‑sena ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin.

33 U fis‑sena wieħed u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin saltnet ukoll il‑paċi, għajr għall‑kburija li bdiet tidħol fil‑knisja—mhux fil‑knisja ta’ Alla, iżda fi qlub in‑nies li kienu jiddikjaraw li jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla—

34 U huma kienu mkabbrin bihom infushom, tant li bdew jippersegwitaw lil ħafna minn ħuthom. Issa dan kien ħażen mill‑aktar kbir, li wassal biex l‑aktar nies umli fost il‑poplu jesperjenzaw persekuzzjoni kbira, u jgħaddu minn ħafna taħbit.

35 Madankollu huma bdew isumu u jitolbu ta’ spiss, u komplew jissaħħu dejjem aktar fl‑umiltà, u fil‑fidi tagħhom fi Kristu, sakemm ruħhom imtliet bil‑hena u l‑faraġ, iva, u dan wassal għas‑safà u l‑qdusija ta’ qalbhom, liema qdusija waslet minħabba li huma ssottomettew qalbhom għal Alla.

36 U ġara li s‑sena tnejn u ħamsin intemmet ukoll fil‑paċi, għajr għall‑kburija mill‑aktar kbira li kienet infiltrat qlub in‑nies; u dan seħħ minħabba l‑għana mill‑aktar kbira tagħhom u l‑ġid tagħhom fl‑art; u minn jum għall‑ieħor kompliet tiffjorixxi ġewwa fihom.

37 U ġara li fis‑sena tliet u ħamsin tas‑saltna tal‑imħallfin, Ħelaman miet, u ibnu l‑kbir, Nefi, beda jsaltan minfloku. U ġara li huwa wettaq dmiru fis‑siġġu tat‑tribunal bil‑ġustizzja u s‑sewwa; iva, huwa ħares il‑kmandamenti ta’ Alla, u mexa fuq il‑passi ta’ missieru.