Skrittura
Ħelaman 14


Kapitlu 14

Samwel ibassar li se jkun hemm id‑dawl matul il‑lejl u kewkba ġdida mat‑twelid ta’ Kristu—Kristu jifdi lill‑bnedmin mill‑mewt temporali u spiritwali—Is‑sinjali tal‑mewt tiegħu jinkludu tlett ijiem ta’ dlam, blat jinqasam biċċiet, u taqlib kbir fin‑natura. Madwar 6 Q.K.

1 U issa ġara li Samwel il‑Lamanita, ħabbar bosta ħwejjeġ oħra li ma jistgħux jinkitbu.

2 U araw, huwa qalilhom: Araw, jiena se nagħtikom sinjal; li jgħaddu ħames snin oħra, u araw, dakinhar jiġi Bin Alla biex jifdi lil dawk kollha li se jemmnu f’ismu.

3 U araw, dan jien se nagħtikom bħala sinjal fi żmien il‑miġja tiegħu; għax araw, se jkun hemm dawl kbir fis‑sema, hekk li fil‑lejl ta’ qabel ma jiġi mhuwiex se jidlam, hekk li n‑nies se jarawh bħallikieku binhar.

4 Għalhekk, se jkun hemm jum u lejl u jum, bħallikieku kienu jum wieħed mingħajr ebda lejl; u dan se jingħatalkom bħala sinjal; għax intom se tkunu tafu meta se jkun tlugħ ix‑xemx kif ukoll inżulha; għalhekk huma se jkunu jafu tassew li se jkunu jumejn u lejl; madankollu mal‑lejl mhuwiex se jidlam; u dan se jseħħ fil‑lejl ta’ qabel ma jitwieled.

5 U araw, se tfeġġ kewkba ġdida, waħda li qatt ma rajtu bħalha; u din ukoll se tingħata lilkom bħala sinjal.

6 U araw dan mhux kollox, se jkun hemm bosta sinjali u għeġubijiet fis‑sema.

7 U se jiġri li intom se tibqgħu miblugħa u mistagħġba, hekk li tispiċċaw taqgħu mal‑art.

8 U se jiġri li kull min jemmen fl‑Iben ta’ Alla, dan se jkollu l‑ħajja ta’ dejjem.

9 U araw, dan hu li ordnali l‑Mulej, permezz tal‑anġlu tiegħu, li jien niġi u ngħidilkom din il‑ħaġa; iva, huwa ordnali li jiena nħabbrilkom dawn il‑ħwejjeġ; iva, huwa qalli: ħabbar lil dan il‑poplu, indem u ħejji triq il‑Mulej.

10 U issa, għax jiena Lamanita, u għidtilkom dak li ordnali l‑Mulej, u għax dan kien kliem iebes kontrikom, intom qed teħduha kontrija u qed tippruvaw teqirduni, u keċċejtuni minn fostkom.

11 U jeħtieġ tisimgħu kliemi; għax, għal dan il‑għan jiena tlajt fuq is‑swar ta’ din il‑belt, biex intom tkunu tistgħu tisimgħu u ssiru tafu bil‑ħaqq ta’ Alla li hemm jistenniekom minħabba ħżunitkom, kif ukoll biex tkunu tafu bil‑kundizzjonijiet tal‑indiema;

12 Kif ukoll biex tkunu tafu dwar il‑miġja ta’ Ġesù Kristu, Bin Alla, il‑Missier tas‑sema u l‑art, il‑Ħallieq ta’ kollox sa mill‑bidu; u biex tkunu tafu dwar is‑sinjali tal‑miġja tiegħu, bil‑għan li intom tibdew temmnu f’ismu.

13 U jekk intom temmnu f’ismu intom tindmu minn dnubietkom kollha, biex b’hekk tkunu tistgħu tiksbu maħfra tagħhom permezz tal‑merti tiegħu.

14 U araw għal darb’oħra, jiena se nagħtikom sinjal ieħor, iva, sinjal tal‑mewt tiegħu.

15 Għax araw, jeħtieġ li hu jmut sewwasew biex tasal is‑salvazzjoni; iva, dan hu meħtieġ minnu u hemm bżonn li huwa jmut, biex huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien tal‑mejtin, biex b’hekk il‑bnedmin ikunu jistgħu jittieħdu fil‑preżenza tal‑Mulej.

16 Iva, araw, din il‑mewt iġġib fis‑seħħ il‑qawmien, u tifdi l‑umanità kollha mill‑ewwel mewt—mill‑mewt spiritwali; għax l‑umanità kollha, minħabba l‑waqgħa ta’ Adam spiċċat nqatgħet mill‑preżenza tal‑Mulej, u tinsab bħallikieku mejta, kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll fi ħwejjeġ spiritwali.

17 Iżda araw, il‑qawmien ta’ Kristu jifdi l‑umanità, iva, sewwasew lill‑bnedmin kollha, u jwassalhom lura fil‑preżenza tal‑Mulej.

18 Iva, u jġib fis‑seħħ il‑kundizzjoni tal‑indiema, biex kull min jindem ma jitqaċċatx u jinxteħet fin‑nar; iżda kull min ma jindimx sejjer jitqaċċat u jinxteħet fin‑nar; u dawn se jerġgħu jesperjenzaw għal darb’oħra mewta spiritwali, iva, it‑tieni mewta, għax huma jerġgħu jinqatgħu għal darb’oħra minn dak kollu li għandu x’jaqsam mas‑sewwa.

19 Għalhekk indmu, indmu, għax jekk intom konxji ta’ dan kollu u ma twettquhx se tħallu lilkom infuskom taqgħu taħt il‑kundanna, u tispiċċaw imkaxkra ’l isfel lejn din it‑tieni mewta.

20 Iżda araw, kif għidtilkom dwar sinjal ieħor, is‑sinjal tal‑mewt tiegħu, araw, f’dak il‑jum li fih huwa jġarrab il‑mewt ix‑xemx tiddallam u ma tkunx trid tagħtikom dawlha; u l‑istess il‑qamar u l‑kwiekeb; U għal tlett ijiem sħaħ mhu se jkun hawn l‑ebda dawl fuq wiċċ din l‑art, sewwasew mill‑mument li huwa jġarrab il‑mewt sal‑ħin li fih jerġa’ jqum mill‑imwiet.

21 Iva, fil‑mument li huwa jrodd ruħu se jkun hemm ir‑ragħad u l‑beraq għal bosta sigħat, u tibda tiċċaqlaq u titriegħed l‑art; u l‑blat li jinsab fuq wiċċ din l‑art jinqasam, kemm dak li jinsab fuq l‑art kif ukoll dak li jinsab taħtha, liema blat bħalissa tafu li hu ħaġa waħda, jew li l‑biċċa l‑kbira minnu huwa ħaġa waħda;

22 Iva, huwa se jinqasam fi tnejn, u minn dak inhar se tkunu tistgħu ssibuh fil‑qsim u fix‑xquq, u fil‑biċċiet imfarrka fuq il‑wiċċ kollu tal‑art, iva, kemm fuq l‑art kif ukoll taħtha.

23 U araw, se jqum maltemp kbir, u se jitniżżlu ħafna muntanji li se jsiru qishom wied, u bosta postijiet li bħalissa jissejħu widien se jsiru muntanji mill‑aktar għoljin.

24 U ħafna triqat se jinqasmu biċċiet, u bosta bliet se jsiru ħerba.

25 U ħafna se jkunu l‑oqbra li se jinfetħu, u huma se jroddu lura ħafna mill‑mejtin tagħhom; u se jkun hemm ħafna qaddisin li se jidhru lill‑bosta.

26 U araw, dan huwa li qalli l‑anġlu; għax hu qalli li se jkun hemm ir‑ragħad u l‑beraq għal bosta sigħat.

27 U qalli li waqt li jkun għadu qed iriegħed u jberraq, se jseħħ dan kollu, u dalma se tiksi wiċċ l‑art kollha għal tlett ijiem sħaħ.

28 U l‑anġlu qalli li se jkunu bosta li se jaraw ħwejjeġ akbar minn dawn, u dan sabiex huma jkunu jistgħu jemmnu li dawn is‑sinjali u dawn l‑għeġubijiet se jiġu fis‑seħħ fuq wiċċ din l‑art kollha, ħalli ma jkun hemm l‑ebda raġuni għan‑nuqqas ta’ fidi fost ulied il‑bnedmin—

29 U dan sabiex dawk kollha li jemmnu jkunu jistgħu jsalvaw, u dawk kollha li ma jemmnux, se jsir ħaqq minnhom skont is‑sewwa; u jekk huma jiġu kkundannati huma jkunu ġabu l‑kundanna fuqhom stess.

30 U issa ftakru, ftakru, ħuti, li kull min jintilef, ikun ġab b’idejh it‑telfien tiegħu; u kull min jagħmel il‑ħażen, ikun qed jagħmlu lilu nnifsu; għax araw, intom ħielsa; huwa f’idejkom kif taġixxu; għax araw, lilkom Alla takom l‑għarfien u ħalliekom ħielsa.

31 Huwa takom iċ‑ċans li tagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin, u takom iċ‑ċans li tagħżlu l‑ħajja jew il‑mewt; u intom tistgħu tagħmlu t‑tajjeb u tirċievu lura dak li hu tajjeb, jew tiksbu lura dak li hu tajjeb; jew inkella tistgħu tagħmlu l‑ħażin, u tirċievu lura dak li hu ħażin.