Skrittura
Ħelaman 13


Il‑profezija ta’ Samwel il‑Lamanita, lin‑Nefiti.

Jikkonsisti minn kapitlu 13 sa 15.

Kapitlu 13

Samwel il‑Lamanita jħabbar il‑qerda tan‑Nefiti jekk huma ma jindmux—Jinsteħtu huma u ġidhom—Huma jiċħdu u jħaġġru lill‑profeti, u jispiċċaw imdawrin bid‑demonji, u l‑kuntentizza tagħhom ifittxuha f’għemejjel ħżiena. Madwar 6 Q.K.

1 U issa ġara li fis‑sena sitta u tmenin, in‑Nefiti baqgħu għaddejjin b’ħajja ta’ ħażen, iva, ħażen mill‑aktar kbir, filwaqt li l‑Lamaniti bdew jaraw li jħarsu b’mod strett il‑kmandamenti ta’ Alla skont il‑liġi ta’ Mosè.

2 U ġara li matul din is‑sena kien hemm wieħed jismu Samwel, li kien Lamanita, li ġie fl‑art ta’ Żaraħemla, u beda jxandar il‑kelma lin‑nies. U ġara li huwa għadda bosta jiem ixandar l‑indiema lin‑nies, u huma keċċewh ’il barra minn fosthom, u kien għoddu se jerġa’ lura lejn artu.

3 Iżda araw, huwa sama’ leħen il‑Mulej jgħidlu biex jerġa’ lura għal darb’oħra, u jħabbar lin‑nies dak kollu li jiġi żvelat lilu.

4 U ġara li huma bdew iżommuh milli jidħol fil‑belt; għalhekk huwa mar u tela’ fuq is‑sur tal‑belt, u medd idu u għajjat b’leħen għoli, u ħabbar lill‑poplu dak kollu li żvelalu l‑Mulej.

5 U huwa qalilhom: Araw, jien Samwel, jiena Lamanita, u qed inxandar il‑kliem li żvelali l‑Mulej; u araw huwa żvelali biex ngħid lil dan il‑poplu li x‑xabla tal‑ħaqq tinsab imdendla fuq dan il‑poplu; u f’anqas minn erba’ mitt sena oħra x‑xabla tal‑ħaqq se tkun waqgħet fuq dan il‑poplu.

6 Iva, qerda liema bħalha hemm tistennieh dan il‑poplu, u din żgur se tolqot lil dan il‑poplu, u xejn ma jista’ jeħlisha lil dan il‑poplu ħlief l‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu, li żgur għandu jiġi fid‑dinja, u se jgħaddi minn tant tbatija u se jinqatel għall‑poplu tiegħu.

7 U araw, anġlu tal‑Mulej ħabbarli dan, u huwa wassal il‑bxara t‑tajba lil ruħi. U araw, jien ġejt mibgħut fostkom biex lilkom ukoll inħabbrilkom dan, ħalli intom tirċievu wkoll il‑bxara t‑tajba; iżda araw lili ma tridux tilqgħuni fostkom.

8 Għalhekk, dan jgħid il‑Mulej: Minħabba l‑ebusija ta’ qalb il‑poplu Nefita, jekk huma ma jindmux jiena se nwarrab kelmti minn fosthom, u se nbiegħed l‑Ispirtu tiegħi minnhom, u m’iniex se nittollerahom aktar, u qalb ħuthom kontrihom jiena nwebbes.

9 U f’anqas minn erba’ mitt sena oħra lilhom jien se nikkastiga; iva, lilhom se nżur permezz tax‑xabla u permezz tal‑ġuħ, u permezz tal‑pesta.

10 Iva, se nżurhom fil‑qilla ta’ għadbi, u se jkun hemm dawk tar‑raba’ nisel li se jgħixu, minn fost l‑għedewwa tagħkom, biex jaraw il‑qerda sħiħa tagħkom; u dan żgur se jseħħ jekk intom ma tindmux, jgħid il‑Mulej; u dawk tar‑raba’ nisel se jwasslu għall‑qerda tagħkom.

11 Iżda jekk intom tindmu u terġgħu dduru lejn il‑Mulej Alla tagħkom jiena nraġġa’ lura l‑għadab tiegħi, jgħid il‑Mulej; iva, hekk jgħid il‑Mulej, imberkin dawk li jindmu u jduru lejja, iżda ħażin għalih dak li ma jindimx.

12 Iva, ħażin għaliha din il‑belt kbira ta’ Żaraħemla; għax araw, lilha jien qed nippreserva minħabba dawk li huma twajbin; iva, ħażin għaliha din il‑belt kbira, għax qed nara, jgħid il‑Mulej, li hemm ħafna, iva, sewwasew il‑biċċa l‑kbira ta’ din il‑belt kbira, li se jwebbsu qalbhom kontrija, jgħid il‑Mulej.

13 Iżda mberkin dawk li jindmu, għax lilhom jien neħlisha. Iżda araw, li kieku ma kienx għat‑twajbin li jinsabu f’din il‑belt kbira, araw, jiena nordna biex jinżel in‑nar mis‑sema u jeqridha.

14 Iżda araw, huwa minħabba t‑twajbin li jien lilha qed neħlisha. Iżda araw, għad jasal iż‑żmien, jgħid il‑Mulej, li meta lit‑twajbin minn fostkom intom tkeċċu, hemm intom tkunu lesti għall‑qerda; iva, ħażen ikun għaliha din il‑belt kbira, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha li jseħħu ġewwa fiha.

15 Iva, u ħażin ikun għaliha l‑belt ta’ Gidgħon, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha li jseħħu ġewwa fiha.

16 Iva, u ħażin ikun għalihom il‑bliet kollha li hawn mal‑madwar, li jinsabu f’idejn in‑Nefiti, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha li jseħħu ġewwa fihom.

17 U araw, se taqa’ saħta fil‑pajjiż, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, minħabba n‑nies li jinsabu fil‑pajjiż, iva, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom.

18 U għad jiġri, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, iva, il‑kbir u l‑veru Alla tagħna, li dawk li se jaħbu t‑teżori fl‑art mhuma se jsibuhom qatt, minħabba s‑saħta kbira fil‑pajjiż, sakemm ma jkunx xi bniedem twajjeb li jaħbih għall‑Mulej.

19 Għax jien nistenna, jgħid il‑Mulej, li huma sejrin jaħbu t‑teżori tagħhom għalija; u misħutin dawk li ma jaħbux it‑teżori tagħhom għalija; għax ħadd ma jaħbi t‑teżori tiegħu għalija għajr it‑twajbin; u dak li ma jaħbix it‑teżor tiegħu għalija, misħut hu, kif ukoll it‑teżor, u ħadd ma jkun jista’ jifdih lura minħabba s‑saħta fil‑pajjiż.

20 U jasal il‑jum meta huma sejrin jaħbu t‑teżori tagħhom, għax huma rabtu qalbhom mal‑għana; u għax huma rabtu qalbhom mal‑għana tagħhom, u meta huma se jaħarbu minn quddiem l‑għedewwa tagħhom huma sejrin jaħbu t‑teżori tagħhom; u għax huma mhumiex se jaħbuhom għalija, misħutin se jkunu huma kif ukoll it‑teżori tagħhom; u f’dak il‑jum lilhom se nikkastiga, jgħid il‑Mulej.

21 Isimgħuni, intom in‑nies ta’ din il‑belt kbira, u agħtu widen għal kliemi; iva, agħtu widen għall‑kliem li jgħid il‑Mulej; għax araw, hu jgħid li intom nies misħuta minħabba ġidkom, u anke ġidkom misħut għax intom irbattu qalbkom miegħu, u ma tajtux widen għal kliem ta’ dak li takom kulma għandkom.

22 Intom ma tiftakrux fil‑Mulej Alla tagħkom fil‑ħwejjeġ li hu berikkom bihom, iżda intom dejjem tiftakru f’ġidkom, mhux biex lill‑Mulej Alla tagħkom għalih troddulu ħajr; tabilħaqq, qalbkom mhijiex marbuta mal‑Mulej, iżda hija mimlija kburija mill‑aktar kbira, liema kburija twassal għall‑ftaħir, u għadab kbir, għall‑għira, għat‑tilwim, għall‑qerq u l‑persekuzzjoni, u għall‑qtil, u kull xorta ta’ ħażen.

23 Kien minħabba f’hekk li l‑Mulej Alla wassal biex tinżel saħta fuq l‑art, kif ukoll fuq ġidkom, u dan minħabba ħżunitkom.

24 Iva, ħażin għalih dan il‑poplu, għax wasal iż‑żmien li fih intom qed twarrbu lill‑profeti, u tiddieħku bihom, u tħaġġruhom, u toqtluhom, u tagħmlulhom kull tip ta’ ħsara, l‑istess kif għamlu n‑nies ta’ żmien ilu.

25 U issa meta titkellmu, intom tgħidu: Kieku aħna konna ngħixu żmien ilu fi żmien missirijietna, ma konniex noqtlu lill‑profeti; ma konniex inħaġġruhom, u nwarrbuhom.

26 Araw intom agħar minnhom; għax daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, jekk fostkom jiġi profeta u jxandrilkom il‑kelma tal‑Mulej, li tagħti xhieda dwar dnubietkom u ħżunitkom, intom teħduha kontrih, u tkeċċuh ’il barra minn fostkom u tagħmlu minn kollox biex teqirduh; iva, intom tgħidu li hu profeta falz, u li huwa bniedem midneb, u mxajtan, għax jistqarr li l‑għemejjel tagħkom huma ħżiena.

27 Iżda araw, jekk jiġi xi ħadd fostkom u jgħid: Agħmlu dan, u ma jeżisti l‑ebda ħażen; agħmlu dik u m’intomx se tpattu għaliha; iva, huwa jgħid: Imxu skont kif tgħidilkom qalbkom; iva, imxu skont kif tmexxikom għajnejkom, u agħmlu dak kollu li tixtieq qalbkom—u jekk jiġi xi ħadd fostkom u jgħid dan, lilu intom tilqgħu, u tgħidu li hu profeta.

28 Iva, lilu intom tgħollu ’l fuq, u taqsmu ġidkom miegħu; taqsmu miegħu d‑deheb tagħkom, u l‑fidda tagħkom, u tlibbsuh b’ilbies jiswa’ l‑flus; u għax joqgħod jgħidilkom ħafna kliem ħelu u falz, u jgħid li kollox sew, intom ma ssibu xejn xi tgħidu fuqu.

29 Ja nisel ħażin u mħawwad; ja poplu ta’ qalb u ras iebsa, kemm taħsbu li l‑Mulej se jdum jissoportikom? Iva, kemm se ddumu tħallu lilkom infuskom tiġu mmexxija minn mexxejja boloh u għomja? Iva, kemm se ddumu tagħżlu d‑dlam minflok id‑dawl?

30 Iva, araw, diġà qed tixgħel il‑qilla tal‑Mulej għalikom; araw, huwa seħet l‑art minħabba ħżunitkom.

31 U araw, jasal iż‑żmien meta huwa se jisħet ġidkom, u dan jibda jiżolqilkom, u ma tkunux tistgħu żżommuh aktar; u fi żmien il‑faqar tagħkom ma jkunx jista’ jibqa’ aktar f’idejkom.

32 U fi żmien il‑faqar tagħkom intom tibdew issejħu lill‑Mulej; u għal xejn tgħajtu, għax il‑qerda tagħkom tkun fuqkom diġà, u l‑qerda tagħkom hija ċerta; u f’dak il‑jum se jkun hemm it‑tnewwieħ u l‑biki, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti. U mbagħad kollkom niket intom tgħidu:

33 O li kieku jiena ndimt, u lill‑profeti jiena ma qtiltx u ma ħaġġartx, u lilhom jiena ma warrabtx. Iva, f’dak il‑jum intom tgħidu: O li kieku aħna ftakarna fil‑Mulej Alla tagħna fil‑jum li huwa tana dak kollu li għandna, u b’hekk ġidna ma kienx isir jiżloq u nispiċċaw nitilfuh; għax araw, ġidna m’għadux aktar f’idejna.

34 Araw, inpoġġu biċċa għodda hawnhekk u l‑għada ma nsibuhiex; u araw, ix‑xwabel tagħna ttieħdulna fil‑jum li morna nfittxuhom biex niġġieldu.

35 Iva, aħna ħbejna t‑teżori tagħna u żelqu minn idejna minħabba s‑saħta fil‑pajjiż.

36 O li kieku aħna ndimna fil‑jum li rċevejna l‑kelma tal‑Mulej; għax araw il‑pajjiż huwa misħut, u kollox qed isir jiżloq, u f’idejna ma nistgħu nżommu xejn.

37 Araw, aħna ninsabu mdawrin bid‑demonji, iva, ninsabu ċċirkondati mill‑anġli ta’ dak li pprova jeqridilna ruħna. Araw, il‑ħażen tagħna huwa kbir. O Mulej, tista’ inti twarrab l‑għadab tiegħek minn fuqna? U dan se jkun kliemkom f’dawk il‑jiem.

38 Iżda araw, il‑jiem ta’ prova tagħkom għaddew; intom bqajtu tipposponu jum is‑salvazzjoni tagħkom sakemm issa sar għal dejjem tard wisq, u l‑qerda tagħkom hija ċerta; iva, għax intom għaddejtu ħajjitkom kollha tfittxu dak li ma tistgħux tiksbu; u bdejtu tfittxu l‑kuntentizza billi twettqu l‑ħażen, ħaġa li tmur kontra n‑natura ta’ dak li hu sewwa li tinsab fil‑Mexxej kbir u Għal Dejjem tagħna.

39 O poplu tal‑art, nitlobkom tisimgħu kliemi! U nitlob biex il‑qilla tal‑Mulej terġa’ lura minnkom, u li intom tindmu u ssalvaw.