Skrittura
Ħelaman 10


Kapitlu 10

Il‑Mulej jagħti lil Nefi l‑qawwa tas‑siġill—Huwa jiġi mogħti l‑qawwa li jorbot u jħoll fuq l‑art u fis‑smewwiet—Huwa jordna lin‑nies biex jindmu jew inkella jinqerdu—L‑Ispirtu jieħdu minn miġemgħa għall‑oħra. Madwar 21–20 Q.K.

1 U ġara li seħħet qasma fi ħdan il‑poplu, min mar ’l hemm u min mar ’l hawn u kulħadd mar għal triqtu, u ħallew lil Nefi waħdu, waqt li kien wieqaf f’nofshom.

2 U ġara li Nefi rħielha lejn daru, jixtarr dwar dawk il‑ħwejjeġ li wrieh il‑Mulej.

3 U b’hekk ġara li waqt li kien qed jixtarr—imnikket għall‑aħħar minħabba l‑ħażen tal‑poplu Nefita, l‑għemejjel sigrieti tad‑dlam tagħhom, u l‑qtil tagħhom, u s‑serq tagħhom, u kull xorta ta’ ħażen—u b’hekk ġara li waqt li kien qed jixtarr f’qalbu, araw, huwa sema’ leħen jgħidlu:

4 Imbierek inti, Nefi, għal dak kollu li inti wettaqt; għax jiena rajt kif inti xandart bla heda l‑kelma li jiena żvelajtlek ma’ dan il‑poplu. U inti ma bżajtx minnhom, u ma qgħadtx tibża’ għal ħajtek, iżda rajt li tagħmel ir‑rieda tiegħi, u li tħares il‑kmandamenti tiegħi.

5 U issa, għax inti għamilt dan b’mod daqstant persistenti, ara, jiena se nbierkek għal dejjem; u se nagħtik il‑qawwa fil‑kelma u fl‑għemil, fil‑fidi u f’kulma tagħmel; iva, isir lilek sewwasew skont kelmtek, għax inti m’inti se titlob xejn li jmur kontra r‑rieda tiegħi.

6 Ara, inti Nefi, u jiena Alla. Ara, jiena se nistqarr miegħek fil‑preżenza tal‑anġli tiegħi, li inti sejjer ikollok il‑qawwa fuq dan il‑poplu, u int se tidrob l‑art permezz tal‑ġuħ, u l‑pesta, u l‑qerda, skont il‑ħażen ta’ dan il‑poplu.

7 Ara, jiena nagħtik qawwa, li kull ma tissiġilla fuq l‑art ikun issiġillat fis‑smewwiet; u kull ma tħoll fuq l‑art ikun maħlul fis‑smewwiet; u din hi l‑qawwa li inti se jkollok fost dan il‑poplu.

8 U għalhekk, jekk lil dan it‑tempju inti tgħidlu biex jinqsam fi tnejn, hekk isir.

9 U jekk lil din il‑muntanja inti tgħidilha, irridek iċċedi u ssir terrapien, hekk isir.

10 U ara, jekk inti tgħid li Alla se jolqot lil dan il‑poplu, hekk jiġri.

11 U issa ara, jiena qed nordnalek biex inti tmur u xxandar il‑kelma lil dan il‑poplu, li dan hu li qal il‑Mulej Alla, Dak li jista’ kollox: Jekk intom ma tindmux intom se tintlaqtu, sewwasew sejrin tinqerdu.

12 U araw, issa ġara li meta l‑Mulej qal dan il‑kliem lil Nefi, huwa waqaf u ma kompliex sejjer lejn daru, iżda reġa’ lura lejn il‑miġemgħa li kienet imxerrda ma’ wiċċ l‑art, u beda jxandrilhom il‑kelma tal‑Mulej li ġiet imxandra lilu, dwar il‑qerda tagħhom jekk huma ma jindmux.

13 Issa araw, minkejja dak il‑miraklu kbir li għamel Nefi meta għarrafhom bil‑mewt tal‑prim imħallef, huma webbsu qalbhom u ma tawx widen għal kliem il‑Mulej.

14 Għalhekk Nefi xandrilhom il‑kelma tal‑Mulej u qalilhom: Jekk intom ma tindmux, dan jgħid il‑Mulej, intom se tintlaqtu, sewwasew sejrin tinqerdu.

15 U ġara li meta Nefi xandrilhom il‑kelma, araw, huma baqgħu jwebbsu qalbhom u ma ridux jagħtu widen għal kliemu; għalhekk huma bdew iżebilħuh, u ppruvaw jaqbduh taħt idejhom ħalli jkunu jistgħu jixħtuh il‑ħabs.

16 Iżda araw, il‑qawwa ta’ Alla kienet miegħu, u huma ma setgħux jaqbduh u jixħtuh il‑ħabs, għax huwa ttieħed mill‑Ispirtu u telaq minn nofshom.

17 U b’hekk ġara li fl‑Ispirtu huwa beda jmur iżur miġemgħa wara l‑oħra, ixandar il‑kelma ta’ Alla, sewwasew sakemm mar ixandarha ma’ kulħadd, jew ra li tkun imxandra fost il‑poplu kollu.

18 U ġara li huma ma tawx widen ta’ kliemu; u huma bdew jitlewmu, hekk li bdew jinqasmu fi gruppi differenti u bdew joqtlu lil xulxin permezz tax‑xabla.

19 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena wieħed u sebgħin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.