Skrittura
Mormon 9


Kapitlu 9

Moroni jappella lil dawk li ma jemmnux fi Kristu sabiex jindmu—Huwa jitkellem dwar Alla tal‑mirakli, li jagħti r‑rivelazzjoni lill‑fidili u jsawwab fuqhom ċerti doni u sinjali—Il‑mirakli jieqfu jseħħu minħabba n‑nuqqas ta’ fidi—Is‑sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu—Il‑bnedmin huma mitluba sabiex ikunu għaqlin u jħarsu l‑kmandamenti. Madwar W.K. 401–421.

1 U issa, se nitkellem dwar dawk li ma jemmnux fi Kristu.

2 Araw, se temmnu intom fil‑jum li fih se jiġi jżurkom—araw, meta jiġi l‑Mulej, iva, sewwasew f’dak il‑jum il‑kbir meta d‑dinja bħal ktieb titkebbeb, u l‑elementi tad‑dinja bin‑nar jinqerdu, iva, f’dak il‑jum il‑kbir meta intom tittieħdu sabiex tieqfu quddiem il‑Ħaruf ta’ Alla—imbagħad x’se tgħidu, li m’hemmx Alla?

3 Imbagħad intom x’se tagħmlu, tkomplu tiċħdu lil Kristu, jew iddawru ħarsitkom lejn il‑Ħaruf ta’ Alla? Taħsbu li intom se tkunu tistgħu tgħammru miegħu meta tkunu konxji minn ħtijietkom? Taħsbu intom li tistgħu qatt tkunu kuntenti tgħammru ma’ dak l‑Esseru qaddis, meta ruħkom tkun tinsab itturmentata minħabba li tkunu konxji li intom ħatja li kontinwament bqajtu tiksru l‑liġijiet tiegħu?

4 Araw, jien ngħidilkom li intom tħossukom aktar miżerabbli kieku kellkom tgħammru ma’ Alla l‑qaddis u ġust, minħabba li tkunu konxji quddiemu mill‑ħmieġ tagħkom, milli jekk intom tgħammru mal‑erwieħ ikkundannati fl‑infern.

5 Għax araw, meta intom tittieħdu sabiex tagħrfu l‑għera tagħkom quddiem Alla, kif ukoll il‑glorja ta’ Alla, u l‑qdusija ta’ Ġesù Kristu, fuqkom intom tkunu qed tqabbdu fjamma nar li ma jintefiex.

6 Għalhekk, intom kollha li ma temmnux, duru lejn il‑Mulej; itolbu b’qawwa lill‑Missier f’isem Ġesù, biex forsi tiġu misjuba li intom bla tebgħa, safja, nodfa u bojod, minħabba li tkunu ġejtu mnaddfa permezz ta’ demm il‑Ħaruf, f’dak il‑jum kbir u aħħari.

7 U jien se nerġa’ nkellem lilkom illi tiċħdu r‑rivelazzjonijiet ta’ Alla, u li tgħidu li dawn għadda żmienhom, u li m’għadx hawn aktar rivelazzjonijiet, profeziji, doni, fejqan, persuni li jitkellmu bl‑ilsna, u interpretazzjoni tal‑ilsna;

8 Araw jien ngħidilkom, dak li jiċħad dawn il‑ħwejjeġ ma jafx l‑evanġelju ta’ Kristu; iva, huwa ma qarax l‑iskrittura; jew jekk qaraha, ma jifhimhiex.

9 Għax ma naqrawx li Alla hu dak li kien fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem, u li fih ma hemm l‑ebda tibdil u l‑ebda dell ta’ tidwir?

10 U issa, jekk intom immaġinajtu xi alla li joqgħod jinbidel, u li fih hemm xi dell ta’ tidwir, mela intom immaġinajtu alla li mhuwiex Alla tal‑mirakli.

11 Għax araw, jiena se nurikom li Alla huwa Alla tal‑mirakli, sewwasew huwa l‑Alla ta’ Abraham, u l‑Alla ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb; u li huwa l‑istess Alla li ħoloq is‑sema u l‑art, u kull ħaġa li hemm fihom.

12 Araw, huwa ħoloq lil Adam, u permezz ta’ Adam ġiet fis‑seħħ il‑waqgħa tal‑bniedem. U minħabba l‑waqgħa tal‑bniedem ġie Ġesù Kristu, li huwa l‑Missier u l‑Iben; u minħabba Ġesù Kristu ġiet fis‑seħħ il‑fidwa tal‑bnedmin.

13 U minħabba l‑fidwa tal‑bnedmin, li ġiet fis‑seħħ permezz ta’ Ġesù Kristu, huma jinġiebu lura fil‑preżenza tal‑Mulej; iva, dan huwa kif il‑bnedmin kollha jiksbu l‑fidwa, għaliex il‑mewt ta’ Kristu twassal għall‑qawmien, li jwassal għal fidwa minn raqda li ma tintemm qatt, liema raqda l‑bnedmin kollha minnha sejrin iqumu permezz tal‑qawwa ta’ Alla meta ddoqq it‑tromba; u huma sejrin imorru, kemm iż‑żgħar u kemm il‑kbar, u jieqfu quddiem l‑iżbarra tiegħu, u huma sejrin jiksbu l‑fidwa u se jinħallu mill‑irbit etern tal‑mewt, liema mewt hija mewt temporali.

14 U mbagħad jasal fuqhom il‑ħaqq tal‑Qaddis; u mbagħad jasal iż‑żmien li fih min hu maħmuġ, se jkompli jitħammeġ; u min jagħmel is‑sewwa, se jkompli jagħmel is‑sewwa; u min hu kuntent se jibqa’ jħossu kuntent; u min huwa mnikket, se jibqa’ jħossu mnikket.

15 U issa, intom kollha li mmaġinajtu alla li ma jwettaq l‑ebda mirakli, jien nistaqsikom, allura dan kollu li jien tkellimt dwaru għadda? It‑tmiem diġà wasal? Araw jien ngħidilkom, Le; u Alla ma waqafx ikun Alla tal‑mirakli.

16 Araw, allura f’għajnejna l‑ħwejjeġ li wettaq Alla mhumiex ħwejjeġ tal‑għaġeb? Iva, u min jista’ jifhem l‑għemejjel tal‑għaġeb ta’ Alla?

17 Min jista’ jgħid li ma kienx miraklu li permezz tal‑kelmtu ġew maħluqa s‑sema u l‑art; u permezz tal‑qawwa ta’ kelmtu l‑bniedem ġie maħluq mit‑trab tal‑art; u bil‑qawwa ta’ kelmtu ġew imwettqa l‑mirakli?

18 U min jista’ jgħid li Ġesù Kristu ma wettaqx bosta mirakli tal‑għaġeb? U ħafna kienu l‑mirakli tal‑għaġeb li ġew mwettqa permezz ta’ id l‑appostli.

19 U jekk dak iż‑żmien twettqu l‑mirakli, għalfejn Alla ma baqax aktar Alla tal‑mirakli u madankollu baqa’ Esseru li ma jinbidilx? U araw, jien ngħidilkom li huwa ma jinbidilx; għax jekk hu jinbidel huwa ma jibqax aktar Alla; u hu ma jieqaf qatt ikun Alla, u Alla tal‑mirakli hu.

20 U r‑raġuni għalfejn hu jieqaf iwettaq il‑mirakli fost ulied il‑bnedmin hi minħabba li huma, ftit, ftit jitilfu l‑fidi, u jitbiegħdu mit‑triq it‑tajba, u ma jibqgħux jagħrfu aktar lil dak Alla li fih għandhom jafdaw.

21 Araw, jien ngħidilkom li min jemmen fi Kristu, bla ma jiddubita, dak kollu li huwa jitlob lill‑Missier f’isem Kristu jingħatalu; u din il‑wegħda tgħodd għal kulħadd, minn tarf sa tarf tad‑dinja.

22 Għax araw, dan hu dak li Ġesù Kristu, Bin Alla, qal lid‑dixxipli tiegħu li kellhom jibqgħu jgħammru fuq l‑art, iva, kif ukoll lid‑dixxipli kollha tiegħu, waqt li l‑miġemgħa semgħet kliemu: Morru fid‑dinja kollha, xandru l‑evanġelju lil kull ħlejqa;

23 U min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat;

24 U dawn huma s‑sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu—f’ismi jkeċċu x‑xjaten; jitkellmu b’ilsna ġodda; jaqbdu s‑sriep b’idejhom; jekk jixorbu xorb li jġib il‑mewt ma jagħmlilhomx ħsara; u jqiegħdu idejhom fuq il‑morda u dawn ifiqu;

25 U min jemmen f’ismi, bla ma jiddubita, jien nikkonfermalu kliemi, kollu kemm hu, sewwasew minn tarf sa tarf tad‑dinja.

26 U issa, araw, min kapaċi jirreżisti l‑għemejjel tal‑Mulej? Min jista’ jiċħad kliemu? Min se jqum kontra l‑qawwa setgħana tal‑Mulej? Min se jmaqdar l‑għemejjel tal‑Mulej? Min se jmaqdar lil ulied Kristu? Araw, intom kollha li tmaqdru l‑għemejjel tal‑Mulej, għad tistagħġbu u tgħibu.

27 Għalhekk la tmaqdrux, u tistagħġbux, iżda agħtu widen għal kliem il‑Mulej, u itolbu lill‑Missier f’isem Ġesù għal dak kollu li intom teħtieġu. La tiddubitawx, iżda emmnu, u araw li tibdew tagħmlu bħan‑nies ta’ żmien tal‑qedem, tersqu lejn il‑Mulej b’qalbkom kollha, u tħabirku għas‑salvazzjoni tagħkom bil‑biża’ u t‑tregħid.

28 Kunu bil‑għaqal fil‑jiem ta’ prova tagħkom; eħilsu lilkom infuskom minn kull xorta ta’ ħmieġ; titolbux sabiex ikollkom xi tberbqu fix‑xalar, iżda itolbu b’fidi ferma, li ma taqgħux fit‑tiġrib, iżda li taqdu lil Alla veru u ħaj.

29 Araw li ma titgħammdux bla ma jixirqilkom; araw li ma tieħdux sehem fis‑sagrament ta’ Kristu bla ma jixirqilkom; iżda araw li tkunu denji f’dak kollu li tagħmlu, u agħmluh f’isem Ġesù Kristu, Bin Alla l‑ħaj; u jekk intom tagħmlu dan, u tibqgħu sħaħ sal‑aħħar, bl‑ebda mod ma tiġu mwarrbin.

30 Araw, jien qed inkellimkom bħal wieħed jitkellem mid‑dinja tal‑mejtin; għax jiena naf li kliemi jeħtieġ li jiġi żvelat lilkom.

31 La tikkundannawnix minħabba l‑imperfezzjoni tiegħi, u tikkundannawx lanqas lil missieri, minħabba l‑imperfezzjoni tiegħu, u lil dawk li kitbu qablu; iżda minflok araw li tagħtu ġieħ lil Alla talli wriekom l‑imperfezzjoni tagħna, ħalli tkunu tistgħu titgħallmu biex tkunu aktar għaqlin milli konna aħna.

32 U issa, araw, aħna ktibna dan ir‑rakkont skont l‑għarfien li aħna għandna tal‑karattri li huma magħrufin fostna bħala Eġizzjan riformat, li ġew mgħoddija lilna u li aħna bdilna skont il‑mod li bih nitkellmu.

33 U kieku l‑pjanċi tagħna kienu kbar biżżejjed konna niktbu bl‑Ebrajk; iżda aħna anke l‑Ebrajk bdilna; u li kieku ktibna bl‑Ebrajk, araw, ir‑rakkont tagħna ma kien ikun fih l‑ebda imperfezzjoni.

34 Iżda l‑Mulej hu konxju minn dak li aħna ktibna, u konxju wkoll li l‑ebda poplu ieħor ma jaf il‑lingwa tagħna; u peress li l‑ebda poplu ieħor ma jaf il‑lingwa tagħna, għalhekk huwa ħejja mod kif għandha tiġi interpretata.

35 U dawn il‑ħwejjeġ inkitbu biex aħna nkunu nistgħu nsaffu lbiesna mid‑demm ta’ ħutna, li ftit, ftit spiċċaw biex tilfu l‑fidi.

36 U araw, dawn il‑ħwejjeġ li aħna ttamajna għalihom fejn jidħlu ħutna, iva, jiġifieri li huma jerġgħu jagħrfu lil Kristu, huma sewwasew l‑istess ħwejjeġ li talbu għalihom il‑qaddisin kollha li kienu jgħammru f’din l‑art.

37 U jalla l‑Mulej Ġesù Kristu talbhom jisma’ skont il‑fidi tagħhom; u jalla l‑Missier Alla jiftakar fil‑patt li huwa għamel mad‑dar ta’ Iżrael; u jalla huwa jberikom għal dejjem, permezz tal‑fidi tagħhom f’isem Ġesù Kristu. Ammen.