Skrittura
Mormon 4


Kapitlu 4

Tkompli l‑gwerra u jkompli t‑tixrid tad‑demm—Il‑ħżiena jikkastigaw lill‑ħżiena—Il‑ħażen jinxtered aktar minn qatt qabel ma’ Iżrael kollu—In‑nisa u t‑tfal jiġu ssagrifikati lill‑allat foloz—Il‑Lamaniti jibdew jeqirdu lin‑Nefiti kollha li jsibu quddiemhom. Madwar W.K. 363–375.

1 U issa ġara li fis‑sena tliet mija u tlieta u sittin in‑Nefiti telqu mill‑art ta’ Ħerba u telgħu flimkien mal‑armati tagħhom biex jiġġieldu kontra l‑Lamaniti.

2 U ġara li l‑armati tan‑Nefiti ġew imġiegħla jirtiraw għal darb’oħra lejn l‑art ta’ Ħerba. U meta kienu għadhom maħkumin minn għeja kbira, ħabtu għalihom il‑Lamaniti, b’armata ta’ suldati friski; u huma ġġieldu battalja mill‑aktar qalila, hekk li l‑Lamaniti spiċċaw ħadu f’idejhom il‑belt ta’ Ħerba, u qatlu bosta Nefiti, u qabdu ħafna minnhom bħala priġunieri.

3 U l‑bqija spiċċaw ħarbu u ngħaqdu man‑nies li kienu jgħammru fil‑belt ta’ Teankum. Issa l‑belt ta’ Teankum kienet tinsab fil‑fruntieri ma’ xatt il‑baħar; u kienet tinsab ukoll qrib il‑belt ta’ Ħerba.

4 U kien minħabba li marru jaħbtu għal‑Lamaniti li l‑armati tan‑Nefiti bdew jintlaqtu ħażin; għax kieku ma kienx għal dan, il‑Lamaniti ma kien ikollhom l‑ebda kontroll fuqhom.

5 Iżda, araw, il‑ħżiena se jintlaqtu mill‑ħaqq ta’ Alla; u hu permezz tal‑ħżiena li l‑ħżiena jiġu kkastigati; għax huma l‑ħżiena li jipprovokaw qlub ulied il‑bnedmin u jwassluhom biex id‑demm ixerrdu.

6 U ġara li l‑Lamaniti bdew jitħejjew sabiex jiġu jaħbtu għall‑belt ta’ Teankum.

7 U ġara li fis‑sena tliet mija u erbgħa u sittin il‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għall‑belt ta’ Teankum, ħalli jkunu jistgħu jieħdu f’idejhom ukoll il‑belt ta’ Teankum.

8 U ġara li huma ġew imġiegħla jerġgħu lura min‑Nefiti. U meta n‑Nefiti raw li kienu ġegħlu lil‑Lamaniti jmorru lura minn fejn ġew huma bdew jiftaħru bihom infushom; u mingħajr ma talbu għall‑għajnuna divina huma marru u ħadu f’idejhom għal darb’oħra l‑belt ta’ Ħerba.

9 U issa dan kollu ġie fis‑seħħ, u kienu eluf li sfaw maqtula, sew minn naħa u sew minn oħra, sew Nefiti u sew Lamaniti.

10 U ġara li s‑sena tliet mija u sitta u sittin ġiet fi tmiemha, u l‑Lamaniti reġgħu ġew biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti; madankollu n‑Nefiti baqgħu ma nidmux mill‑għemejjel ħżiena tagħhom, iżda kontinwament baqgħu jippersistu fi ħżunithom.

11 U mhuwiex possibbli li xi lsien jiddeskrivi, jew li xi bniedem jikteb deskrizzjoni perfetta tax‑xena mill‑aktar orribbli ta’ tixrid ta’ demm u qtil li seħħet fost il‑poplu, kemm dak Nefita u kemm dak Lamanita; u kull qalb spiċċat twebbset, hekk li huma bdew kontinwament jieħdu gost bit‑tixrid tad‑demm.

12 U skont il‑kelma tal‑Mulej, qatt qabel ma deher ħażen daqstant kbir fost l‑ulied kollha ta’ Leħi, kif ukoll fost id‑dar kollha ta’ Iżrael, daqs il‑ħażen li kien hemm fost dan il‑poplu.

13 U ġara li l‑Lamaniti spiċċaw ħadu f’idejhom il‑belt ta’ Ħerba, u huma waslu biex għamlu dan peress li huma kienu ferm aktar milli kienu n‑Nefiti.

14 U huma marru jaħbtu wkoll għall‑belt ta’ Teankum, u minnha keċċew ’il barra lil dawk kollha li kienu jgħammru fiha, u f’idejhom qabdu kemm nisa kif ukoll tfal bħala priġunieri, u offrewhom bħala sagrifiċċji lill‑allat foloz tagħhom.

15 U ġara li fis‑sena tliet mija u sebgħa u sittin, in‑Nefiti, li kienu nkorlati waħda sew peress li l‑Lamaniti kienu ssagrifikaw lin‑nisa u lit‑tfal tagħhom, marru b’saħna kbira fuqhom jeħduha kontra l‑Lamaniti, hekk li huma spiċċaw għelbu lil‑Lamaniti għal darb’oħra, u keċċewhom ’il barra minn artijiethom.

16 U sas‑sena tliet mija u ħamsa u sebgħin il‑Lamaniti ma reġgħux ġew jeħduha kontra n‑Nefiti.

17 U f’din is‑sena huma niżlu biex jeħduha kontra n‑Nefiti bil‑forzi kollha tagħhom; u kemm kienu ma nafux, minħabba l‑għadd kbir tagħhom.

18 U minn dak inhar ’il quddiem in‑Nefiti qatt ma rnexxielhom jegħlbu aktar lil‑Lamaniti, iżda huma bdew jinqerdu bħan‑nida li tgħib meta tfeġġ ix‑xemx.

19 U ġara li l‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għall‑belt ta’ Ħerba; u faqqgħet gwerra mill‑aktar qalila fl‑art ta’ Ħerba, li fiha huma spiċċaw għelbu lin‑Nefiti.

20 U huma ħarbu għal darb’oħra minn quddiemhom, u waslu fil‑belt ta’ Bogħaż; u hemmhekk bdew jirreżistu lil‑Lamaniti bi qlubija liema bħalha, hekk li baqgħu ma ġewx megħluba mil‑Lamaniti sakemm huma reġgħu ġew għat‑tieni darba.

21 U meta huma ġew għat‑tieni darba, in‑Nefiti kienu mġiegħla jaħarbu u ħafna sfaw maqtula f’massakru mill‑aktar kbir; u n‑nisa u t‑tfal tagħhom għal darb’oħra ġew issagrifikati lill‑allat foloz.

22 U ġara li n‑Nefiti reġgħu ħarbu minn quddiemhom, u magħhom ħadu lil dawk kollha li kienu jgħammru kemm fl‑ibliet kif ukoll fl‑irħula.

23 U issa jiena, Mormon, għax qed nara li l‑Lamaniti se jispiċċaw jagħmlu ħerba sħiħa mill‑pajjiż, mort fuq l‑għolja ta’ Xim, u minn hemm ħadt għandi l‑annali kollha li Ammaron kien ħeba għall‑Mulej.