Skrittura
Mormon 2


Kapitlu 2

Mormon imexxi l‑armati Nefiti—Tixrid ta’ demm u qtil mal‑pajjiż kollu—In‑Nefiti jibku u jixhru waqt li l‑ikkundannati jitnikktu—Jgħaddilhom il‑jum ta’ grazzja tagħhom—Mormon jikseb il‑pjanċi ta’ Nefi—Ikomplu l‑gwerer. Madwar W.K. 327–350.

1 U ġara li f’dik l‑istess sena reġa’ ngħata bidu għal gwerra bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti. U minkejja li kont għadni żgħir, jiena kont ta’ statura kbira; għalhekk in‑nies ta’ Nefi ħatruni sabiex inkun il‑mexxej tagħhom, jew aħjar, il‑mexxej tal‑armati tagħhom.

2 Għalhekk ġara li meta kelli sittax‑il sena jiena mort immexxi l‑armata tan‑Nefiti kontra l‑Lamaniti; u b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tliet mija u sitta u għoxrin.

3 U ġara li fis‑sena tliet mija u sebgħa u għoxrin il‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għalina b’qawwa liema bħalha, hekk li rnexxielhom joħolqu biża’ fost l‑armati tiegħi; minħabba f’hekk huma ma ridux jiġġieldu, u bdew jirtiraw lura lejn l‑artijiet tat‑tramuntana.

4 U ġara li aħna wasalna fil‑belt ta’ Angola, u ħadna l‑belt f’idejna, u bdejna nitħejjew sabiex niddefendu ruħna kontra l‑Lamaniti. U ġara li aħna saħħaħna l‑belt bil‑qawwa kollha tagħna; iżda minkejja l‑fortifikazzjonijiet kollha tagħna l‑Lamaniti spiċċaw biex ħabtu għalina u keċċewna ’l barra mill‑belt.

5 U keċċewna ’l barra wkoll mill‑art ta’ David.

6 U aħna bqajna mexjin u wasalna fl‑art ta’ Ġożwè, li kienet tinsab fil‑fruntieri tan‑naħa tal‑punent ma’ xatt il‑baħar.

7 U ġara li aħna ġbarna lin‑nies tagħna flimkien fl‑anqas ħin possibbli, ħalli huma jkunu jistgħu jinġabru lkoll fi grupp wieħed.

8 Iżda araw, il‑pajjiż kien mimli ħallelin u Lamaniti; u minkejja li n‑nies tiegħi kien hemm qerda kbira tistennihom, huma ma nidmux mill‑għemejjel ħżiena tagħhom; għalhekk kien hemm it‑tixrid tad‑demm u l‑qtil mal‑pajjiż kollu, kemm fuq in‑naħa tan‑Nefiti kif ukoll fuq in‑naħa tal‑Lamaniti; u dan wassal għal rivoluzzjoni sħiħa madwar il‑pajjiż kollu.

9 U issa, il‑Lamaniti kellhom sultan jismu Aron; u huwa ġie biex jaħbat għalina flimkien ma’ armata ta’ erbgħa u erbgħin elf ruħ. U araw, jiena waqaftlu flimkien ma’ armata ta’ tnejn u erbgħin elf ruħ. U ġara li fuqu jiena ħriġt rebbieħ permezz tal‑armata tiegħi hekk li huwa ħarab minn quddiemi. U araw, dan kollu ġie fis‑seħħ, u s‑sena tliet mija u tletin ġiet fi tmiemha.

10 U ġara li n‑Nefiti bdew jindmu minn ħżunithom, u huma nfexxew jgħajtu sewwasew kif kien ħabbar Samwel il‑profeta; għax araw ħadd ma seta’ jkompli jżomm għandu dak li kien tiegħu, u dan minħabba l‑ħallelin u l‑briganti, u l‑qattiela, u minħabba l‑arti tal‑maġija, u s‑seħer li kien hemm fil‑pajjiż.

11 Għalhekk, minħabba dawn il‑ħwejjeġ, beda jkun hemm ħafna biki u tnehid mal‑pajjiż kollu, speċjalment fost il‑poplu ta’ Nefi.

12 U ġara li meta jiena, Mormon, rajthom jibku u jixhru u jitnikktu quddiem il‑Mulej, ħassejt hena kbira f’qalbi, għax kont naf kemm hi kbira l‑ħniena u kemm hu kbir is‑sabar tal‑Mulej, għax kont nemmen li huwa kien se jkun ħanin magħhom ħalli huma jerġgħu jsiru poplu ġust.

13 Iżda araw l‑hena tiegħi kienet kollha ta’ xejn, għax in‑niket tagħhom ma kienx frott tal‑indiema, minħabba t‑tjubija ta’ Alla; iżda pjuttost kien niket tal‑ikkundannati, għax il‑Mulej mhux se jħallihom dejjem jgħixu fil‑kuntentizza waqt li jkunu fid‑dnub.

14 U huma ma marrux quddiem Ġesù b’qalb maqsuma u spirtu niedem, iżda huma bdew jisħtu lil Alla, u juru x‑xewqa li jmutu. Madankollu huma bdew jitqabdu għal ħajjithom bix‑xabla.

15 U ġara li jien erġajt bdejt inħossni ninħakem min‑niket, u stajt nara li l‑jum ta’ grazzja tagħhom kien għadda, kemm temporalment kif ukoll spiritwalment; għax eluf minnhom jiena rajt jinqatlu waqt li bdew joħduha kontra Alla tagħhom, u huma spiċċaw bħal munżell żibel fuq wiċċ l‑art. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tliet mija u erbgħa u erbgħin.

16 U ġara li fis‑sena tliet mija u ħamsa u erbgħin in‑Nefiti bdew jaħarbu minn quddiem il‑Lamaniti; u dawn baqgħu isegwuhom sakemm huma waslu sewwasew fl‑art ta’ Ġason, qabel ma huma setgħu jwaqqfuhom milli jieqfu fil‑post ta’ refuġju tagħhom.

17 U issa, il‑belt ta’ Ġason kienet tinsab qrib l‑art fejn Ammaron kien ħeba l‑annali għall‑Mulej, biex forsi ma jinqerdux. U araw jiena mort, kif kien ordnali nagħmel Ammaron, u ħadt għandi l‑pjanċi ta’ Nefi, u fuqhom ktibt l‑istorja kif kien ordnali nagħmel Ammaron.

18 U fuq il‑pjanċi ta’ Nefi jiena ktibt rakkont iddettaljat dwar il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha kollha; iżda fuq dawn il‑pjanċi se nevita li nikteb rakkont iddettaljat dwar il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom, għax araw, jien ili nara b’għajnejja xeni bla għadd ta’ ħażen u għemejjel mistkerrha sa minn meta kont kapaċi biżżejjed nifhem kif jaġixxi l‑bniedem.

19 U miskin jiena minħabba ħżunithom; għax ili ħajti kollha b’qalbi mimlija niket minħabba ħżunithom; madankollu, naf li jiena sejjer niġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum.

20 U ġara li f’din l‑istess sena n‑nies ta’ Nefi reġgħu bdew jiġu segwiti, u spiċċaw mkeċċija minn fejn kienu. U ġara li aħna ġejna mġiegħla nibqgħu sejrin sakemm wasalna fin‑naħa tat‑tramuntana fl‑art li kien jisimha Xem.

21 U ġara li aħna ffortifikajna l‑belt ta’ Xem, u lin‑nies tagħna ġbarnihom kemm jista’ jkun flimkien, biex forsi jirnexxielna nsalvawhom mill‑qerda.

22 U ġara li fis‑sena tliet mija u sitta u erbgħin huma reġgħu ġew biex jaħbtu għalina.

23 U ġara li jiena kellimt lin‑nies tiegħi, u tlabthom bil‑qawwa kollha tiegħi, biex huma jieqfu bla biża’ quddiem il‑Lamaniti u jiġġieldu għal marthom, u għal uliedhom, u għal djarhom, u għal familthom.

24 U kliemi, b’xi mod, imliehom b’aktar ħeġġa, hekk li huma ma ħarbux minn quddiem il‑Lamaniti, iżda ħaduha magħhom b’ċerta qlubija.

25 U ġara li aħna, b’armata ta’ tletin elf, spiċċajna nitqabdu ma’ armata ta’ ħamsin elf. U ġara li aħna tant waqafnielhom b’determinazzjoni kbira fuqna li huma spiċċaw ħarbu minn quddiemna.

26 U ġara li hekk kif huma ħarbu minn quddiemna aħna morna nsegwuhom permezz tal‑armati tagħna, u erġajna bdejna neħduha magħhom, u spiċċajna għelibnihom; madankollu l‑qawwa tal‑Mulej ma kenitx magħna; iva, aħna tħallejna rajna f’idejna, għax l‑Ispirtu tal‑Mulej ma baqax jgħammar aktar fina; għalhekk aħna sirna poplu dgħajjef, bħal ħutna.

27 U ħassejt qalbi titnikket minħabba l‑istat ħażin li kienu jinsabu fih in‑nies tiegħi, minħabba ħżunithom u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom. Iżda araw, aħna morna nikkumbattu kontra l‑Lamaniti u l‑ħallelin ta’ Gadjantun, sakemm rnexxielna nerġgħu nieħdu f’idejna l‑artijiet ta’ wirtna.

28 U hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tliet mija u disgħa u erbgħin. U fis‑sena tliet mija u ħamsin aħna dħalna fi trattat mal‑Lamaniti u mal‑ħallelin ta’ Gadjantun, li fih aħna spiċċajna biex qsamna magħhom l‑artijiet ta’ wirtna.

29 U l‑Lamaniti spiċċaw tawna l‑art tat‑tramuntana, iva, sewwasew sal‑passaġġ dejjaq li kien iwassal sal‑art tan‑nofsinhar. U lil‑Lamaniti tajnihom l‑art kollha tan‑nofsinhar.