Skrittura
Mormon 5


Kapitlu 5

Mormon jerġa’ jieħu f’idejh it‑tmexxija tal‑armati Nefiti f’battalji li wasslu għal ħafna tixrid ta’ demm u qtil—Il‑Ktieb ta’ Mormon se jinġieb għad‑dawl biex jikkonvinċi lill‑ulied kollha ta’ Iżrael li Ġesù hu l‑Kristu—Minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, il‑Lamaniti jispiċċaw imxerrdin ma’ kullimkien, u l‑Ispirtu ma jibqax jgħammar aktar magħhom—Fl‑aħħar żminijiet huma jirċievu l‑evanġelju mingħand il‑Ġentili. Madwar W.K. 375–384.

1 U ġara li jiena mort fost in‑Nefiti, u mort lura minn kelmti meta kont ħlift li qatt ma kont se ngħinhom aktar; u huma reġgħu poġġewni fit‑tmexxija tal‑armati tagħhom, għax kienu jħarsu lejja bħala xi ħadd li seta’ jeħlishom minn hemmhom.

2 Iżda araw, jien ma kelli l‑ebda tama, għax kont naf li l‑Mulej kien se jagħmel ħaqq minnhom; għax huma ma kinux nidmu minn ħżunithom, iżda baqgħu jitqabdu għal ħajjithom bla ma jduru lejn dak l‑Esseru li ħalaqhom.

3 U ġara li l‑Lamaniti ġew biex jaħbtu għalina hekk kif konna qed naħarbu lejn il‑belt tal‑Ġordan; iżda araw, huma ġew imġiegħla jerġgħu lura hekk li dik id‑darba ma rnexxielhomx jieħdu l‑belt f’idejhom.

4 U ġara li huma reġgħu ġew biex jaħbtu għalina, u aħna bqajna nżommu l‑belt taħt idejna. U kien hemm ukoll bliet oħra li n‑Nefiti bqajna nżommu taħt idejna, li l‑fortifikazzjonijiet tagħhom żammewhom milli jinfiltraw fir‑reġjun ta’ madwarna, u jeqirdu l‑abitanti ta’ pajjiżna.

5 Iżda ġara li l‑inħawi kollha li aħna għaddejna minnhom, fejn in‑nies li kienu jgħammru fihom baqgħu ma nġabrux f’post wieħed, spiċċaw inqerdu mil‑Lamaniti, u l‑ibliet, u l‑irħula tagħhom spiċċaw maħruqa bin‑nar; u b’hekk għaddew tliet mija u disgħa u sebgħin sena.

6 U ġara li fis‑sena tliet mija u tmenin il‑Lamaniti ġew biex jiġġieldu kontrina, u aħna rreżistejnihom b’qawwa; iżda kien kollox ta’ xejn, għax huma tant kienu, li spiċċaw biex għaffġu lin‑nies Nefiti taħt saqajhom.

7 U ġara li aħna erġajna ħrabna minn fejn konna, u dawk fostna li ġrew aktar mil‑Lamaniti spiċċaw ħelsuha, iżda dawk li ma ġrewx aktar mil‑Lamaniti spiċċaw biex ġew miknusa u meqruda.

8 U issa araw jiena, Mormon, ma nixtieqx nitturmenta ruħ il‑bnedmin billi noqgħod niddeskrivilhom xena orribbli ta’ qtil u tixid id‑demm bħal din li jiena rajt quddiem għajnejja; iżda jien, għax naf mingħajr l‑iċken dubju li dan kollu għad isir magħruf, u li dak kollu li hu moħbi għad jiġi żvelat minn fuq il‑bjut—

9 U naf ukoll li l‑għarfien ta’ dan kollu għad jasal għand il‑fdal ta’ dan il‑poplu, kif ukoll għand il‑Ġentili, li kif qal il‑Mulej sejrin ixerrdu lil dan il‑poplu, u li dan il‑poplu se jitqies bħallikieku mhu xejn fosthom—għalhekk jiena se nikteb daqsxejn ta’ sommarju żgħir, għax ma nazzardax nikteb rakkont sħiħ ta’ dak li jiena rajt, minħabba l‑kmandament li jiena rċevejt, kif ukoll biex intom ma tinħakmux minn daqstant niket minħabba ħżunit dan il‑poplu.

10 U issa araw, dan hu li jiena se ngħid lil nisilhom, kif ukoll lill‑Ġentili li jimpurtahom mid‑dar ta’ Iżrael, li jirrealizzaw u jagħrfu minn fejn jiġu l‑barkiet tagħhom.

11 Għax jiena naf li dawn in‑nies jitnikktu verament minħabba d‑diżastri li jolqtu lid‑dar ta’ Iżrael; iva, huma jitnikktu verament minħabba l‑qerda ta’ dan il‑poplu; huma jitnikktu verament li dan il‑poplu baqa’ ma nidimx, huma li setgħu ġew milqugħin f’dirgħajn Ġesù.

12 Issa dawn il‑ħwejjeġ inkitbu għall‑fdal tad‑dar ta’ Ġakobb u nkitbu b’dan il‑mod, għaliex ġie mgħarraf lili minn Alla li minħabba ħżunithom huma mhumiex se jirċevuhom; u jeħtieġ li huma jinħbew għall‑Mulej ħalli jkunu jistgħu jinġiebu għad‑dawl fiż‑żmien dovut tiegħu.

13 U dan huwa l‑kmandament li jiena rċevejt; u araw, huma sejrin jinġiebu għad‑dawl skont il‑kmandament tal‑Mulej, meta, fl‑għerf tiegħu, huwa jħoss li jkun wasal iż‑żmien.

14 U araw, huma se jaslu għand dawk il‑Lhud li ma jemmnux; u huma se jaslu għandhom għal dan il‑għan—ħalli huma jipperswadu ruħhom li Ġesù hu l‑Kristu, Bin Alla l‑ħaj; li l‑Missier ikun jista’ jġib fis‑seħħ, permezz tal‑akbar Għażiż tiegħu, l‑għan kbir u għal dejjem tiegħu, fejn huwa jirrestawra lil‑Lhud, jew lid‑dar kollha ta’ Iżrael, fl‑art ta’ wirthom, li ġiet mogħtija lilhom mill‑Mulej Alla tagħhom biex il‑patt li hu għamel ikun jista’ jiġi fis‑seħħ;

15 Kif ukoll biex nisel dan il‑poplu jkun jista’ jemmen b’mod aktar sħiħ l‑evanġelju tiegħu, li se jitwassal lilhom mill‑Ġentili; għax dan il‑poplu sejjer jinxtered, u se jsir poplu ismar, maħmuġ u disgustanti, lil hinn minn kull deskrizzjoni ta’ kull poplu ieħor li qatt għammar fostna, iva, kif ukoll li qatt għammar fost il‑Lamaniti, u dan minħabba n‑nuqqas ta’ fidi u l‑qima tax‑xbihat tagħhom.

16 Għax araw, l‑Ispirtu tal‑Mulej diġà waqaf jgħammar ma’ missirijiethom; u huma jinsabu fid‑dinja mingħajr Kristu u mingħajr Alla; u huma ġew imġiegħla jaħarbu bħal karfa mar‑riħ.

17 Xi darba huma kienu poplu mill‑aktar dħuli, u kellhom lil Kristu bħala r‑ragħaj tagħhom; iva, huma kienu mmexxijin sewwasew minn Alla l‑Missier.

18 Iżda issa, araw, huma jinsabu mmexxijin minn Satana, l‑istess kif tiġi mmexxija karfa permezz tar‑riħ, jew kif dgħajsa tixxengel ’l hemm u ’l hawn fuq mewġ il‑baħar, mingħajr qlugħ jew ankra, bla ma jkun hemm ħadd min jidderieġiha; l‑istess huma, bħalha.

19 U araw, il‑Mulej żamm għandu barkiethom, li setgħu rċevew f’arthom, ħalli jagħtihom lill‑Ġentili li sejrin jirtu l‑art.

20 Iżda araw, għad jiġri li huma sejrin jiġu mġiegħla jaħarbu u jitferrxu mill‑Ġentili; u wara li jiġu mġiegħla jaħarbu u jitferrxu mill‑Ġentili, araw, imbagħad il‑Mulej sejjer jiftakar fil‑patt li hu għamel ma’ Abraham u mad‑dar kollha ta’ Iżrael.

21 U l‑Mulej se jiftakar ukoll fit‑talb tal‑ġusti, li wasallu f’isimhom.

22 Imbagħad, O Ġentili, kif tistgħu intom tibqgħu weqfin quddiem il‑qawwa ta’ Alla, jekk ma tindmux u terġgħu lura mill‑għemejjel ħżiena tagħkom?

23 Tafu intom li intom tinsabu f’idejn Alla? Tafu intom li huwa mogħni b’kull qawwa, u b’ordni waħda mingħandu l‑art bħal ktieb titkebbeb?

24 Għalhekk, indmu, u ċċekknu quddiemu, biex hu ma jagħmilx ħaqq minnkom u jikkundannakom—ħalli l‑ebda fdal ta’ Ġakobb ma jiġi fostkom bħal iljun, u jqattagħkom biċċiet, u l‑ebda wieħed minnkom ma jeħlisha.