Skrittura
Mormon 3


Kapitlu 3

Mormon ixandar l‑indiema lin‑Nefiti—Huma jiksbu rebħa kbira u jibdew jiftaħru bihom infushom—Mormon ma jaċċettax li jkun il‑mexxej tagħhom, u t‑talb li jitlob għalihom hu talb bla fidi—Il‑Ktieb ta’ Mormon jistieden lit‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael biex jemmnu fl‑evanġelju. Madwar W.K. 360–362.

1 U ġara li għal għaxar snin sħaħ il‑Lamaniti ma reġgħux ġew biex jiġġieldu. U araw, jiena qabbadt lill‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, sabiex iħejju artijiethom u l‑armi tagħhom u jlestu ruħhom għall‑battalja.

2 U ġara li l‑Mulej qalli: Mur u ħabbar lil dan il‑poplu—Indmu, u ejjew għandi, u tgħammdu, u għal darb’oħra ibnu l‑knisja tiegħi, u intom teħilsuha mill‑qerda.

3 U jiena mort inħabbar dan lil dan il‑poplu, iżda kien kollu ta’ xejn; u huma ma rrealizzawx li kien il‑Mulej li ħelisilhom, u li tahom iċ‑ċans li jindmu. U araw huma webbsu qalbhom kontra l‑Mulej Alla tagħhom.

4 U ġara li wara li kienu għaddew għaxar snin, u b’hekk b’kollox kienu għaddew tliet mija u sittin sena mill‑miġja ta’ Kristu, is‑sultan tal‑Lamaniti bagħatli ittra, biex jinfurmani li huma kienu qed iħejju biex jerġgħu jiġu għal battalja kontrina.

5 U ġara li jiena ordnajt lin‑nies tiegħi sabiex jinġabru flimkien fl‑art ta’ Ħerba, ġo belt li kienet tinsab mal‑fruntiera, qrib il‑passaġġ dejjaq li jwassal sal‑art tan‑nofsinhar.

6 U hemm stazzjonajna l‑armati tagħna, ħalli nkunu nistgħu nwaqqfu l‑armati Lamaniti, biex ma jieħdux f’idejhom xi art minn tagħna; għalhekk aħna saħħaħna lilna nfusna bil‑qawwa kollha tagħna.

7 U ġara li fis‑sena tliet mija u wieħed u sittin, il‑Lamaniti niżlu fil‑belt ta’ Ħerba biex jiġġieldu kontrina; u ġara li f’dik is‑sena aħna spiċċajna biex għelibnihom, hekk li huma reġgħu lura għal darb’oħra lejn artijiethom.

8 U fis‑sena tliet mija u tnejn u sittin huma reġgħu ġew biex jiġġieldu. U aħna erġajna għelibnihom, u qtilna ħafna minnhom, u xħetna l‑mejtin tagħhom fil‑baħar.

9 U issa, minħabba din il‑ħaġa mill‑aktar sinifikanti li wettqu n‑nies tiegħi, in‑Nefiti, huma bdew jiftaħru bihom infushom, u bdew jaħilfu quddiem is‑smewwiet li huma kienu sejrin jivvendikaw irwieħhom għad‑demm ta’ ħuthom li sfaw maqtula mill‑għedewwa tagħhom.

10 U huma ħalfu quddiem is‑smewwiet, kif ukoll quddiem it‑tron ta’ Alla, li huma kienu se jmorru jaħbtu għall‑għedewwa tagħhom, u jeqirduhom minn fuq wiċċ l‑art.

11 U ġara li jiena, Mormon, ma ridt bl‑ebda mod li minn dakinhar ’il quddiem inkun il‑kmandant u l‑mexxej ta’ dan il‑poplu, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom.

12 Araw, jiena lilhom mexxejt, minkejja ħżunithom jiena lilhom kemm‑il darba mexxejt waqt il‑battalja, u lilhom jien ħabbejt b’qalbi kollha bl‑imħabba ta’ Alla li kienet tinsab fija, u jien ftaħt qalbi ma’ Alla tiegħi fit‑talb li tlabt għalihom il‑jum kollu; madankollu, dan kien talb bla fidi, minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom.

13 U tliet darbiet jiena ħlisthom minn idejn l‑għedewwa tagħhom, u huma xorta baqgħu ma nidmux minn dnubiethom.

14 U meta huma spiċċaw biex ħalfu b’dak kollu li l‑Mulej u s‑Salvatur tagħna Ġesù Kristu qalilhom biex ma jaħilfux bih, u kienu se jmorru għall‑battalja kontra l‑għedewwa tagħhom, u jivvendikaw irwieħhom minnhom għad‑demm ta’ ħuthom, araw jiena smajt leħen il‑Mulej jgħidli:

15 Il‑vendetta f’idejja, huwa jiena li nħallas; u għax dan il‑poplu baqa’ ma nidimx minkejja li lilhom jiena ħlist, araw, huma se jispiċċaw jinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.

16 U ġara li jien bl‑ebda mod ma ridt immur neħodha mal‑għedewwa tiegħi; u jien għamilt sewwasew kif kien ordnali l‑Mulej; u issa qed nagħmilha sempliċiment ta’ xhud biex nuri lid‑dinja dak kollu li jiena rajt u smajt, skont il‑manifestazzjonijiet tal‑Ispirtu li xehed miegħi dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu.

17 Għalhekk jien se nikteb lilkom, il‑Ġentili, kif ukoll lilkom, li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael, meta jingħata bidu għall‑ħidma, biex intom tkunu tistgħu titħejjew ħalli terġgħu lura fl‑art ta’ wirtkom;

18 Iva, araw, jiena se nikteb lit‑truf kollha tal‑art; iva, se nikteb lilkom, it‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael, li se jsir ħaqq minnkom skont għemilkom mit‑tnax li Ġesù għażel sabiex ikunu d‑dixxipli tiegħu fl‑art ta’ Ġerusalemm.

19 U se nikteb ukoll lill‑fdal ta’ dan il‑poplu, li se jsir ħaqq minnhom ukoll mit‑tnax li Ġesù għażel f’din l‑art; u se jsir ħaqq minnhom mit‑tnax l‑oħra li Ġesù għażel fl‑art ta’ Ġerusalemm.

20 U dan kien li żvela miegħi l‑Ispirtu; għalhekk jien se nikteb lilkom ilkoll. U hu għalhekk li jiena se niktbilkom, ħalli intom tkunu tafu li intom ilkoll jeħtieġ li tieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu, iva, sewwasew kull bniedem li jagħmel parti mill‑familja umana ta’ Adam; u jeħtieġ li intom tieqfu quddiemu biex isir ħaqq minnkom skont għemilkom, sew jekk huma tajbin u sew jekk huma ħżiena;

21 U biex intom temmnu wkoll fl‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li se jiġi mxandar fostkom; u anke biex il‑Lhud, il‑poplu tal‑patt tal‑Mulej, ikun jista’ jkollhom xhieda oħra apparti dak, l‑istess Ġesù, li lilu huma raw u semgħu, u li lilu huma qatlu, dak li kien il‑veru Kristu u l‑veru Alla.

22 U nixtieq li jiena nista’ nipperswadi lit‑truf kollha tal‑art biex jindmu u jlestu ruħhom ħalli jieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu.