Konferenza Ġenerali
Illum
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Illum

Il-profeta ħaj tagħna qed jagħmel il-parti tiegħu biex jimla d-dinja bil-Ktieb ta’ Mormon. Jeħtieġ li nimxu wara l-eżempju tiegħu.

Għeżież ħuti, fil-Ktieb ta’ Mormon il-frażi “illum”1 tintuża ripetutament biex tiġbdilna l-attenzjoni għal xi parir, wegħdiet, u tagħlim. Is-Sultan Benjamin, fl-aħħar diskors tiegħu, widdeb lin-nies, “Isimgħu l-kliem li se ngħidilkom illum; … iftħu widnejkom ħalli tisimgħu, u qalbkom ħalli tifhmu, u moħħkom ħalli l-misteri ta’ Alla jkunu jistgħu jiġu żvelati lilkom.”2 Il-konferenza ġenerali hija xenarju simili. Niġu hawn “illum,” biex nisimgħu pariri ħalli nkunu nisimgħu nkunu “leali f’kull ħin”3 lejn il-Mulej u l-evanġelju tiegħu. Ta’ importanza kbira għalija “illum” huwa t-tiġdid tal-impenn tagħna lejn il-Ktieb ta’ Mormon, li Joseph Smith sejjaħlu “l-aktar ktieb korrett fost il-kotba kollha fid-dinja.”4

Immaġni
Il-kopja tal-Ktieb ta’ Mormon tal-Presbiteru Rasband

F’idejja għandi kopja tal-Ktieb ta’ Mormon. Din hija edizzjoni vintage tal-1970, u hi mill-aktar prezzjuża għalija. Minn kif tidher hi kopja li ż-żmien jidher sew fuqha, iżda l-ebda ktieb ieħor mhu aktar importanti għal ħajti u għat-testimonjanza tiegħi. Meta qrajtu jien ksibt xhieda permezz tal-Ispirtu li Ġesù Kristu hu Iben Alla,5 li Hu s-Salvatur tiegħi,6 li din l-iskrittura hija l-kelma ta’ Alla,7 u li l-evanġelju ġie rrestawrat.8 Dawn il-veritajiet huma minsuġa fil-fond ta’ ruħi. Kif qal il-profeta Nefi, “Fil-ħwejjeġ tal-Mulej ruħi ssib is-serħan.”9

Immaġni
Il-Presbiteru Rasband mal-president tal-missjoni tiegħu u mal-Presbiteru Hanks

Xellug għal-lemin: Il-Presbiteru Ronald A. Rasband, missjunarju żagħżugħ; il-President Harold Wilkinson, president tal-Missjoni tal-Istati tal-Lvant; u l-Presbiteru Marion D. Hanks, Awtorità Ġenerali Sebgħin.

Din hi l-istorja wara dil-kopja. Meta kont għadni missjunarju żagħżugħ, jien ħadt il-parir tal-Presbiteru Marion D. Hanks, li ġie jżurna fil-Missjoni tal-Istati tal-Lvant. Huwa qabel kien president tal-Missjoni Brittanika, u llum tnejn mill-missjunarji tiegħu jinsabu hawn fuq quddiem: l-għeżież ħuti l-Presbiteru Jeffrey R. Holland u l-Presbiteru Quentin L. Cook.10 L-istess kif kien jagħmel mal-missjunarji tiegħu fl-Ingilterra, hu talabna biex naqraw kopja mhux immarkata tal-Ktieb ta’ Mormon mill-inqas darbtejn. Jiena aċċetajt li nagħmel dan. Fl-ewwel qari kelli nimmarka jew nagħmel linja taħt kull ħaġa li kienet tirreferi għal Ġesù Kristu jew tixhed dwaru. Jien użajt lapis aħmar u qtajt linja taħt bosta versi. It-tieni darba, il-Presbiteru Hanks qal biex nagħmlu enfasi fuq prinċipji u duttrina tal-evanġelju, u did-darba mmarkajt l-iskrittura bil-blu. Jiena qrajt il-Ktieb ta’ Mormon darbtejn, kif kien issuġġerixxa, u mbagħad darbtejn oħra fejn użajt l-isfar u l-iswed biex nimmarka l-aktar versi li laqtuni.11 Kif qed taraw, jiena inkludejt ħafna noti.

Immaġni
Kopja mmarkata tal-Ktieb ta’ Mormon

Il-qari tiegħi kien jinkludi ferm aktar milli sempliċiment nimmarka l-iskrittura. Kull darba li qrajt il-Ktieb ta’ Mormon, mill-bidu sal-aħħar, imtlejt b’imħabba profonda għall-Mulej. Ħassejt fija xhieda b’għeruq mill-aktar profondi tal-verità tat-tagħlim tiegħu u kif japplika għalina “illum.” Dan il-ktieb verament jirrifletti t-titlu tiegħu, “Testment ieħor ta’ Ġesù Kristu.”12 Permezz ta’ dak l-istudju u x-xhieda spiritwali li kont ksibt, jiena sirt missjunarju tal-Ktieb ta’ Mormon u dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.13

“Illum,” wieħed mill-akbar missjunarji tal-Ktieb ta’ Mormon huwa l-President Russell M. Nelson. Meta kien għadu kif ġie msejjaħ Appostlu, huwa ta lekċer ġewwa Accra, il-Ghana.14 Jattendu għaliha kien hemm numru ta’ dinjitarji, fosthom sultan ta’ tribù Afrikan, li hu tkellem miegħu permezz ta’ interpretu. Is-sultan kien bniedem li jistudja bis-serjetà l-Bibbja u li kien iħobb lill-Mulej. Wara d-diskors tal-President Nelson, mar fuqu dak is-sultan u b’Ingliż perfett staqsieh, “Allura int min int?” Il-President Nelson spjegalu li kien ġie ordnat bħala Appostlu ta’ Ġesù Kristu.15 Is-sultan reġa’ staqsa, “X’ tista’ tgħallimni dwar Ġesù Kristu?”16

Il-President Nelson qabad f’idejh il-Ktieb ta’ Mormon u fetħu fil-ktieb ta’ 3 Nephi 11. Il-President Nelson u s-sultan qraw flimkien id-diskors tas-Salvatur lin-Nefiti: “Araw, jiena Ġesù Kristu, li dwari l-profeti xehdu li kelli niġi fid-dinja. … Jiena d-dawl u l-ħajja tad-dinja.”17

Il-President Nelson ippreżenta dik il-kopja tal-Ktieb ta’ Mormon lis-sultan, u s-sultan wieġeb, “Inti stajt tajtni d-djamanti jew ir-rubini, iżda xejn mhu aktar prezzjuż għalija minn dan l-għarfien addizzjonali dwar il-Mulej Ġesù Kristu.”18

Dan mhuwiex eżempju iżolat ta’ kif il-maħbub profeta tagħna jaqsam ma’ ħaddieħor il-Ktieb ta’ Mormon. Huwa ta kopji tal-Ktieb ta’ Mormon lil mijiet ta’ nies, fejn dejjem jaqsam ix-xhieda tiegħu ta’ Ġesù Kristu. Meta l-President Nelson jiltaqa’ ma’ mistednin, presidenti, slaten, kapijiet ta’ stat, u mexxejja ta’ negozju u organizzazzjonijiet u ta’ twemmin varju, kemm jekk fil-kwartieri ewlenin tal-Knisja jew fil-postijiet tagħhom, hu jippreżentalhom b’qima dan il-ktieb ta’ skrittura żvelata. Hu jista’ jagħtihom tant affarijiet imgeżwra fiż-żigarelli li jafu jispiċċaw fuq xi mejda jew skrivanija jew f’xi armarju bħala tifkira tal-lagħqa li kellhom miegħu. Minflok, hu jagħti dak li hu l-aktar prezzjuż għalih, ferm aktar mir-rubini u d-djamanti, kif iddeskriva s-sultan tat-tribù.

“Il-veritajiet tal-ktieb ta’ Mormon,” qal il-President Nelson, “għandhom il-qawwa li jfejqu, ifarrġu, jirrestawraw, jgħinu, jikkonslaw, u jferrħu l-erwieħ.”19 Jiena rajt b’għajnejja dawn il-kopji tal-Ktieb ta’ Mormon jgħaddu f’idejn dawk li rċevewhom mingħand il-profeta tagħna li huwa l-profeta ta’ Alla. Ma jistax ikun hemm rigal akbar minn hekk.

Immaġni
Il-President Nelson mal-mara tal-president tal-Gambja

M’ilux huwa ltaqa’ mal-mara tal-president tal-Gambja fl-uffiċċju tiegħu u b’umiltà taha kopja tal-Ktieb ta’ Mormon. Huwa ma waqafx hemm. Huwa fetaħ il-paġni tiegħu biex jaqralha minnu, biex jgħallem u jixhed dwar Ġesù Kristu, l-Espjazzjoni tiegħu, u l-imħabba tiegħu lejn l-ulied kollha ta’ Alla—kullimkien.

Il-profeta ħaj tagħna qed jagħmel il-parti tiegħu biex jimla d-dinja bil-Ktieb ta’ Mormon.20 Iżda huwa ma jistax jagħmel dan waħdu. Jeħtieġ li nimxu wara l-eżempju tiegħu.

Ispirat permezz tal-eżempju tiegħu, jiena ilni nipprova b’umiltà u b’mod aktar ferventi naqsam il-Ktieb ta’ Mormon ma’ ħaddieħor.

Immaġni
Il-Presbiteru Rasband mal-president tal-Mozambique

M’ilux kont fuq essajnment fil-Mozambique. Iċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż sabiħ qed ibatu ferm minħabba faqar, problemi ta’ saħħa, qgħad, maltemp, u taqlib politiku. Jien kelli l-unur li niltaqa’ mal-president tal-pajjiż, Filipe Nyusi. Skont ix-xewqa tiegħu, jiena tlabt għalih u għal ġensu; għidtlu li konna qed nibnu tempju ta’ Ġesù Kristu21 f’pajjiżu. Fi tmiem il-laqgħa tagħna, jien ippreżentajtlu kopja tal-Ktieb ta’ Mormon bil-Portugiż, il-lingwa nattiva tiegħu. Hekk kif bi gratitudni huwa aċċetta l-ktieb, jiena qsamt miegħu ix-xhieda tiegħi dwar it-tama u l-wegħda għall-poplu tiegħu, li nsibuha permezz ta’ kliem il-Mulej fil-paġni tiegħu.22

Immaġni
Il-Presbiteru Rasband mar-re u r-reġina tal-Lesotho

F’okkażjoni oħra, jien u marti, Melanie ltqajna mar-Re Lestie III ta’ Lesotho u l-mara tiegħu fid-dar tagħhom.23 Għalina, il-qofol taż-żjara tagħna kien meta ppreżentajnielhom kopja tal-Ktieb ta’ Mormon u wara qsamna t-testimonjanza tagħna. Meta nħares lura lejn dik l-esperjenza u oħrajn, jiġi f’moħħi vers minn skrittura tal-aħħar żmien: “Il-milja tal-evanġelju tiegħi tiġi mxandra mid-dgħajfin u s-sempliċi sa truf id-dinja, u quddiem is-slaten u l-mexxejja.”24

Immaġni
Il-Presbiteru Rasband mal-Ambaxxatur Pandey
Immaġni
Mexxejja tal-Knisja mal-Qdusija Tiegħu il-Patrijarka Bartholomew

Jiena qsamt kopji tal-Ktieb ta’ Mormon mal-Ambaxxatur tal-Indja għall-Ġnus Magħquda, l-Ambaxxatur Pandey26; mal-Qdusija Tiegħu il-Patrijarka Bartholomew26 tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant; u ma’ ħafna oħrajn. Ħassejt magħna l-Ispirtu tal-Mulej hekk kif personalment għaddejtilhom din “il-ġebla ewlenija tar-reliġjon tagħna”27 u qsamt magħhom ix-xhieda tiegħi ta’ Ġesù Kristu, il-ġebla tax-xewka tal-fidi tagħna.28

Issa, ħuti, m’hemmx għalfejn li intom tmorru l-Mozambique jew l-Indja jew tiltaqgħu mas-slaten jew mexxejja biex tagħtu lil xi ħadd dan il-ktieb ta’ tagħlim u wegħdiet sagri. Nistedinkom, illum, biex tagħtu Ktieb ta’ Mormon li ħbieb u lil familja tagħkom, lill-kollegi tagħkom fuq ix-xogħol, lill-kowċ tal-futbol tagħkom, jew lill-persuna li tixtru mingħandha fis-suq. Huma jeħtieġu l-kliem tal-Mulej li jinsab f’dan il-ktieb. Huma jeħtieġu tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-ħajja ta’ kuljum u tal-ħajja ta’ dejjem li għad trid tiġi. Huma jeħtieġu jkunu jafu dwar it-triq tal-patt li ġiet imfassla għalihom dwar l-imħabba kontinwa tal-Mulej għalihom. Insibu dan kollu fil-Ktieb ta’ Mormon.

Meta tgħaddilhom kopja tal-Ktieb ta’ Mormon tkun qed tiftħilhom moħħhom u qalbhom għall-kelma ta’ Alla. M’hemmx għalfejn toqgħod iżżomm fuqek kopji stampati tal-ktieb. Tistgħu faċilement tixxerjawh mill-mowbajl tagħkom mis-sezzjoni tal-iskrittura tal-app Librerija tal-Evanġelju.29

Aħsbu dwar dawk kollha li jistgħu jitbierku permezz tal-evanġelju f’ħajjithom, u mbagħad ibgħatulhom kopja tal-Ktieb ta’ Mormon mill-mowbajl tagħkom. Araw li tinkludu t-testimonjanza tagħkom u kif dan il-ktieb bierek ħajjitkom.

Għeżież ħbieb tiegħi, bħala Appostlu tal-Mulej, nistedinkom biex timxu wara l-maħbub profeta tagħna, il-President Nelson, ħalli nimlew id-dinja bil-Ktieb ta’ Mormon. Il-ħtieġa hija kbira wisq; jeħtieġ naġixxu issa. Inwegħidkom li intom tkunu qed tieħdu sehem “fl-akbar ħidma fuq l-art,” il-ġabra ta’ Iżrael”30 hekk kif tkunu ispirati biex tilħqu lil dawk li “inżammu ’l bogħod mill-verità għax ma jafux fejn għandhom isibuha.”31 Huma jeħtieġu t-testimonjanza u x-xhieda tagħkom ta’ kif dan il-ktieb biddel ħajjitkom u ressaqkom aktar qrib Alla,32 u “l-bxara ta’ ferħ kbir” tiegħu.33

Jiena nixhed li permezz ta’ pjan divin il-Ktieb ta’ Mormon ġie mħejji fl-Amerka tal-qedem biex jinġieb għad-dawl ħalli jiddikjara l-kelma ta’ Alla, biex iressaq l-erwieħ lejn il-Mulej Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat tiegħu “illum.” F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Ġakobb 2:2–3; Mosija 2:14, 30; 5:7; Alma 7:15; u ħafna versi oħrajn fil-Ktieb ta’ Mormon.

  2. Mosija 2:9.

  3. Alma 53:20.

  4. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 64. Id-dikjarazzjoni sħiħa mogħtija minn Joseph Smith fit-28 ta’ Novembru, 1841, waqt kunsill mat-Tnax-il Appostlu: “Jiena għidt lill-aħwa li l-Ktieb ta’ Mormon hu l-aktar ktieb korrett fost il-kotba kollha fid-dinja, u l-ġebla ewlenija tar-reliġjon tagħna, u li l-bniedem jersaq aktar viċin Alla jekk jobdi l-preċetti li hemm fih, milli kieku jimxi wara xi ktieb ieħor.” Ir-referenza ewlenija għal “korrett” nistgħu nattribwixxuha għar-rivelazzjoni miksuba fit-traduzzjoni tal-ktieb u d-duttrina mgħallma fil-Ktieb ta’ Mormon li tistabbilixxi aħjar minn kull ktieb ieħor il-veritajiet “sempliċi u prezzjużi” tal-evanġelju (ara 1 Nefi 13:40).

  5. Ara “Kristu l-Ħaj: Testimonjanza tal-Appostli,” dikjarazzjoni mill-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, 1 ta’ Jannar, 2000: “Aħna naqsmu t-testimonjanza tagħna, bħala l-Appostli tiegħu ordnati kif xieraq—li Ġesù hu Kristu l-ħaj, l-Iben immortali ta’ Alla. Huwa l-kbir Sultan Għimmanu-El, li llum jinsab wieqaf fuq il-lemin ta’ Missieru. Huwa d-dawl, il-ħajja, u t-tama tad-dinja. It-triq tiegħu twassal għall-ferħ f’din il-ħajja u għall-ħajja ta’ dejjem fid-dinja li jmiss. Grazzi lil Alla għar-rigal inkomparabbli ta’ Ibnu d-divin” (ChurchofJesusChrist.org).

  6. Ara Isaija 49:26; 1 Nefi 21:26; 22:12; Doctrine and Covenants 66:1.

  7. Il-kelma ta’ Alla nsibuha fl-iskrittura. Per eżempju, fil-Ktieb ta’ Mormon, Laman u Lemwel staqsew, “Xi tfisser il-virga tal-ħadid?” b’referenza għall-ħolma ta’ Leħi. Nefi wieġeb, “Kienet il-kelma ta’ Alla; u li dawk kollha li jagħtu widen għall-kelma ta’ Alla, u jżommu sew magħha, ma jintiflu qatt; lanqas it-tiġrib u l-vleġeġ kollha nar tal-avversarju ma jkunu jistgħu jegħlbuhom sal-punt li jagħmew, sabiex iwassalhom sal-qerda” (1 Nefi 15:23–24).

  8. Ara “Ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu: Proklamazzjoni Biċentinarja lid-Dinja,” li tinkludi dan li ġej:“Aħna niddikjaraw li Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, organizzata fis-6 ta’ April, 1830, hija l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tat-Testment il-Ġdid. Din il-Knisja hi ankrata mal-ħajja perfetta tal-ġebla tax-xewka tagħha, Ġesù Kristu, u mal-Espjazzjoni infinita u l-Qawmien mill-Imwiet letterali tiegħu. Ġesù Kristu għal darb’oħra reġa’ sejjaħ Appostli u tahom l-awtorità tas-saċerdozju. Hu jistieden lilna lkoll biex nersqu lejh u lejn il-Knisja tiegħu, biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu, l-ordinanzi tas-salvazzjoni, u niksbu l-ferħ li jibqa’ għal dejjem. Aħna bil-ferħ niddikjaraw li r-Restawrazzjoni mwiegħda se tibqa’ miexja ’l quddiem permezz tar-rivelazzjoni kontinwa. Id-dinja qatt mhi se terġa’ tkun l-istess, hekk kif Alla ‘kollox se jiġbor taħt ras waħda, li hu Kristu” (Efesin 1:10)” (ChurchofJesusChrist.org).

  9. 2 Nefi 15:25.

  10. Ara Quentin L. Cook, “Be Not Weary in Well-Doing” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 24 ta’ Aww, 2020), speeches.byu.edu; “This Week on Social: How to Develop a Love for the Lord, Yourself and Others,” Church News, 17 ta’ Lulju, 2020, thechurchnews.com.

  11. Tielet qari, isfar: ġeoloġija jew ġeografija; raba’ qari, iswed: trama tal-Ktieb ta’ Mormon.

  12. “Testment ieħor ta’ Ġesù Kristu” ġiet miżjuda bħala sottotitolu mal-edizzjonijiet kollha tal-Ktieb ta’ Mormon. Il-mexxejja tal-Knisja għamlu din il-bidla fl-isem biex jenfasizzaw aktar l-għan tal-ktieb kif iddikjarat fil- paġna tat-titlu: “Kif ukoll biex jikkonvinċi lil-Lhud u lill-Ġentili li Ġesù hu l-Kristu, Alla l-Etern, li qed juri lilu nnifsu lill-ġnus kollha.”

  13. Li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu hija espressjoni ta’ mħabbitna lejh. Id-dixxipli jkunu tgħammdu; huma jieħdu fuqhom l-isem ta’ Ġesù Kristu; huma jagħmlu l-almu tagħhom biex jimxu warajh billi jħaddnu l-kwalitajiet tiegħu kif deskritti mill-Appostlu Pietru: “Kunu ħerqana biex iżżidu mal-fidi l-virtù, mal-virtù l-għerf; u mal-għerf ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba; u mat-tjieba l-ħbiberija tal-aħwa; mal-ħbiberija tal-aħwa l-imħabba” (2 Pietru 1:5–7; ara wkoll Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service [2019], 121–32).

  14. Il-President Russell M. Nelson, magħruf mad-dinja bħala kirurgu qabel is-sejħa tiegħu fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu l-1984, ta lekċer fi skola medika f’Accra, l-Gana, fl-1986 dwar l-istorja tal-kirurġija. Hekk kif wara ġie intervistat mill-midja, huwa spjega li hu kien jinsab hemm “bħala qaddej tal-Mulej biex ngħin lin-nies isiru ċittadini aħjar, biex jibnu familji b’saħħithom, biex jiksbu l-vera kuntentizza, u jkollkom ir-risq fl-art.” Huwa reġa’ żar Accra, l-Gana, fis-16 ta’ Novembru, 2001, għaċ-ċerimonja tal-bidu tal-proġett tat-Tempju ta’ Accra, il-Gana (ara “Ground Broken for First Temple in West Africa,” Church News, 24 ta’ Nov., 2001, thechurchnews.com).

  15. Ara General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 5.1.1.1: “Fi żmienna, il-Mulej sejjaħ irġiel permezz tal-President tal-Knisja biex ikunu ordnati bħala Appostli u biex iservu fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu (ara Doctrine and Covenants 18:26–28)” (ChurchofJesusChrist.org).

  16. Ara Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom mingħajru?,” Liahona, Nov. 2017, 60.

  17. 3 Nephi 11:10–11.

  18. Ara Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom mingħajru?,” 61.

  19. Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom mingħajru?,” 62.

  20. Ara Moses 7:62.

  21. It-Tempju ta’ Beira, il-Mozambique ġie mħabbar fl-4 ta’ April, 2021, mill-Presbiteru Russell M. Nelson. Aktar minn nofs miljun ruħ joqogħdu f’Beira, li tinsab mal-kosta tal-Oċean Indjan.

  22. Eżempji tat-tama u l-wegħdiet li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon jinkludu 2 Nefi 31:20; Ġakobb 4:4–6; Alma 13:28–29; 22:16; 34:41; Ether 12:32; Moroni 7:41; 8:26.

  23. Il-Presbiteru u Sister Rasband iltaqgħu mal-familja rjali fl-10 ta’ Frar, 2020, meta kienu fuq essajnment fl-Afrika biex jiddedikaw it-Tempju ta’ Durban, l-Afrika t’Isfel.

  24. Doctrine and Covenants 1:23.

  25. Il-Presbiteru Rasband iltaqa’ mal-Ambaxxatur Indra Mani Pandey, Rappreżentant Permanenti tal-Indja għall-Ġnus Magħquda u Organizzazzjonijiet Oħra f’Ġinevra, waqt essajnment għall-Forum bejn ir-Reliġjonijiet li sar f’Bologna, l-Italja, nhar is-17 ta’ Settembru, 2021.

  26. Il-Presbiteru Rasband ltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu l-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant waqt essajnment għall-Forum bejn ir-Reliġjonijiet ġewwa Bologna, l-Italja, nhar it-13 ta’ Settembru, 2021.

  27. Teachings: Joseph Smith, 64. Ġebla ewlenija hija biċċa ġebla forma ta’ feles li titpoġġa f’ras l-arkata biex iżżomm il-biċċiet l-oħra flimkien. Il-Profeta Joseph iddeskriva l-Ktieb ta’ Mormon bħala “il-ġebla ewlenija tar-reliġjon tagħna” minħabba l-importanza tiegħu fl-unità tal-Knisja permezz tal-prinċipji u l-ordinanzi. Il-Ktieb ta’ Mormon iservi bħala “ġebla ewlenija” għall-ħajja tal-membri, fejn jgħinhom jibqgħu fermi fit-triq tal-patt.

  28. Ara Efesin 2:19-20. Ġesù Kristu hu l-ġebla tax-xewka tal-Knisja tagħna, li ġġib ismu. L-istess kif it-tqegħid ta’ ġebla tax-xewka fit-tempju hija simbolu tal-ġebla ewlenija li tifforma l-kantuniera tal-pedament tad-dar ta’ Alla, Ġesù Kristu huwa l-ġebla tax-xewka tal-fidi tagħna u tas-salvazzjoni tagħna. Huwa ta ħajtu biex aħna nkunu nistgħu ngħixu; m’hemm ħadd li jikkompara ruħu miegħu fejn jidħlu l-qawwa, l-għan, u l-imħabba.

  29. Tista’ tixxerjah permezz tal-mowbajl tiegħek. Mod kif tagħmel dan hu billi tiftaħ l-app tal-Librerija tal-Evanġelju, tmur fil-ġabra “Skrittura,” u mbagħad tagħżel “Ixxerja Issa” fin-naħa ta’ fuq. Jew mill-app tal-Ktieb ta’ Mormon, tista’ tagħżel l-ikona “Ixxerja,” li turik kodiċi diġitali li permezz tagħha l-ħbieb tiegħek jistgħu faċilment jiskenjawha permezz tal-mowbajl tagħhom.

  30. Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), Hopeofisrael.ChurchofJesusChrist.org. “Nhar it-3 ta’ Ġunju, 2018, il-President Russell M. Nelson u martu, Wendy W. Nelson, stiednu liż-żgħażagħ biex jinkitbu fil-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej’ u jieħdu sehem ‘fl-akbar sfida, l-akbar kawża, u l-akbar ħidma fid-dinja.’ U x’inhi l-akbar sfida? The gathering of Israel” (Charlotte Larcabal, “A Call to Enlist and Gather Israel,” New Era, Mar. 2019, 24).

  31. Doctrine and Covenants 123:12.

  32. Ara 2 Nefi 4:27; Mosija 4:3; 15:18; Alma 46:12.

  33. 1 Nefi 8:12.