Skrittura
Ġakobb 4


Kapitlu 4

Il‑profeti kollha taw qima lill‑Missier f’isem Kristu—L‑offerta ta’ Iżakk min‑naħa ta’ Abraham kienet similitudni ta’ Alla u Ibnu l‑Waħdieni—Il‑bnedmin għandhom jirrekonċiljaw irwieħhom ma’ Alla permezz tal‑Espjazzjoni—Il‑Lhud sejrin iwarrbu l‑ġebla tal‑pedament. Madwar 544–421 Q.K.

1 Issa araw, ġara li jien, Ġakobb, imministrajt għal żmien twil fost il‑poplu tiegħi permezz tal‑kelma, (u ma nistax nikteb ħlief ftit minn kliemi, minħabba d‑diffikultà biex innaqqxu kliemna fuq il‑pjanċi) u aħna nafu li l‑ħwejjeġ li niktbu fuq il‑pjanċi jeħtieġ li jibqgħu;

2 Iżda dak kollu li aħna niktbu fuq kwalunkwe ħaġa li mhijiex pjanċi jispiċċa jinqered u jgħib; iżda aħna nistgħu niktbu ftit kliem fuq il‑pjanċi, li se nagħtu lil uliedna, kif ukoll lill‑għeżież ħutna, ammont żgħir ta’ għarfien dwarna, jew dwar missirijiethom—

3 Issa f’din il‑ħaġa aħna nifirħu; u naħdmu bil‑ħrara biex innaqqxu dan il‑kliem fuq il‑pjanċi, bit‑tama li l‑għeżież ħutna u wliedna jilqgħuh b’qalb mimlija gratitudni, u jarawh bir‑reqqa ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu b’ferħ u mhux b’niket, lanqas b’disprezz, dwar l‑ewwel ġenituri tagħhom.

4 Għax, din kienet l‑intenzjoni għalfejn aħna ktibna dawn il‑ħwejjeġ, biex huma jkunu jafu li aħna konna nafu dwar Kristu, u li konna nittamaw fil‑glorja tiegħu mijiet u mijiet ta’ snin qabel il‑miġja tiegħu; u mhux biss aħna li konna nittamaw fil‑glorja tiegħu, iżda wkoll il‑profeti qaddisa kollha li ġew qabilna.

5 Araw, huma emmnu fi Kristu u taw qima lill‑Missier f’ismu, u aħna wkoll nagħtu qima lill‑Missier f’ismu. U għal dan il‑għan aħna nħarsu l‑liġi ta’ Mosè, għax tidderieġi ruħna lejh; u għalhekk hija ħaġa ġusta li aħna nagħmlu dan, hekk kif kien ġie mitlub minn Abraham fid‑deżert biex hu jkun ubbidjenti lejn il‑kmand ta’ Alla u joffri lil ibnu Iżakk, bħala similitudni ta’ Alla u tal‑Iben il‑Waħdieni tiegħu.

6 Għalhekk, aħna nfittxu lill‑profeti, u għandna bosta rivelazzjonijiet u l‑ispirtu tal‑profezija; u għax għandna dawn ix‑xhieda kollha aħna niksbu tama, u l‑fidi tagħna ssir waħda soda, hekk li aħna verament nistgħu nordnaw f’isem Ġesù u anke s‑siġar jobduna, jew il‑muntanji, jew il‑mewġ tal‑baħar.

7 Madankollu, il‑Mulej Alla jurina d‑dgħufija tagħna ħalli nkunu nafu li hu permezz tal‑grazzja tiegħu, u l‑kondixxendenza kbira tiegħu lejn ulied il‑bnedmin, li aħna għandna l‑qawwa li nagħmlu dawn il‑ħwejjeġ.

8 Araw, kbar u tal‑għaġeb huma l‑għemejjel tal‑Mulej. Kemm tassew ħadd ma jista’ jagħrbel il‑kobor tal‑misteri tiegħu; u hu impossibbli li l‑bniedem isir jaf l‑għemejjel kollha tiegħu. U l‑ebda bniedem ma jaf it‑triqat tiegħu sakemm dawn ma jiġux żvelati lilu; għalhekk, l‑aħwa, tistmerrux ir‑rivelazzjonijiet ta’ Alla.

9 Għax araw, bil‑qawwa ta’ kelmtu l‑bniedem ġie fuq wiċċ l‑art, liema art ġiet maħluqa bil‑qawwa ta’ kelmtu. Għalhekk, jekk Alla kien kapaċi jitkellem u d‑dinja kienet, mela, għalfejn ma jistax jikkmanda l‑art, jew l‑għemejjel li ħoloq b’idejh fuq wiċċ l‑art, skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu?

10 Għalhekk, ħuti, tippruvawx tagħtu parir lill‑Mulej, iżda araw li tieħdu parir mingħandu. Għax araw, intom stess tafu li l‑parir tiegħu jagħtih b’għerf, u b’ġustizzja, u bi ħniena kbira, fuq l‑għemejjel tiegħu kollha.

11 Għalhekk, ġħeżież ħuti, araw li tirrekonċiljaw irwieħkom miegħu permezz tal‑espjazzjoni ta’ Kristu, l‑Iben il‑Waħdieni tiegħu, u tkunu tistgħu tiksbu qawmien mill‑imwiet, skont il‑qawwa tal‑qawmien mill‑imwiet li hi fi Kristu, u tkunu ppreżentati lil Alla bħala l‑ewwel frott ta’ Kristu, għax għandkom il‑fidi, u ksibtu tama tajba ta’ glorja fih qabel ma hu juri lilu nnifsu fil‑ġisem.

12 U issa, għeżież tiegħi, tistagħġbux li qed ngħidilkom dawn il‑ħwejjeġ; għax għalfejn m’għandix nitkellem dwar l‑espjazzjoni ta’ Kristu, u nipprova nikseb għarfien perfett tiegħu, u nipprova nikseb l‑għarfien tal‑qawmien mill‑imwiet u tad‑dinja li għandha tiġi?

13 Araw, ħuti, hu li jħabbar, ħalluh iħabbar skont il‑fehma tal‑bnedmin; għax l‑Ispirtu jitkellem il‑verità u ma jigdibx. Għalhekk, hu jitkellem dwar ħwejjeġ kif fil‑fatt huma, u dwar ħwejjeġ kif fil‑fatt se jkunu; għalhekk, dawn il‑ħwejjeġ qed jintwerew lilna b’mod ċar, għas‑salvazzjoni ta’ ruħna. Għax araw, aħna m’aħniex l‑uniċi xhieda f’dawn il‑ħwejjeġ; għax Alla qalhom ukoll lill‑profeti tal‑qedem.

14 Iżda araw, il‑Lhud kienu nies ta’ ras iebsa; u huma kienu jistmerru l‑kliem sempliċi, u qatlu lill‑profeti, u fittxew ħwejjeġ li ma setgħux jifhmuhom. Għalhekk, minħabba l‑għama tagħhom, liema għama waslet għaliex ħarsu lil hinn mis‑sinjal, jeħtieġ li huma jaqgħu; għax Alla ħa minn fosthom dak li hu sempliċi, u tahom bosta ħwejjeġ li huma ma setgħux jifhmu, għax huma hekk xtaqu. U peress li xtaqu hekk Alla għamel dan, ħalli jkunu jistgħu jogħtru.

15 U issa jiena, Ġakobb, ninsab immexxi mill‑Ispirtu biex nipprofetizza; għax jien nipperċepixxi permezz tal‑għemejjel tal‑Ispirtu li jinsab fija, li minħabba l‑waqgħa tal‑Lhud huma jwarrbu l‑ġebla li fuqha jistgħu jibnu u jkollhom pedament sigur.

16 Iżda araw, skont l‑iskrittura, din il‑ġebla sejra tkun il‑pedament il‑kbir, u finali, u l‑uniku wieħed imsejjes sewwa, li fuqu l‑Lhud jistgħu jibnu.

17 U issa, għeżież tiegħi, kif inhu possibbli li dawn, wara li warrbu l‑pedament imsejjes sewwa, qatt jistgħu jibnu fuqu, u jkun jista’ jsir il‑ġebla tax‑xewka tagħhom?

18 Araw, għeżież ħuti, jiena se niżvelalkom dan il‑misteru; jekk ma nagħmilx dan, b’xi mod nispiċċa imqanqal mill‑fermezza tiegħi fl‑Ispirtu, u nogħtor minħabba l‑anzjetà eċċessiva tiegħi għalikom.