Skrittura
Ġakobb 5


Kapitlu 5

Ġakobb jikkwota r‑rakkont ta’ Żenos dwar l‑allegorija tas‑siġar taż‑żebbuġ domestiku u s‑siġar taż‑żebbuġ selvaġġ—Huma xbieha ta’ Iżrael u tal‑Ġentili—Il‑prefigurazzjoni tat‑tifrix u l‑ġabra ta’ Iżrael—Isiru allużjonijiet għan‑Nefiti u għal‑Lamaniti u għad‑dar kollha ta’ Iżrael—Il‑Ġentili se jiġu mlaqqma f’Iżrael—Eventwalment l‑għalqa se tispiċċa tinħaraq. Madwar 544–421 Q.K.

1 Araw, ħuti, ma tiftakrux li qrajtu l‑kliem tal‑profeta Żenos, li kellem lid‑dar ta’ Iżrael u qalilhom:

2 Agħtu widen, O dar ta’ Iżrael, u isimgħu kliemi, jien li jien profeta tal‑Mulej.

3 Għax araw, dan jgħid il‑Mulej, inxebbahkom, O dar ta’ Iżrael, ma’ siġra taż‑żebbuġ domestika, li raġel ħadha għandu u mantniha fl‑għalqa tiegħu; u hi kibret, u xjieħet, u bdiet tidbiel.

4 U ġara li l‑padrun tal‑għalqa ħareġ u ra li s‑siġra taż‑żebbuġ tiegħu bdiet tidbiel; u huwa qal: Jien se niżborha, u nagħżqilha madwarha, u nmantniha, ħalli forsi tarmi friegħi żgħar u rotob, u ma tmutx.

5 U ġara li huwa żabarha, u għażqilha madwarha, u mantniha kif kien qal.

6 U ġara li wara bosta jiem hija bdiet tarmi xi ftit friegħi żgħar u rotob; iżda araw, il‑friegħi ewlenin tagħha bdew imutu.

7 U ġara li l‑padrun tal‑għalqa ra x’kien qed jiġri, u hu qal lill‑qaddej tiegħu: Inħossni nitnikket li se jkolli nitlef din is‑siġra; għalhekk, mur u aqta’ l‑friegħi minn siġra taż‑żebbuġ selvaġġ, u ġibhomli hawn; u aħna naqtgħu dawk il‑friegħi ewlenin li qed jibdew jidbielu, u nixħtuhom fin‑nar biex jinħarqu.

8 U araw, jgħid Sid l‑għalqa, jien nieħu miegħi ħafna minn dawn il‑friegħi żgħar u rotob, u nlaqqamhom fejn irrid jien; u ma jimpurtax jekk l‑għerq ta’ din is‑siġra jmut, għax jien nista’ nippreserva l‑frott tagħha għall‑użu tiegħi; għalhekk, jiena nieħu dawn il‑friegħi żgħar u rotob, u nlaqqamhom fejn irrid jien.

9 Mela ħudu l‑friegħi tas‑siġra taż‑żebbuġ selvaġġ, u laqqmuhom minflokhom; u dawn li jiena qtajt nitfahom fin‑nar u naħraqhom, ħalli ma jingumbrawx l‑art tal‑għalqa tiegħi.

10 U ġara li l‑qaddej ta’ Sid l‑għalqa għamel skont kif qallu s‑Sid tal‑għalqa, u laqqam fiha l‑friegħi tas‑siġra taż‑żebbuġ selvaġġ.

11 U Sid l‑għalqa ried li l‑qaddej tiegħu jagħżqilha madwarha, jiżborha, u jmantniha, u qallu: Inħossni nitnikket li se jkolli nitlef din is‑siġra; għalhekk, biex forsi nippreserva għeruqha ħalli ma jmutux, biex inkun nista’ nippreservahom għalija, jien għamilt din il‑ħaġa.

12 Għalhekk, mur; ħu ħsieb is‑siġra, u mantniha, skont kif għidtlek.

13 U dawn jien se npoġġi fil‑parti l‑aktar imbiegħda tal‑għalqa tiegħi, fejn irrid jien, u mhux importanti li int tkun taf; u jien nagħmel dan ħalli nkun nista’ nippreserva għalija l‑friegħi naturali tas‑siġra; kif ukoll, ħalli nkun nista’ nwarrab għalija frottha, bi tħejjija għall‑istaġun; għax inħossni nitnikket li jkolli nitlef din is‑siġra u l‑frott tagħha.

14 U ġara li Sid l‑għalqa telaq u mar jaħbi l‑friegħi naturali tas‑siġra taż‑żebbuġ domestika fil‑partijiet l‑aktar imbiegħda tal‑għalqa, ftit ġo post u ftit ġo ieħor, kif ried u xtaq.

15 U ġara li għadda ħafna żmien, u Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej tiegħu: Ejja, imxi ħa mmorru u ninżlu fl‑għalqa, ħalli nkunu nistgħu naħdmu fl‑għalqa.

16 U ġara li Sid l‑għalqa, kif ukoll il‑qaddej, niżlu fl‑għalqa ħalli jaħdmu. U ġara li l‑qaddej qal lill‑padrun tiegħu: Ara, ħares ’l hawn; ħares lejn is‑siġra.

17 U ġara li Sid l‑għalqa ħares u ra s‑siġra li fiha ġew imlaqqma l‑friegħi taż‑żebbuġ selvaġġ; u hija nibtet u bdiet tagħmel il‑frott. U hu ra li kien tajjeb; u frottha kien bħall‑frott naturali.

18 U hu qal lill‑qaddej: Ara, il‑friegħi tas‑siġra selvaġġa spiċċaw jikkontrollaw it‑tira tal‑għerq tagħha, biex l‑għerq tagħha pproduċa saħħa kbira; u minħabba li l‑għerq tagħha hu daqstant b’saħħtu, il‑friegħi selvaġġ ipproduċew frott domestiku. Issa, kieku aħna ma laqqamniex dawn il‑friegħi, is‑siġra li magħha tlaqqmu kienet tmut. U issa, ara, jiena se nwarrab ħafna frott, li għamlet is‑siġra; u frottha sejjer inwarrbu għalija bi tħejjija għall‑istaġun.

19 U ġara li Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej: Ejja, imxi mmorru ħdejn il‑parti l‑aktar imbiegħda tal‑għalqa, u naraw jekk il‑friegħi naturali tas‑siġra għamlux ukoll ħafna frott, ħalli jien inkun nista’ nwarrab għalija frottha bi tħejjija għall‑istaġun.

20 U ġara li huma marru fejn il‑padrun kien ħeba l‑friegħi naturali tas‑siġra, u hu qal lill‑qaddej: Ħares lejn dawn; u hu ra li l‑ewwel waħda kienet għamlet ħafna frott; u hu ra wkoll li kien tajjeb. U hu qal lill‑qaddej: Ħu frottha, u warrbu bi tħejjija għall‑istaġun, ħalli jiena nkun nista’ nippreservah għalija; għax ara, qallu, jien ili daż‑żmien kollu nmantniha, u hija għamlet ħafna frott.

21 U ġara li l‑qaddej qal lill‑padrun tiegħu: Għalfejn ġejt hawn biex tħawwel din is‑siġra, jew din il‑fergħa tas‑siġra? Għax ara, din hi l‑anqas parti fertili li hawn fl‑għalqa kollha.

22 U Sid l‑għalqa qallu: Tagħtix lili l‑parir; jien kont naf li din kienet art xejn fertili; għalhekk jiena għidtlek li ili daż‑żmien kollu nmantniha, u int qed tara li għamlet ħafna frott.

23 U ġara li Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej tiegħu: Ħares ’l hawn; ara jiena ħawwilt ukoll fergħa oħra tas‑siġra; u int taf li din il‑parti tal‑art kienet anqas fertili minn tal‑ewwel. Iżda, ħares lejn is‑siġra. Jien ili daż‑żmien kollu nmantniha, u hija għamlet ħafna frott; għalhekk, iġbru, u warrbu bi tħejjija għall‑istaġun, ħalli jiena nkun nista’ nippreservah għalija.

24 U ġara li Sid l‑għalqa reġa’ qal lill‑qaddej tiegħu: Ħares ’l hawn, u ara wkoll fergħa oħra, li jiena ħawwilt; ara li jiena wkoll mantnejtha, u hija għamlet il‑frott.

25 U hu qal lill‑qaddej: Ħares ’l hawn u ara l‑aħħar waħda. Ara, din jien ħawwiltha f’art tajba; u ili daż‑żmien kollu nmantniha, u parti biss mis‑siġra għamlet frott domestiku, u l‑parti l‑oħra tas‑siġra għamlet frott selvaġġ; ara, jiena mantnejt din is‑siġra bħall‑oħrajn.

26 U ġara li Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej: Aqta’ l‑friegħi li ma għamlux frott tajjeb, u ixħethom fin‑nar.

27 Iżda araw, il‑qaddej qallu: Ejja niżbruha, u nagħżqulha madwarha, u nmantnuha ftit ieħor, biex forsi tagħtik frott tajjeb, li tkun tista’ twarrbu bi tħejjija għall‑istaġun.

28 U ġara li Sid l‑għalqa u l‑qaddej ta’ Sid l‑għalqa mantnew il‑frott kollu tal‑għalqa.

29 U ġara li għadda ħafna żmien, u Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej tiegħu: Ejja, imxi ħa ninżlu fl‑għalqa, ħalli naħdmu għal darb’oħra fl‑għalqa. Għax ara, iż‑żmien qed joqrob, u t‑tmiem dalwaqt jasal; għalhekk, jeħtieġ li nwarrab għalija l‑frott bi tħejjija għall‑istaġun.

30 U ġara li Sid l‑għalqa u l‑qaddej niżlu fl‑għalqa; u huma marru ħdejn is‑siġra li minnha kienu tqaċċtu l‑friegħi naturali tagħha, u ġew imlaqqmin fiha l‑friegħi selvaġġ; u araw, is‑siġra spiċċat mgħobbija sa ruħ ommha b’kull tip ta’ frott.

31 U ġara li Sid l‑għalqa daq il‑frott, minn kull tip skont l‑abbundanza tiegħu. U Sid l‑għalqa qal: Ara, ilna daż‑żmien kollu nmantnu din is‑siġra, u jiena warrabt għalija ħafna frott bi tħejjija għall‑istaġun.

32 Iżda ara, din id‑darba għamlet ħafna frott, u l‑ebda frotta li għamlet m’hi tajba. U ara, hawn kull tip ta’ frott ħażin; u għalija ma jiswa xejn, lanqas ħaqq kemm ħdimna; u issa nħossni nitnikket li se jkolli nitlef din is‑siġra.

33 U Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej: X’għandna nagħmlulha din is‑siġra, ħalli għal darb’oħra nkun nista’ nippreserva minnha frott tajjeb għalija?

34 U l‑qaddej qal lill‑padrun tiegħu: Ara, għax inti laqqamt fiha l‑friegħi tas‑siġra selvaġġa huma sostnew l‑għeruq, fejn huma għadhom ħajjin u ma mietux; għalhekk tista’ tara li huma għadhom tajbin.

35 U ġara li Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej tiegħu: Is‑siġra għalija ma tiswa xejn, u l‑għeruq tagħha għalija ma jiswew xejn sakemm hija tibqa’ tagħmel frott ħażin.

36 Madankollu, jiena naf li l‑għeruq huma tajbin, u għall‑għan propju tiegħi jiena ppreservajthom; u minħabba li huma daqstant b’saħħithom huma s’issa għamlu mill‑friegħi selvaġġ frott tajjeb.

37 U ara, il‑friegħi selvaġġ kibru u qabżu l‑friegħi tagħha; u peress li l‑friegħi selvaġġ għelbu lill‑friegħi tagħha hija għamlet ħafna frott ħażin; u peress li għamlet daqstant frott ħażin tista’ tara li hi se tibda tmut; u dalwaqt se ssir misjura żżejjed, li tista’ tinxteħet fin‑nar, sakemm ma nagħmlux xi ħaġa biex nippreservawha.

38 U ġara li Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej tiegħu: Ejja ninżlu fil‑partijiet l‑aktar imbiegħda tal‑għalqa, u naraw jekk il‑friegħi naturali għamlux ukoll frott ħażin.

39 U ġara li huma niżlu fil‑partijiet l‑aktar imbiegħda tal‑għalqa. U ġara li huma raw li l‑frott tal‑friegħi naturali spiċċa tħassar ukoll; iva, tal‑ewwel u tat‑tieni kif ukoll tal‑aħħar; u tħassar kollu kemm hu.

40 U l‑frott selvaġġ tal‑aħħar għeleb dik il‑parti tas‑siġra li għamlet frott tajjeb, tant li l‑fergħa spiċċat nixfet u mietet.

41 U ġara li Sid l‑għalqa nfaqa’ jibki, u qal lill‑qaddej: Xi stajt nagħmel aktar għall‑għalqa tiegħi?

42 Ara, kont naf li l‑frott kollu tal‑għalqa, ħlief għal dawn biss, spiċċa tħassar. U issa dawn li darba għamlu frott tajjeb ukoll spiċċaw tħassru; u issa s‑siġar kollha tal‑għalqa tiegħi mhuma tajbin għal xejn ħlief biex jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar.

43 U ħares lejn din tal‑aħħar, li l‑fergħa tagħha nixfet, jiena ħawwiltha f’art tajba; iva, sewwasew dik li għalija kienet l‑aħjar art minn fost il‑partijiet l‑oħra kollha tal‑art tal‑għalqa tiegħi.

44 U tista’ tara li jiena qtajt ukoll dak kollu li kien qed jingombra dil‑biċċa art, ħalli minflok inkun nista’ nħawwel din is‑siġra.

45 U tista’ tara li parti minnha għamlet frott tajjeb, u parti minnha għamlet frott selvaġġ; u peress li l‑friegħi tagħha ma qtajthomx u ma xħetthomx fin‑nar, ara, huma għelbu l‑fergħa t‑tajba li spiċċat biex nixfet.

46 U issa, ara, minkejja li l‑għalqa tiegħi ħadna daqstant ħsiebha, is‑siġar tagħha spiċċaw tħassru, fejn ma għamlu l‑ebda frott tajjeb; u dawn jien ittamajt li nippreservahom, biex inwarrab frotthom għalija, bi tħejjija għall‑istaġun. Iżda, ara, huma saru bħas‑siġra taż‑żebbuġ selvaġġ, u ma jiswew għal xejn ħlief biex jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar; u nħossni nitnikket li se jkolli nitlifhom.

47 Iżda xi stajt nagħmel aktar fl‑għalqa tiegħi? Tgħid żammejt idi dgħajfa wisq li ma mantnejthiex? Le, jiena mantnejtha, u għażaqtilha madwarha, u żbartha, u tajtha d‑demel; u middejt idi kważi l‑jum kollu, u t‑tmiem qed joqrob. U nħossni nitnikket li se jkolli nqaċċat is‑siġar kollha tal‑għalqa tiegħi, u nixħethom fin‑nar sabiex huma jinħarqu. Min ħassar l‑għalqa tiegħi?

48 U ġara li l‑qaddej qal lill‑padrun tiegħu: Mhux il‑kburija tal‑għalqa tiegħek—ma kenux il‑friegħi tagħha li għelbu l‑għeruq it‑tajbin? U peress li l‑friegħi għelbu l‑għeruq tagħha, ara huma kibru aktar malajr mill‑qawwa tal‑għeruq, fejn spiċċaw kisbu l‑qawwa huma stess. Ara, jiena ngħid, mhijiex din il‑kawża għalfejn is‑siġar tal‑għalqa tiegħek spiċċaw tħassru?

49 U ġara li Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej: Ejja mmorru u nqaċċtu s‑siġar tal‑għalqa u nixħtuhom fin‑nar, biex ma jingumbrawx l‑art tal‑għalqa, għax jien għamilt li stajt. Xi stajt nagħmel aktar għall‑għalqa tiegħi?

50 Iżda, ara, il‑qaddej qal lil Sid l‑għalqa: Agħtiha ftit ċans ieħor.

51 U s‑Sid qal: Iva, se nagħtiha ftit ċans ieħor, għax inħossni nitnikket li jkolli nitlef is‑siġar tal‑għalqa tiegħi.

52 Għalhekk, ejja nieħdu ftit minn dawn il‑friegħi li jien ħawwilt fil‑partijiet l‑aktar imbiegħda tal‑għalqa tiegħi, u ejja nlaqqmuhom fis‑siġra li ġew minnha; u ejja naqtgħu mis‑siġra dawk il‑friegħi li frotthom hu mill‑aktar morr, u minflokhom inlaqqmu l‑friegħi naturali tas‑siġra.

53 U jien nagħmel dan biex is‑siġra ma tmutx, ħalli, forsi, inkun nista’ nippreserva għalija l‑għeruq tagħha għall‑għan propju tiegħi.

54 U, ara, l‑għeruq tal‑friegħi naturali tas‑siġra li jien ħawwilt f’kull post li stajt għadhom ħajjin; għalhekk, biex jien nippreservahom ukoll għall‑għan propju tiegħi, se nieħu mill‑friegħi ta’ dis‑siġra, u se nlaqqamhom fihom. Iva, jien se nlaqqam fihom il‑friegħi tas‑siġra l‑omm li ħarġu minnha, ħalli nkun nista’ nippreserva wkoll il‑friegħi għalija stess, ħalli meta jkunu b’saħħithom biżżejjed forsi jkunu jistgħu jagħmluli frott tajjeb, u forsi għad hemm ċans li ngawdi l‑frott tal‑għalqa tiegħi.

55 U ġara li huma ħadu mis‑siġra naturali li kienet saret selvaġġa, u laqqmuh fis‑siġar naturali, li wkoll kienu saru selvaġġi.

56 U ħadu wkoll mis‑siġar naturali li kienu saru selvaġġi, u laqqmuh fis‑siġra l‑omm li ħarġu minnha.

57 U Sid l‑għalqa qal lill‑qaddej: Taqtax il‑friegħi selvaġġ mis‑siġar, ħlief dawk li huma l‑aktar morri; u fihom għandek tlaqqam skont kif għidtlek jien.

58 U nerġgħu nmantnu s‑siġar tal‑għalqa, u niżbru l‑friegħi tagħhom; u naqtgħu mis‑siġar dawk il‑friegħi misjura żżejjed, li se jmutu, u nixħtuhom fin‑nar.

59 U jiena nagħmel dan biex forsi l‑għeruq tagħhom ikunu jistgħu jissaħħu minħabba t‑tjubija tagħhom; u minħabba l‑iskambju tal‑friegħi, ħalli t‑tajjeb ikun jista’ jegħleb lill‑ħażin.

60 U minħabba li ppreservajt il‑friegħi naturali u l‑għeruq tagħhom, u erġajt laqqamt il‑friegħi naturali fis‑siġra l‑omm li ħarġu minnha, u ppreservajt l‑għeruq tas‑siġra l‑omm li ħarġu minnha, biex forsi, is‑siġar tal‑għalqa tiegħi jkunu jistgħu jerġgħu jagħmlu frott tajjeb; u sabiex jien inkun nista’ ngawdi għal darb’oħra l‑frott tal‑għalqa tiegħi, u, forsi, inkun nista’ nithenna bil‑kbir minħabba li ppreservajt l‑għeruq u l‑friegħi tal‑ewwel frott—

61 Għalhekk, morru, u sejħu l‑qaddejja, ħalli nkunu nistgħu naħdmu bir‑reqqa u bil‑qawwa kollha tagħna ġewwa l‑għalqa, ħalli nkunu nistgħu nħejju mod kif jiena nista’ nerġa’ nagħmel il‑frott naturali, liema frott naturali hu tajjeb u aktar prezzjuż minn kull frott ieħor.

62 Għalhekk, għall‑aħħar darba ejja mmorru u naħdmu qatigħ, għax ara t‑tmiem qed joqrob, u din hi l‑aħħar darba li jiena se niżbor l‑għalqa tiegħi.

63 Laqqam il‑friegħi; ibda minn tal‑aħħar biex ikunu l‑ewwel, u biex tal‑ewwel ikunu l‑aħħar, u agħżaq madwar is‑siġar, kemm il‑maturi u kemm iż‑żgħar, kemm tal‑ewwel u kemm tal‑aħħar; u tal‑aħħar u tal‑ewwel, ħalli lkoll jerġgħu jiġu mantnuti għall‑aħħar darba.

64 Għalhekk, agħżqilhom madwarhom, u iżborhom, u erġa’ agħtihom id‑demel, għall‑aħħar darba, għax it‑tmiem qed joqrob. U jekk jiġri li dawn li tlaqqmu l‑aħħar jikbru, u jagħmlu l‑frott naturali, imbagħad għandek tħejji għalihom mod kif huma jistgħu jikbru.

65 U hekk kif jibdew jikbru għandek teħles mill‑friegħi li jagħmlu frott morr, skont il‑qawwa tat‑tajbin u d‑daqs tagħhom; u m’għandekx teħles mill‑ħżiena tagħhom f’daqqa, ma jmorrux l‑għeruq tagħhom ikunu b’saħħithom wisq għat‑tilqima, u t‑tilqima tagħhom tispiċċa tmut, u jien nitlef is‑siġar tal‑għalqa tiegħi.

66 Għax inħossni nitnikket li jkolli nitlef is‑siġar tal‑għalqa tiegħi; għalhekk għandek teħles mill‑ħżiena skont kif jikbru t‑tajbin, ħalli l‑għerq u l‑quċċata jkunu tal‑istess qawwa, sakemm it‑tajbin jegħlbu lill‑ħżiena, u l‑ħżiena jitqaċċtu u jinxteħtu fin‑nar, biex ma jingumbrawx l‑art tal‑għalqa tiegħi; u b’hekk inkun nista’ niknes il‑ħżiena ’l barra mill‑għalqa tiegħi.

67 U l‑friegħi tas‑siġra naturali nerġa’ nlaqqamhom fis‑siġra naturali;

68 U l‑friegħi tas‑siġra naturali nlaqqamhom fil‑friegħi naturali tas‑siġra; u b’dal‑mod nerġa’ nlaqqagħhom flimkien, biex ikunu jistgħu jagħmlu l‑frott naturali, u jkunu ħaġa waħda.

69 U l‑ħżiena jintremew, iva, sewwasew ’il barra mill‑art tal‑għalqa tiegħi; għax ara, din id‑darba biss jien se niżbor l‑għalqa tiegħi.

70 U ġara li Sid l‑għalqa talab lill‑qaddej biex imur; u l‑qaddej mar u għamel kif ordnalu Sidu, u ġab miegħu qaddejja oħra; u huma kienu ftit.

71 U Sid l‑għalqa qalilhom: Morru, u aħdmu qatigħ fil‑għalqa. Għax araw, din hi l‑aħħar darba li jien se nmantni l‑għalqa tiegħi; għax it‑tmiem jinsab fil‑qrib, u l‑istaġun ma jdumx ma jiġi; u jekk taħdmu qatigħ miegħi intom għad tgawdu minħabba l‑frott li jien se nwarrab għalija bi tħejjija għaż‑żmien li dalwaqt jiġi.

72 U ġara li l‑qaddejja marru u ħadmu qatigħ; u Sid l‑għalqa ħadem ukoll magħhom; u huma obdew il‑kmandamenti ta’ Sid l‑għalqa f’kollox.

73 U fl‑għalqa beda jfeġġ għal darb’oħra l‑frott naturali; u l‑friegħi naturali bdew jikbru u jiffjorixxu bil‑kbir; u l‑friegħi selvaġġ bdew jinqatgħu u jintremew; u huma żammew l‑għerq u l‑quċċata tagħhom indaqs, skont il‑qawwa tagħhom.

74 U hekk huma ħadmu, bir‑reqqa kollha, skont il‑kmandamenti ta’ Sid l‑għalqa, sewwasew sakemm il‑ħżiena spiċċaw intremew ’il barra mill‑għalqa, u s‑Sid ippreserva għalih is‑siġar naturali biex huma reġgħu saru l‑frott naturali; u huma saru bħallikieku ġisem wieħed; u l‑frott kien kollu l‑istess; u Sid l‑għalqa ppreserva għalih il‑frott naturali, li mill‑bidu nett kien l‑aktar prezzjuż għalih.

75 U ġara li meta Sid l‑għalqa ra li l‑frott tiegħu kien tajjeb, u li l‑għalqa tiegħu ma kenitx imħassra aktar, huwa sejjaħ lill‑qaddejja tiegħu, u qalilhom: Araw, għal din l‑aħħar darba aħna mantnejna l‑għalqa tiegħi; u intom stajtu taraw li jien għamilt kollox skont ir‑rieda tiegħi; u jien ippreservajt il‑frott naturali, li huwa tajjeb, sewwasew kif kien fil‑bidu. U mberkin intom; għax peress li ħdimtu miegħi bir‑reqqa fl‑għalqa tiegħi, u ħaristu l‑kmandamenti tiegħi, u erġajtu għal darb’oħra ġibtuli l‑frott naturali, tant li l‑għalqa tiegħi m’għadhiex imħassra aktar, u l‑ħażin intrema, araw intom se tgawdu miegħi minħabba l‑frott tal‑għalqa tiegħi.

76 Għax araw, għal żmien twil sejjer inwarrab għalija l‑frott tal‑għalqa tiegħi bi tħejjija għall‑istaġun, li dalwaqt jasal; u għall‑aħħar darba jiena mantnejt l‑għalqa tiegħi, u żbartha, u għażaqtilha madwarha, u tajtha d‑demel; għalhekk jiena se nwarrab għalija mill‑frott, għal żmien twil, skont dak li jien kont għidt.

77 U meta jasal iż‑żmien li l‑frott il‑ħażin jerġa’ jitfaċċa fl‑għalqa tiegħi, hemmhekk jiena nordna biex it‑tajjeb u l‑ħażin jinġabru t‑tnejn; u t‑tajjeb nippreservah għalija, u l‑ħażin narmih fil‑post li hemm lest għalih. U mbagħad jasal l‑istaġun u t‑tmiem; u jien nordna biex l‑għalqa tiegħi tinħaraq bin‑nar.