2010-2019
Ta’ Qalb Ħelwa u Umli
April 2018


Ta’ Qalb Ħelwa u Umli

L-umiltà hija kwalità sinifikanti tal-Feddej u niddistingwuha b’ sensibilità ġusta, b’ sottomissjoni leali u billi nrażżnu lilna nfusna b’ qawwa.

Inħossni verament ferħan bl-opportunità sagra li għandi li nsostni lill-mexxejja tal-Knisja, u b’ qalbi kollha nilqa’ lill-Presbiteru Gong u lill-Presbiteru Soares fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Il-ministeru ta’ dawn l-irġiel fidili se jbierek għadd ta’ individwi u familji minn madwar id-dinja, u jiena ninsab ħerqan li nservi magħhom u nitgħallem minnhom.

Nitlob li l-Ispirtu s-Santu jgħallimna u jilluminana hekk kif aħna nitgħallmu flimkien dwar aspett mill-aktar importanti tan-natura divina tas-Salvatur1 li lkoll kemm aħna għandna nagħmlu l-almu tagħna li nimitaw.

Jiena se nippreżenta diversi eżempji li jenfasizzaw din il-kwalità li tixbah lil Kristu qabel ma nidentifika din l-kwalità speċifika aktar tard fil-messaġġ tiegħi. Jekk jogħġobkom isimgħu bir-reqqa kull eżempju li se nagħtikom u kkunsidraw miegħi ċerti tweġibiet possibbli għall-mistoqsijiet li jien se nagħmel.

Eżempju #1. Ir-Raġel Żagħżugħ u Għani u Amuleki

Fit-Testment il-Ġdid, aħna nitgħallmu dwar raġel żagħżugħ u għani li staqsa lil Ġesù, “Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”2 Is-Salvatur l-ewwel talbu biex jobdi l-kmandamenti. L-Imgħallem imbagħad talab minn dan iż-żagħżugħ ħaġa oħra indirizzata għall-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tiegħu.

“Wieġbu Ġesù, Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema ; mbagħad ejja u imxi warajja.

“Iż-żagħżugħ kif sama’ dan, telaq b’ qalbu sewda, għax kien għani ħafna.”3

Ejjew inqabblu t-tweġiba tar-raġel żagħżugħ u għani mal-esperjenza ta’ Amuleki, kif deskritta fil-Ktieb ta’ Mormon. Amuleki kien raġel ħabrieki u sinjur u li kellu ħafna qraba u ħbieb.4 Huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala raġel li kien ġie msejjaħ mill-Mulej ħafna drabi iżda qatt ma ried jisma’, raġel li kien jaf xi jrid Alla minnu iżda ma kienx jagħmel dak li Alla ried.5 Minkejja li kien raġel pjuttost tajjeb, Amuleki kien iħalli l-ħwejjeġ tad-dinja jagħmuh bħar-raġel żagħżugħ u għani li naqraw dwaru fit-Testment il-Ġdid.

Avolja qabel huwa kien webbes qalbu, Amuleki obda l-leħen tal-anġlu, laqa’ f’ daru lill-profeta Alma, u dar bih. Huwa wasal biex stenbaħ spiritwalment waqt iż-żjara ta’ Alma u ġie msejjaħ biex ixandar l-evanġelju. Imbagħad Amuleki ssagrifika “id-deheb kollu u l-fidda, kif ukoll kull ħaġa prezzjuża li kellu … għall-kelma ta’ Alla, u ġie mwarrab minn dawk li qabel kienu sħabu kif ukoll minn missieru u l-qraba tiegħu.”6

X’ taħsbu li jispjega d-differenza bejn il-mod kif wieġeb għas-sejħa r-raġel żagħżugħ u għani u kif wieġeb Amuleki?

Eżempju #2. Paħoran

Waqt żmien mill-aktar perikoluż ta’ gwerra li naqraw fuqu fil-Ktieb ta’ Mormon, Moroni, il-kaptan tal-armati Nefiti u Paħoran, il-prim imħallef u l-gvernatur tal-pajjiż kienu kitbu għadd ta’ ittri lil xulxin. Moroni, li l-armata tiegħu kienet qed issofriminħabba nuqqas ta’ sapport min-naħa tal-gvern, kiteb lil Paħoran “biex jikkundannah”7 u jakkuża kemm lilu kif ukoll lill-mexxejja sħabu b’ nuqqas ta’ sapport, b’ għażż, b’ negliġenza u saħansitra bi tradiment.8

Paħoran faċilment seta’ ħassu insultat bl-akkużi ta’ Moroni u bl-allegazzjonijiet żbaljati tiegħu, iżda le. Huwa wieġeb b’ kompassjoni u ddeskriva r-ribelljoni li kienet saret kontra l-gvern li Moroni ma kienx konxju tagħha. Imbagħad Paħoran iddikjara:

“Ara, jiena ngħidlek, Moroni, li jiena ma niħux gost bis-sofferenza kbira tiegħek, iva, verament tnikkitli ruħi. …

“… Fl-ittra tiegħek inti ċċensurajtni, iżda ma jimpurtax; jiena mhux irrabjat għalik, iżda nifraħ verament minħabba l-qalb kbira li inti għandek.”9

X’ taħsbu li jispjega t-tweġiba daqstant ikkalkulata ta’ Paħoran għall-akkużi ta’ Moroni?

Eżempju #3. Il-President Russell M. Nelson u l-President Henry B. Eyring

Fil-konferenza ġenerali ta’ sitt xhur ilu, il-President Russell M. Nelson iddeskriva t-tweġiba tiegħu għall-istedina tal-President Thomas S. Monson li aħna għandna nistudjaw, nixtarru u napplikaw il-veritajiet li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon. Huwa qal: “Jien ippruvajt nimxi wara l-kunsill tiegħu. Fost ħwejjeġ oħra, jiena għamilt diversi listi differenti ta’ dak li l-Ktieb ta’ Mormon fil-fatthu, dak li jiddikjara, dak li jirrifjuta, dak li jġib fis-seħħ, dak li jikkjarifika, u dak li jiżvela. Kien eżerċizzju mill-aktar intuwittiv u ta’ ispirazzjoni hekk kif jiena bdejt inħares lejn il-Ktieb ta’ Mormon minn dik il-lenti! Nirrakkomanda li anke intom tagħmlu dan.”10

Il-President Henry B. Eyring bl-istess mod enfasizza l-importanza f’ ħajtu ta’ dak li talabna nagħmlu l-President Monson. Huwa osserva:

“B’ din it-testimonjanza, jiena għaddejt 50 sena naqra kuljum il-Ktieb ta’ Mormon.Għalhekk forsi bir-raġun jien ħsibt li kliem il-President Monson kien jgħodd għal ħaddieħor u mhux għalija. Madankollu, bħal ħafna minnkom, jiena ħassejt l-inkuraġġiment tal-profeta u l-wegħda tiegħu jistednuni biex nagħmel daqsxejn ta’ sforz akbar. …

“Ir-riżultat feliċi għalija, u għal ħafna minnkom, kien dak li wiegħed il-profeta.”11

Kif tispjegawli r-rispons immedjat u mill-qalb għall-istedina tal-President Monson minn dawn iż-żewġ mexxejja tal-Knisja tal-Mulej?

Jiena mhux qed nissuġġerixxi li r-rispons tant spiritwalment qawwi ta’ Amuleki u Paħoran, kif ukoll tal-President Nelson u l-President Eyring nistgħu nispjegawh b’ sempliiment kwalità waħda li tixbah lil Kristu partikolari. Ċertament, ħafna kwalitajiet u esperjenzi interrelatati wasslu għall-maturità spiritwali riflessa fil-ħajja ta’ dawn l-erba’ qaddejja nobbli. Iżda s-Salvatur u l-profeti Tiegħu enfasizzaw il-kwalità essenzjali li lkoll kemm aħna jeħtieġ li nifhmu ferm aħjar u nagħmlu l-almu tagħna li ninkorporaw f’ ħajjitna.

Umiltà

Jekk jogħġobkom innutaw il-kwalitajiet li l-Mulej uża biex jiddeskrivi lilu nnifsu fl-iskrittura li ġejja: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.”12

B’ mod istruttiv, is-Salvatur jagħżel li jenfasizza l-umiltà minn fost il-kwalitajiet u l-virtujiet kollha li Huwa potenzjalment seta’ jagħżel.

L-istess mudell jidher evidenti f’ rivelazzjoni li l-Profeta Joseph Smith irċieva fl-1829. Il-Mulej iddikjara, “Tgħallmu minni, u isimgħu kliemi; imxu fl-umiltà tal-Ispirtu tiegħi, u jkollkom il-paċi fija.”13

L-umiltà hija kwalità sinifikanti tal-Feddej u niddistingwuha b’ sensibilità ġusta, b’ sottomissjoni leali u billi nrażżnu lilna nfusna b’ qawwa. Din il-kwalità tgħinna nifhmu aktar kompletament ir-reazzjoni rispettiva ta’ Amuleki u Paħoran, tal-President Nelson u l-President Eyring.

Per eżempju, il-President Nelson u l-President Eyring b’ mod ġust u immedjat wieġbu għall-inkuraġġiment tal-President Monson li huma jaqraw u jistudjaw il-Ktieb ta’ Mormon. Minkejja li t-tnejn li huma kienu qed iservu f’ pożizzjonijiet fil-Knisja mill-aktar importanti u viżibbli u studjaw l-iskrittura b’ mod estensiv għal għexieren ta’ snin, fir-rispons tagħhom huma ma wrew l-ebda eżitazzjoni jew sens ta’ kburija.

Amuleki, minn jeddu, issottometta ruħu għar-rieda ta’ Alla, fejn aċċetta s-sejħa li jxandar l-evanġelju, u ħalla warajh il-ħajja komda li kien jgħix kif ukoll il-familja tiegħu. U Paħoran ġie mbierek bil-perspettiva u bil-kapċità li jrażżan lilu nnifsu minflok ma rreaġixxa, kif spjega lil Moroni, għall-isfidi li ffaċċja minħabba ribelljoni li qamet kontra l-gvern.

Ħafna drabi, id-dinja tal-lum ma tifhmix sewwa xi tfisser verament din il-kwalità li tixbah lil Kristu tal-umiltà. L-umiltà tfisser li tkun b’ saħħtek u mhux li tkun dgħajjef; li tkun attiv u mhux passiv; li tkun kuraġġjuż, mhux timidu; li tkun taf trażżan lilek innifsek u mhux tkun bla kontroll; li tkun modest mhux titkabbar; u li tkun grazzjuż, mhux prużuntuż. Persuna umli mhux faċli tiġi pprovokata, mhijiex pretenzjuża jew arroganti u faċilment tagħraf it-tajjeb li jwettaq ħaddieħor.

Minbarra li l-umiltà ġeneralment turi d-dipendenza tagħna minn Alla u l-bżonn kostanti għall-gwida u s-sapport Tiegħu, karatteristika oħra li tiddistingwiha hija riċettività spiritwali partikolari li nitgħallmu kemm mill-Ispirtu s-Santu kif ukoll minn nies li jafu jidhru anqas kapaċi, b’ anqas esperjenza u edukazzjoni, li jaf m’għandhom l-ebda pożizzjoni importanti jew inkella jaf jidher li qatt ma taw xi kontribut kbir. Tiftakru kif Nagħam, is-sultan tal-armata tas-sultan fis-Sirja, għeleb il-kburija tiegħu u b’ umiltà aċċetta l-parir tal-qaddejja tiegħu li jobdi lil Eliżew il-profeta u jmur jinħasel seba’ darbiet fix-xmara Ġordan.14 L-umiltà hija l-protezzjoni ewlenija kontra l-għama kollha kburija li ħafna drabi hija riżultat tal-prominenza, ta’ xi pożizzjoni, tas-setgħa, tal-ġid materjali u tal-inċensar.

L-Umiltà—Kwalità Tixbah lil Kristu u Don Spiritwali

L-umiltà hija kwalità li niżviluppawha permezz ta’ xewqa, eżerċizzju ġust tal-għażla morali, u li nagħmlu dejjem li nistgħu biex niksbu maħfra ta’ dnubietna.15 Hija wkoll don spiritwali li aħna nistgħu nfittxuh b’ mod xieraq.16 Madankollu, għandna niftakru l-għan li barka bħal din tingħata lilna, sewwasew għall-benefiċċju ta’ wlied Alla u biex aħna nservuhom.17

Hekk kif aħna nersqu lejn is-Salvatur u nimxu warajh, aħnagradwalment ħa nżidu l-kapaċità li nsiru bħalu. L-Ispirtu lilna jagħtina l-qawwa li nrażżnu b’ mod ddixxiplinat lilna nfusna u li l-imġiba tagħna tkun waħda aktar sana u kalma. Għalhekk, l-umiltà hija dik li aħna fil-fatt insiru bħala dixxipli tal-Imgħallem u mhux biss sempliċiment dak li rridu nagħmlu.

“Mosè trawwem fl-għerf kollu tal-Eġizzjani u sar qawwi fi kliemu u għemilu.”18 Madankollu huwa “kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.”19 L-għarfien u l-kompetenza tiegħu setgħu wassluh biex jitkabbar. Minflok, il-kwalità u d-doni spiritwali tal-umiltà li biha huwa kien imbierek attenwaw l-arroganza f’ ħajtu u elevaw lil Mosè bħala strument li bih ġew fis-seħħ l-għanijiet ta’ Alla.

L-Imgħallem bħala Eżempju tal-Umiltà

L-aktar eżempji majestużi u sinifikanti ta’ umiltà narawhom fil-ħajja tas-Salvatur Innifsu.

Il-Feddej il-Kbir, li “ċċekken aktar minn kulħadd”20 u li sofra, ċarċar demmu u miet “biex inaddafna minn kull ħażen,”21 b’ tenerezza ħasel ir-riġlejn mtarrba tad-dixxipli Tiegħu.22 Daqstant umiltà hija karatteristika ewlenija tal-Mulej bħala qaddej u mexxej.

Ġesù pprovdielna l-aqwa eżempju ta’ sensibilità ġusta u sottomissjoni leali hekk kif Huwa sofra agunija mill-aktar intensa fil-Ġetsemani.

“Kif wasal hemmhekk qal lid-dixxipli Tiegħu, Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib.

“U huwa … nxteħet għarkupptejh jitlob,

“U jgħid, Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.”23

L-umiltà tas-Salvatur f’ din l-esperjenza eternament essenzjali u doloruża turina lkoll l-importanza li aħna npoġġu l-għerf ta’ Alla qabel l-għerf tagħna.

Il-konsistenza tas-sottomissjoni leali tal-Mulej u l-mod kif Huwa rażżan lilu nnifsu huma kemm ħaġa li tispirana kif ukoll li nistgħu verament nitgħallmu minnha. Hekk kif grupp armat ta’ gwardjani tat-tempju u suldati Rumani waslu fil-Ġetsemani biex jaqbdu u jarrestaw lil Ġesù, Pietru ħareġ is-sejf u qata’ biċċa mill-widna tal-lemin tal-qaddej tal-qassis il-kbir.24 Is-Salvatur imbagħad mess widnejn il-qaddej u fejqu.25 Jekk jogħġobkom innotaw li Huwa mar u bierek lil dak li kien sejjer jarrestah bl-istess qawwa divina li setgħet żammitu milli jiġi arrestat u msallab.

Ikkunsidraw wkoll kif l-Imgħallem ġie akkużat u kkundannat quddiem Pilatu biex jiġi msallab.26 Ġesù ddikjara waqt it-tradiment Tiegħu, “Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli?”27 Madankollu, “l-Imħallef Etern tal-ħajjin u l-mejtin”28 paradossalment ġie ġġudikat quddiem bniedem maħtur politikament u temporanjament. “Iżda Ġesù anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.”29 L-umiltà tas-Salvatur hija evidenti fir-rispons iddixxiplinat Tiegħu, fil-qawwa kif Huwa rażżan lilu nnifsu u fin-nuqqas ta’ rieda Tiegħu li jeżerċita l-qawwa infinita Tiegħu għall-benefiċċju personali Tiegħu.

Wegħda u Testimonjanza

Mormon jidentifika l-umiltà bħala s-sisien li fuqu nibnu kull kapaċità u don spiritwali.

“Għalhekk, jekk bniedem għandu l-fidi jeħtieġ li jkollu wkoll it-tama; għaliex mingħajr fidi ma jistax ikun hemm tama.

“U wkoll, araw jiena ngħidilkom li bniedem ma jistax ikollu l-fidi u t-tama, jekk l-ewwel huwa ma jkunx ta’ qalb ħelwa u umli.

“Jekk ma jkunx hekk, il-fidi u t-tama tiegħu jkunu għal xejn, għaliex ħadd ma jiġi aċċettat quddiem Alla, ħlief dawk ta’ qalb ħelwa u umli; u jekk il-bniedem ikun ta’ qalb ħelwa u umli, u jistqarr bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu l-Kristu, huwa għandu jkollu fih il-karità; għax jekk m’għandux il-karità huwa mhu xejn; għalhekk l-ewwel għandu jkollu fih il-karità.”30

Is-Salvatur iddikjara, “Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.”31 L-umiltà hija aspett essenzjali tan-natura divina u nistgħu niksbuha u niżviluppawha f’ ħajjitna minħabba u permezz tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa l-Feddej ħaj u mqajjem mill-imwiet tagħna. U jiena nwegħidkom li Huwa jiggwida, jipproteġi u jagħti l-qawwa lilna lkoll hekk kif aħna nimxu fl-umiltà tal-Ispirtu Tiegħu. Jiena niddikjara ix-xhieda ċerta tiegħi dwar dawn il-veritajiet u l-wegħdiet fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.