2010-2019
Araw il-Bniedem!
April 2018


Araw il-Bniedem!

Dawk li jsibu mod kif verament jaraw lill-Bniedem ikunu sabu l-bieb tal-akbar ferħ fil-ħajja u l-balzmu għall-aktar mumenti ta’ disperazzjoni fil-ħajja.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, jiena grat li ninsab magħkom f’ dawn il-jumejn meraviljużi fi tmiem il-ġimgħa li fihom qed niltaqgħu għall-konferenza ġenerali. Jien u Harriet nifirħu magħkom ilkoll waqt li nsostnu lill-Presbiteri Gong u Soares u l-ħafna aħwa oħra li rċevew ċerti sejħiet sinifikanti ġodda waqt din il-konferenza ġenerali.

Għalkemm jiena nimmissja verament lill-għażiż ħabib tiegħi, il-President Thomas S. Monson, jiena nħobb, insostni u nissapportja lill-profeta u l-President tagħna, Russell M. Nelson, u lill-kunsilliera nobbli tiegħu.

Jiena grat ukoll u onort li għal darb’oħra jien għandi ċ-ċans li naħdem aktar mill-viċin mal-għeżież Ħuti tal-Kworum tat-Tnax.

Fuq kollox, jiena nieqaf hawn quddiemkom b’umiltà u nħossni verament ferħan li jiena membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, fejn miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal huma lesti li jeżaltaw il-post li jinsabu fih—hi x’inhi l-kapaċità jew is-sejħa tagħhom—u jippruvaw b’ qalbhom kollha jservu lil Alla u lil uliedu, waqt li jibnu s-saltna ta’ Alla.

Illum huwa jum sagru. Huwa jum Ħadd il-Għid, meta aħna nikkommemoraw dik l-għodwa glorjuża meta s-Salvatur tagħna kisser l-irbit tal-mewt1 u ħareġ rebbieħ mill-qabar.

L-Akbar Jum fl-Istorja

Riċentiment jiena fittixt fuq l-internet il-mistoqsija, “Liema hi dik il-ġurnata li l-aktar bidlet ir-rotta tal-istorja tad-dinja?”

Ċerti tweġibiet li telgħu kienu sorprendenti u strambi u oħrajn intuwittivi u jġegħluk taħseb.Fosthom, il-jum li fih asterojde preistorika laqtet il-Peniżola Yucatán; jew meta, fl-1440, Johannes Gutenberg lesta l-istamperija tiegħu; u, bla dubju, il-jum fl-1903 meta l-aħwa Wright urew lid-dinja li l-bniedem verament jista’ jtir.

Jekk xi ħadd jistaqsi lilkom dik l-istess mistoqsija, xi twieġbu?

F’ moħħi t-tweġiba hija waħda ċara.

Biex insibu l-aktar jum importanti fl-istorja, aħna għanda mmorru lura għal dik l-għodwa, kważi 2,000 sena ilu fil-Ġnien tal-Ġetsemani, meta Ġesù Kristu niżel għarkupptejh f’ mument ta’ talb mill-aktar intens u offra lilu nnifsu bħala fidwa għal dnubietna. Kien fil-fatt waqt dan is-sagrifiċċju kbir u infinit ta’ sofferenza li ħadd qatt ma esperjenza bħalha, kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu, li Ġesù Kristu, l-istess Alla, ċarċar demmu mill-pori kollha Tiegħu. Sforz l-imħabba perfetta Tiegħu, Huwa offra kulma seta’ joffri biex aħna nkunu nistgħu nirċievu kulma neħtieġu. Is-sagrifiċċju divin Tiegħu, li diffiċli wieħed jifhmu għal kollox, li nistgħu nħossuh biss permezz ta’ qalbna u moħħna, ifakkarna fid-dejn universali ta’ gratitudni li aħna għandna ma’ Kristu għar-rigal divin Tiegħu.

Aktar tard dak il-lejl, Ġesù ttieħed quddiem awtoritajiet reliġjużi u politiċi li ddieħku bih, sawtuh u kkundannawh għal mewt mill-aktar krudili.Huwa spiċċa mdendel f’ agunija fuq is-salib sakemm, finalment, “Kollox [ġie] mitmum.”2 Il-ġisem bla ħajja Tiegħu tqiegħed f’ qabar misluf. Imbagħad, fl-għodwa tat-tielet jum, Ġesù Kristu, Iben Alla s-Setgħan, ħareġ mill-qabar bħala bniedem glorjuż u mqajjem mill-imwiet kollu splendur, dija u majestà.

Iva, hemm ħafna ġrajjiet tul l-istorja li affettwaw profondament id-destin tal-ġnus u l-popli. Iżda jekk tiġborhom kollha flimkien, żgur ma tistax tqabbilhom fl-importanza ma’ ta’ dak li ġara f’ dik l-ewwel għodwa tal-Għid.

Iżda x’inhu dak li jagħmel is-sagrifiċċju infinit u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu l-aktar ġrajja importanti fl-istorja—aktar influwenti mill-gwerer tad-dinja, mid-diżastri katakliċi u l-iskoperti xjentifiċi li bidlu l-ħajja tal-bniedem?

Grazzi għal Ġesù Kristu, Aħna Nistgħu Nerġgħu Ngħixu mill-Ġdid

It-tweġiba tinsab f’ żewġ sfidi enormi li lkoll kemm aħna nħabbtu wiċċna magħhom.

L-ewwel, aħna lkoll se mmutu. Int kemm int żgħir, ħelu, attent f’dak li tagħmel jew b’ saħħtek, xi darba ġisimek għad jispiċċa bla ħajja.Il-ħbieb u l-familja tiegħek se jkunu f’ luttu minħabba fik. Iżda huma ma jkunux jistgħu jġibuk lura.

Madankollu, minħabba Ġesù Kristu, il-mewt tiegħek se tkun waħda temporanja. Xi darba l-ispirtu tiegħek se jingħaqad ma’ ġismek. Dan il-ġisem imqajjem mill-imwiet qatt aktar ma jerġa’ jmut,3 u inti tgħix fl-eternitajiet, ħieles minn kull uġigħ u sofferenza fiżika.4

Dan jiġri minħabba Kristu Ġesù, li offra ħajtu u reġa’ ħadha lura.

Huwa għamel dan għal dawk kollha li jemmnu fih.

Huwa għamel dan għal dawk kollha li ma jemmnux fih.

Huwa għamel dan saħansitra għal dawk li jiddieħku, jwaqqgħu għaċ-ċajt u joffendu ismu.5

Grazzi għal Ġesù Kristu, Aħna Nistgħu Nerġgħu Ngħixu ma’ Alla

It-tieni, aħna lkoll dnibna. Id-dnubiet tagħna jżommuna għal dejjem milli ngħixu ma’ Alla, għaliex “l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tidħol fis-saltna tiegħu.”6

B’ riżultat ta’ dan, l-ebda raġel, mara jew tifel ma setgħu qatt jerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu—sa dak il-jum li fih Ġesù Kristu, il-Ħaruf mingħajr tebgħa, offra ħajtu bħala fidwa għal dnubietna.Peress li Ġesù ma kellu l-ebda dejn mal-ġustizzja, Huwa seta’ jħallas id-dejn tagħna u jagħmel tajjeb għad-domanda tal-ġustizzja f’ isem l-erwieħ kollha. U dan jinkludi lili u lilkom.

Ġesù Kristu ħallas il-prezz għal dnubietna.

Kollha kemm huma.

F’ dak il-jum l-aktar importanti fl-istorja, Kristu Ġesù fetaħ il-kanċelli tal-mewt u warrab min-nofs kull ostaklu li seta’ jimpedixxi milli aħna ngħaddu għal ġos-swali mqaddsa tal-ħajja ta’ dejjem. Grazzi għall-Mulej u s-Salvatur tagħna, jien u intom ġejna mogħtija rigal mill-aktar prezzjuż u imprezzabbli—hu x’inhu l-passatt tagħna, aħna nistgħu nindmu u nimxu fit-triq li twassal għal dawl u glorja ċelestjali, imdawrin bl-ulied fidili ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Għalfejn Aħna Nifirħu

Dan hu li aħna niċċelebraw f’ Ħadd il-Għid—aħna niċċelebraw il-ħajja!

Minħabba Ġesù Kristu, aħna nispiċċaw noħorġu mid-disperazzjoni tal-mewt u nħaddnu magħna lil dawk li aħna nħobbu, u magħhom inxerrdu dmugħ ta’ ferħ u nixxiegħa ta’ gratitudni.Minħabba Ġesù Kristu, aħna se ngħixu bħala esseri eterni, dinjiet bla tmiem.

Minħabba Kristu Ġesù, dnubietna mhux biss jistgħu jiġu mħassra; huma jistgħu jintesew.

Aħna nistgħu niġu ppurifikati u eżaltati.

Imqaddsa.

Minħabba l-maħbub Salvatur tagħna, aħna nistgħu nixorbu għal dejjem mill-funtana tal-ilma li twassal sal-ħajja eterna.7 Aħna nistgħu ngħammru għal dejjem fil-bini l-kbir tas-Sultan etern tagħna, fi glorja inimmaġinabbli u hena perfetta.

“Araw il-Bniedem”: aħna narawh?

Minkejja dan kollu, illum hawn ħafna nies fid-dinja li jew mhumiex konxji jew inkella ma jemmnux fir-rigal prezzjuż li tana Ġesù Kristu.Jista’ jkun li huma semgħu b’ Ġesù Kristu u jafuh bħala figura storika, iżda ma jarawhx għal dak li verament Hu.

Meta jiena naħseb dwar dan, jiġi f’ moħħi s-Salvatur wieqaf quddiem il-prefett Ruman tal-Lhudija, Ponzju Pilatu, ftit sigħat biss qabel il-mewt tas-Salvatur.

Pilatu kien ra lil Ġesù sempliċiment minn perspettiva limitata. Pilatu kien hemm biex iwettaq xogħlu, u primarjament ir-responsabbiltà tiegħu kienet maqsuma fi tnejn: li jiġbor it-taxxi għar-Ruma u li jżomm il-paċi. Issa s-Sinedriju Lhudi ħadu quddiemu raġel li huma ddikjaraw li kien ta’ ostaklu għat-tnejn li huma.8

Wara li huwa interroga lill-priġunier tiegħu, Pilatu ħabbar, “Jiena ma nsib l-ebda ħtija fih.”9 Iżda huwa ħass li kellu jagħmel dak li riedu dawk li bdew jakkużaw lil Ġesù, għalhekk Pilatu rrikorra għal drawwa lokali li kienet tippermetti li jinħeles priġunier wieħed fi żmien l-Għid. Mhux ovvja li se jgħidulu biex jeħles lil Ġesù , flok lill-ħalliel u l-qattiel magħruf, Barabba?10

Iżda l-marmalja storbjuża talbet lil Pilatu biex jeħilsilha lil Barabba u jsallab lil Ġesù.

“Għalfejn?” Pilatu staqsa. “Imma dan x’għamel ħażin?”

Iżda dan wassal biex in-nies aktar bdew jgħajtu.“Sallbu!”11

Fi sforz ieħor biex jissodisfa lill-marmalja, Pilatu ordna lin-nies tiegħu biex isawtu lil Ġesù.12 Huma hekk għamlu, u ħallewh imbenġel kollu demm.Huma għaddewh biż-żmien, poġġew fuq rasu kuruna tax-xewk, u libbsuh mantar aħmar.13

Jista’ jkun li Pilatu ħaseb li dan se jkun biżżejjed biex jissodisfa l-kilba li l-marmalja kellha għal demmu. Jista’ jkun li huma jispiċċaw jitħassruh. “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra,” qal Pilatu, “biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih. … Araw il-Bniedem!”14

Iben Alla spiċċa wieqaf hemmhekk quddiem in-nies ta’ Ġerusalemm.

Huma setgħu jaraw lil Ġesù, iżda ma setgħux jaraw min Hu verament.

Huma ma kellhomx għajnejn biex jaraw.15

F’ sens figurattiv, aħna wkoll qed niġu mistednin biex “naraw lill-bniedem.” L-opinjoni dwaru madwar id-dinja tvarja. Profeti tal-qedem kif ukoll ta’ żmienna taw ix-xhieda tagħhom li Hu Iben Alla. Jiena wkoll nagħmel dan. Hija ħaġa mill-aktar sinifikattiva u importanti li aħna nsiru nafuh personalment. Għalhekk, meta intom tixtarru l-ħajja u l-ministeru ta’ Ġesù Kristu, intom x’ taraw?

Dawk li jsibu mod kif verament jaraw lill-Bniedem ikunu sabu l-bieb tal-akbar ferħ fil-ħajja u l-balzmu għall-aktar mumenti ta’ disperazzjoni fil-ħajja.

Għalhekk, meta intom tinħakmu minn mumenti ta’ niket u dulur, ħarsu lejn il-Bniedem.

Meta tħossukom mitlufin jew minsija, ħarsu lejn il-Bniedem.

Meta tħossukom imdejqin, weħidkom, fid-dubju, imweġġgħin jew telliefa, ħarsu lejn il-Bniedem.

Huwa jfarraġkom.

Huwa jfejjaqkom u jagħtikom skop għalfejn għandkom tkomplu mexjin fil-vjaġġ tagħkom. Huwa jixħet l-Ispirtu Tiegħu fuqkom u jimla qalbkom b’ ferħ mill-aktar kbir.16

Hu li jagħti “il-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa.”17

Meta aħna verament inħarsu lejn il-Bniedem, aħna nitgħallmu minnu u nfittxu li naraw li ħajjitna tkun f’ armonija mal-ħajja tiegħu. Aħna nindmu u nagħmlu l-almu tagħna biex nirraffinaw in-natura tagħna u biex kuljum nersqu dejjem aktar viċin Tiegħu. Aħna nafdaw fih. Aħna nuru mħabbitna lejh billi nżommu l-kmandamenti Tiegħu u billi nonoraw il-patti sagri tagħna.

Fi kliem ieħor, aħna nsiru dixxipli Tiegħu.

Id-dawl Tiegħu li jirraffinana jasal biex jimla ruħna. Il-grazzja Tiegħu televana. It-tagħbija tagħna tiħfief, u jkollna fina aktar paċi. Meta aħna verament naraw il-Bniedem, aħna jkollna l-wegħda ta’ futur imbierek li jispirana u jgħinna fil-mumenti diffiċli li niffaċċjaw f’ ħajjitna waqt il-vjaġġ tagħna.Meta nħarsu lura, aħna nagħrfu li jeżisti mudell divin, li t-tikek verament nistgħu ngħaqqduhom flimkien.18

Hekk kif intom taċċettaw is-sagrifiċċju Tiegħu, issiru d-dixxipli Tiegħu u finalment taslu fit-tmiem tal-vjaġġ tagħkom fid-dinja, x’ jiġri min-niket kollu li intom tkunu esperjenzajtu f’ din il-ħajja?

Huma jisparixxu.

U xi ngħidu għad-diżappunt, it-tradiment, il-persekuzzjoni li ħabbattu wiċċkom magħhom?

Jisparixxu.

U s-sofferenza, l-uġigħ il-qalb, il-ħtija, l-għajb u d-diqa ta’ qalb li għaddejtu minnhom?

Jisparixxu.

Jintesew.

Qed tifhmu mela għalfejn “aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu bi Kristu, aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu… sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom”?19

Qed tifhmu għalfejn aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex b’ qalbna kollha aħna naraw il-Bniedem?

Għeżież ħuti, jiena nixhed li l-aktar jum importanti fl-istorja tal-umanità kien il-jum meta Ġesù Kristu, l-Iben Ħaj ta’ Alla, rebaħ il-vittorja fuq il-mewt u d-dnub, għall-ulied kollha ta’ Alla. U l-aktar jum importanti f’ ħajjitkom u f’ ħajti huwa l-jum meta aħna nitgħallmu “naraw lill-bniedem”; meta aħna narawh kif verament Hu; meta aħna nibbenifikaw, b’ qalbna kollha u b’ moħħna kollu, mill-qawwa tal-att tal-fidwa Tiegħu; meta b’ entużjażmu frisk u saħħa ġdida, aħna nikkommettu ruħna li nimxu warajh.Jalla dan ikun jum li jibqa’ kontinwament ifeġġ tul ħajjitna kollha.

Jiena nħallikom bit-testimonjanza u l-barka tiegħi li hekk kif aħna “naraw il-bniedem,” aħna nsibu skop, ferħ u paċi f’ din il-ħajja tagħna fid-dinja u fil-ħajja eterna fid-dinja li jmiss. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Ara Mosiah 15:23.

  2. Ġwanni 19:30.

  3. Ara Alma 11:45.

  4. Ara Rivelazzjoni 21:4.

  5. Ara 1 Korintin 15:21–23.

  6. 3 Nephi 27:19.

  7. Ara Ġwanni 4:14.

  8. Ara Luqa 23:2.

  9. Ġwanni 18:38. Biex jevita li jkollu jiġġudika lil Ġesù, Pilatu pprova jgħaddi l-każ lil Erodi Antipa. Jekk Erodi, li kien talab li jinqatel Ġwanni l-Battista (ara Mattew 14:6–11), kien se jasal biex jikkundanna lil Ġesù, Pilatu kien jissiġilla l-ġudizzju u jiddikjara li din kienet sempliċiment kwistjoni lokali li huwa qabel magħha biex ikun jista’ jżomm il-paċi.Iżda lil Erodi Ġesù ma qallu lanqas kelma waħda (ara Luqa 23:6–12), u Erodi bagħtu lura għand Pilatu.

  10. Ara Mark 15:6–7; Ġwanni 18:39–40. Wieħed studjuż tat-Testment il-Ġdid kiteb, “Jidher li kienet id-drawwa, li fi żmien l-Għid il-Gvernatur Ruman lill-poplu Lhudi jeħlislu xi ħabsi magħruf li kien jinsab ikkundannat għall-mewt” (Alfred Edersheim, The Life and Times of Jesus the Messiah [1899], 2:576). L-isem Barabba ifisser “bin il-missier.” L-ironija li huwa ta lill-poplu ta’ Ġerusalemm għażla bejn dawn iż-żewġt irġiel hija waħda mill-aktar interessanti.

  11. Ara Mark 15:11–14.

  12. Dan is-swat tant kien terribbli li kien jissejjaħ “il-mewt intermedja” (Edersheim, Jesus the Messiah, 2:579).

  13. Ara Ġwanni 19:1–3.

  14. Ġwanni 19:4-5.

  15. Aktar kmieni, Ġesù osserva li “l-qalb ta’ dan il-poplu twebbset: kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom, u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibidlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom.” U mbagħad bi ħlewwa, Huwa qal lid-dixxipli Tiegħu, “Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu” (Mattew 13:15–16). Aħna se nippermettu li qalbna titwebbes, jew aħna lesti biex niftħu għajnejna u qalbna biex inkunu nistgħu naraw verament lill-Bniedem?

  16. Ara Mosiah 4:20.

  17. Isaija 40:29.

  18. Ara Dieter F. Uchtdorf, “The Adventure of Mortality” (worldwide devotional for young adults, 14 ta’ Jan. 2018), broadcasts.lds.org.

  19. 2 Nephi 25:26.