2010-2019
Qalb ta’ Profeta
April 2018


Qalb ta’ Profeta

Aħna nistgħu nifirħu li ġie msejjaħ il-profeta tal-Mulej u li l-ħidma tal-Mulej qed isseħħ bil-mod li Huwa fassal b’ mod divin.

Jiena tlabt b’ mod ferventi li llum l-Ispirtu s-Santu jkun ma’ kull wieħed u waħda minna f’ din l-okkażżjoni ċelestjali. Dak li lkoll flimkien rajna jseħħ quddiem għajnejna llum kien verament ħaġa mill-aktar impressjonanti hekk kif is-17-il profeta ta’ din id-dispensazzjoni ġie sostnut fl-assemblea solenni.

Hekk kif jiena fittixt il-gwida biex inkun naf liema suġġett il-Mulej iridni nindirizza llum, moħħi mar fuq konverżazzjoni riċenti li jiena kelli mal-membri l-ġodda tal-Ewwel Presidenza. F’ din id-diskussjoni, wieħed mill-kunsilliera qalli xi ħaġa hekk: “Jiena verament nittama li l-membri tal-Knisja jistgħu jifhmu sewwa l-kobor ta’ dak li għadu kif seħħ bis-sejħa tal-profeta ġdid tagħna, il-President Russell M. Nelson, u s-sinifikat u l-qdusija tal-assemblea solenni li se jkollna waqt il-konferenza ġenerali.” Huwa kompla josserva, “L-aħħar darba li din ġrat kien 10 snin ilu, u ħafna, speċjalment iż-żgħażagħ tal-Knisja, ma jiftakruhiex jew qatt ma esperjenzawha qabel.”

Immaġni
Il-President David O. McKay

Dan wassalni biex nirrifletti fuq esperjenzi partikolari li jiena kelli. L-ewwel profeta li jiena niftakar hu l-President David O. McKay. Meta huwa miet kelli 14-il sena. Niftakar sentiment ta’ luttu hekk kif miet, ommi bid-dmugħ f’ għajnejha u l-familja kollha mnikkta. Niftakar kif, fit-talb tiegħi, jien, b’ mod mill-aktar naturali, kont inlissen il-kliem “Jekk jogħġbok bierek lill-President David O. McKay” u li kieku ma kontx inkun qed nikkonċentra fuq dak li nkun qed ngħid, anke wara li huwa miet, kont nispiċċa nibqa’ nirrepeti f’ talbi dak il-kliem.Ma kontx ċert jekk qalbi u moħħi kinux se jrabbu fihom l-istess sentiment u konvinzjoni għall-profeti li kienu se jiġu warajh. Iżda kważi bl-istess mod kif il-ġenituri jħobbu lil kull wieħed u waħda minn uliedhom, jiena rawwimt fija mħabba lejn il-President Joseph Fielding Smith, li ġie wara l-President McKay, kif ukoll ċerta rabta speċjali miegħu u testimonjanza li huwa kien il-profeta, u l-istess għamilt għal kull profeta li ġie wara: Harold B. Lee, Spencer W. Kimball, Ezra Taft Benson, Howard W. Hunter, Gordon B. Hinckley, Thomas S. Monson, u llum il-President Russell M. Nelson. Jiena kompletament insostni lil kull profeta b’ id mgħollija—u b’ qalb edifikata.

Hekk kif kull wieħed mill-profeti għeżież tagħna jgħaddi għal ħajja oħra, hija ħaġa mill-aktar naturali li nħossu fina sentiment ta’ niket u telfien.Iżda n-niket tagħna jittaffa xi ftit minħabba l-ferħ u t-tama li nħossu ġo fina wara hekk kif aħna nesperjenzaw waħda mill-akbar barkiet tar-Restawrazzjoni: is-sejħa u s-sosteniment ta’ profeta ħaj fid-dinja.

Għalhekk, jiena se nkellimkom dwar dan il-proċess divin kif ġie osservat f’ dawn l-aħħar 90 jum. Se niddeskrivih f’ erba’ partijiet, l-ewwel, il-mewt tal-profeta tagħna u x-xoljiment tal-Ewwel Presidenza; it-tieni, il-perjodu ta’ żmien li fih inkunu qed nistennew ir-riorganizzazzjoni tal-Ewwel Presidenza l-ġdida; it-tielet, is-sejħa tal-profeta l-ġdid; u r-raba’, is-sosteniment tal-profeta l-ġdid u l-Ewwel Presidenza l-ġdida fl-assemblea solenni.

Il-Mewt ta’ Profeta

Immaġni
Il-funeral tal-President ThomasS. Monson
Immaġni
Il-President Thomas S. Monson

Fit-2 ta’ Jannar, 2018, l-għażiż profeta tagħna Thomas S. Monson għadda għan-naħa l-oħra tal-velu. Huwa se jibqa’ għal dejjem f’ qalbna. Il-President Henry B. Eyring offra dawn il-ħsibijiet dwar il-mewt tal-President Monson li jiddeskrivu tajjeb ħafna s-sentimenti tagħna: “Il-karatteristika ewlenija ta’ ħajtu hi, bħal tas-Salvatur, kemm huwa kien verament jimpurtah minn kull individwu meta hu kien jipprova jilħaq lill-fqir u lill-marid—sewwasew lil kull individwu—madwar id-dinja.”1

Il-President Spencer W. Kimball spjega:

“Hekk kif kewkba waħda tgħib wara l-orizzont, tfeġġ kewkba oħra u l-mewt twassal għall-ħajja.

“Il-ħidma tal-Mulej hija bla tmiem. Anke meta jmut xi mexxej importanti, il-Knisja lanqas għal mument wieħed, qasir kemm hu qasir, ma tkun mingħajr tmexxija, grazzi għall-ħanin Providenza li ra li fis-saltna Tiegħu jkun hemm il-kontinwità u l-perpetwità. Kif diġà ġara qabel … f’ din id-dispensazzjoni, il-poplu b’ qima għalaq qabar, mesaħ dmugħu, u dawwar ħarstu lejn il-futur.”2

L-Interrenju Appostoliku

Il-perjodu ta’ żmien bejn il-mewt ta’ profeta u r-riorganizzazzjoni tal-Ewwel Presidenza nirreferu għalih bħala “l-interrenju appostoliku.” Tul dan iż-żmien, il-Kworum tat-Tnax, taħt it-tmexxija tal-presidenti tal-kworum, iħaddnu flimkien l-imfietaħ li permezz tagħhom jistgħu jamministraw it-tmexxija tal-Knisja. Il-President Joseph F. Smith għallem, “Fil-Knisja dejjem hemm min imexxi, u jekk il-Presidenza tal-Knisja ma tibqax aktar hemm minħabba mewt jew xi kawża oħra, f’ dak il-kas il-Knisja titmexxa mit-Tnax-il Appostlu, sakemm terġa’ tiġi organizzata mill-ġdid il-presidenza.”3

Immaġni
Il-Kworum tat-Tnax-il Appostlu

L-aktar perjodu ta’ interrenju riċenti beda meta miet il-President Monson fit-2 ta’ Jannar u ntemm 12-il jum wara, nhar il-Ħadd 14 ta’ Jannar.F’ dik l-għodwa tas-Sabbath, il-Kworum tat-Tnax iltaqgħu fil-kamra ta’ fuq tat-Tempju ta’ Salt Lake fi spirtu ta’ sawm u talb, taħt id-direzzjoni li tippresedi tal-President Russell M. Nelson, l-Appostlu anzjan u l-President tal-Kworum tat-Tnax.

Is-Sejħa ta’ Profeta Ġdid

F’ din il-laqgħa mill-aktar sagra u memorabbli, ibbażata fuq mudell stabbilit sew f’ għaqda u unanimità, l-Aħwa poġġew bilqiegħda skont is-sinjorità tagħhom f’ nofs ċirku magħmul minn 13-il siġġu u huma l-ewwel għollew idhom biex isostnu l-organizzazzjoni tal-Ewwel Presidenza u mbagħad sostnew lill-President Russell Marion Nelson bħala l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Wara dan is-sosteniment il-membri tal-Kworum tat-Tnax inġabru f’ ċirku u poġġew idejhom fuq ras il-President Nelson biex jordnawh u jiddistingwuh, bl-Appostlu li jiġi warajh fis-sinjorità jagħmilha tal-leħen.

Il-President Nelson imbagħad semma min huma l-kunsilliera tiegħu, il-President Dallin Harris Oaks, il-President Henry Bennion Eyring, bil-President Oaks bħala l-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu u l-President Melvin Russell Ballard bħala l-Aġent President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Wara li reġa’ ttieħed vot ta’ sosteniment, kull wieħed minn dawn l-Aħwa ġie distint fl-uffiċċju rispettiv tiegħu mill-President Nelson. Din kienet verament esperjenza mill-aktar sagra, fejn l-Ispirtu nħass b’ abbundanza. Jiena hawnhekk noffri x-xhieda assoluta tiegħi li r-rieda tal-Mulej, li għaliha aħna tlabna b’ mod ferventi, dehret b’ qawwa fl-attivitajiet u l-avvenimenti kollha ta’ dik il-ġurnata.

Immaġni
L-Ewwel Presidenza

Bl-ordinazzjoni tal-President Nelson u r-riorganizzazzjoni tal-Ewwel Presidenza, l-interrenju appostoliku ġie fi tmiemu u, b’mod eċċezzjonali, l-Ewwel Presidenza li kienet għadha kif ġiet organizzata bdiet topera mingħajr sekonda waħda interruzzjoni fit-tmexxija tas-saltna tal-Mulej fid-dinja.

Assemblea Solenni

Dalgħodu, dan il-proċess divin ġie fi tmiemu skont il-mandat skritturali li nsibu fid-Duttrina u Patti: “Għax f’ din il-knisja kull ħaġa għandha ssir b’ ordni, u b’ kunsens komuni, permezz tat-talba tal-fidi,”4 u “it-tliet Qassisin il-kbar li Jippresedu, … sostnuti permezz tal-kunfidenza, tal-fidi u tat-talb tal-knisja, jiffurmaw kworum tal-Presidenza tal-Knisja.”5

Il-Presbiteru David B. Haight iddeskriva esperjenza li ġrat fil-passat li hija simili għal dak li pparteċipajna fih illum:

“Aħna xhieda u parteċipanti f’ okkażżjoni mill-aktar sagra—assemblea solenni biex naġixxu fi ħwejjeġ divini. Fi żminijiet tal-qedem, kien ġie offrut ħafna sawm u talb mill-Qaddisin madwar id-dinja biex huma jkunu jistgħu jirċievu l-Ispirtu tal-Mulej b’ abbundanza, xi ħaġa li hi verament evidenti … dalgħodu f’ din l-okkażżjoni.

“Assemblea solenni, kif jimplika l-isem, tindika okkażżjoni sagra, sempliċi u riverenti meta l-Qaddisin jinġabru flimkien taħt id-direzzjoni tal-Ewwel Presidenza.”6

Ħuti, Aħna nistgħu nifirħu—saħansitra nkantaw, “Osanna!”—li ġie magħżul il-kelliem tal-Mulej, il-profeta ta’ Alla, u li l-Mulej kuntent li l-ħidma tiegħu qed iseħħ bil-mod li Huwa fassal b’ mod divin.

Il-President Russell M. Nelson

Dan il-proċess imfassal b’ mod divin iwassal biex jinħatar b’ mod divin ukoll profeta ieħor. L-istess kif il-President Monson kien wieħed mill-aktar abitanti nobbli li qatt mexa f’ din id-dinja, l-istess nistgħu ngħidu għall-President Nelson.Huwa tħejja b’ mod profond u ġie mgħallem speċifikament mill-Mulej biex imexxina f’ dawn iż-żminijiet.Hija barka verament kbira li llum aħna għandna lill-għażiż President Russell M. Nelson bħala l-profeta maħbub u devot tagħna—is-17-il President tal-Knisja f’ din l-aħħar dispensazzjoni.

Immaġni
Il-President Russell M. Nelson

Il-President Nelson huwa verament raġel meraviljuż.Jiena kelli l-privileġġ li nservi miegħu fil-Kworum tat-Tnax hekk kif huwa kien il-president tiegħi tal-kworum għal ftit aktar minn sentejn. Jiena vvjaġġajt miegħu u nimmeravilja ruħi bl-enerġija li huwa għandu, fejn dak li jkun ikollu jgħaġġel fil-pass biex ilaħħaq miegħu!B’ kollox f’ ħajtu huwa żar 133 pajjiż.

Huwa jipprova jilħaq lil kulħadd, żgħar u kbar. Huwa qisu jaf lil kulħadd u huwa partikolarment kapaċi ħafna meta jiġi biex jiftakar l-ismijiet. U dawk kollha li jafuh iħossuhom li huma l-favoriti tiegħu. U fil-fatt nistgħu ngħidu li hekk hu għal kull wieħed u waħda minna—minħabba l-imħabba ġenwina tiegħu lejn kulħadd.

Il-kuntatt ewlieni tiegħi mal-President Nelson kien f’ irwoli ekkleżjastiċi, madankollu jiena sirt familjari wkoll mal-ħajja professjonali li l-President Nelson kien fiha qabel huwa ġie msejjaħ bħala Awtorità Ġenerali. Kif ħafna minnkom tafu, il-President Nelson kien kirurgu rinomat mad-dinja kollha u, aktar kmieni fil-karriera medika tiegħu, wieħed mill-pijunieri li żviluppaw il-magna tal-qalb u l-pulmun. Huwa kien parti mit-tìm tar-riċerka li, fl-1951, issapportja l-ewwel operazzjoni tal-qalb fuq bniedem, billi użaw bajpas tal-qalb u l-pulmun. Il-President Nelson wettaq operazzjoni tal-qalb fuq il-President Spencer W. Kimball ftit biss qabel il-President Kimball sar il-profeta.

Immaġni
Il-President Nelson bħala kirurgu

Interessanti l-fatt li hekk kif is-sejħa tal-President Nelson, 34 sena ilu, temmet karriera medika professjonali li fiha huwa saħħaħ u sewwa l-qlub, hija bdiet il-ministeru tiegħu bħala Appostlu devot li fiha huwa saħħaħ u sewwa l-qlub ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nies minn madwar id-dinja, li lkoll kemm huma ġew inkoraġġuti u mfejqa permezz ta’ kliemu u l-għemejjel tiegħu ta’ għerf, servizz u mħabba.

Immaġni
Il-President Nelson bħala Appostlu
Immaġni
Il-President Nelson jilqa’ l-membri
Immaġni
Il-President Nelson man-neputi tiegħu

Qalb tixbah lil Kristu

Meta jiena nimmaġina qalb tixbah lil Kristu, fil-ħajja ta’ kuljum, jiena nġib quddiem għajnejja lill-President Nelson. Jiena qatt ma ltqajt ma’ bniedem li jgħix din il-karatteristika b’ daqstant qawwa daqsu.Kien verament żmien ta’ tagħlim meraviljuż għalija li kont f’ pożizzjoni li fiha stajt nosserva mill-viċin il-frott li ħalliet warajha l-qalb tixbah lil Kristu tal-President Nelson.

Ftit ġimgħat wara s-sejħa tiegħi fit-Tnax f’ Ottubru 2015, jiena kelli l-opportunità li nsir naf mill-viċin daqsxejn mill-ħajja professjonali passata tal-President Nelson. Jiena ġejt mistieden għal avveniment li fih huwa ġie onorat bħala pijunier tal-kirurġija tal-qalb. Meta jiena dħalt fil-post, jiena bqajt mistagħġeb meta rajt quddiem għajnejja numru daqshekk kbir ta’ professjonisti li kienu hemm biex jonoraw u jagħrfu l-ħidma li l-President Nelson kien wettaq ħafna snin qabel bħala tabib mediku u kirurgu.

Dik il-lejla numru kbir ta’ professjonisti qamu u esprimew ir-rispett u l-ammirazzjoni tagħhom lejn il-kontribut enormi tal-President Nelson fl-ispeċjalità medika tiegħu. Impressjonanti kemm kienu impressjonanti kull wieħed minn dawk il-preżentaturi meta huma ddeskrivew il-ħafna affarijiet kbar li wettaq il-President Nelson, jiena affaxxinajt ruħi l-aktar b’ konverżazzjoni li jien kelli ma’ raġel li kien jinsab bilqiegħda ħdejja. Huwa ma kienx jaf jien min jien, iżda hu kien jaf lill-President Nelson bħala Dott. Nelson, direttur tal-programm għar-residenti tal-kirurġija toraċika fi skola medika fl-1955.

Dan ir-raġel kien eks student tal-President Nelson. Huwa qasam miegħi diversi memorji. L-aktar interessanti kienet id-deskrizzjoni tiegħu tal-istil ta’ tagħlim tal-President Nelson, li, huwa qal, għalih huwa kien verament magħruf. Huwa spjegali li ħafna mit-tagħlim għar-residenti tal-kirurġija tal-qalb kien isir fil-kamra tal-operazzjonijiet.Hemmhekk, ir-residenti kienu josservaw u jwettqu l-kirurġiji taħt superviżjoni minn membri tal-fakultà, bħal lezzjoni f’ laboratorju. Huwa qalli li l-ambjent tal-kamra tal-operazzjonijiet meta kienet tkun f’ idejn ċerti kirurgi oħra tal-fakultà kien ikun wieħed kaotiku, kompetittiv, mimli pressjoni u saħansitra egoiżmu.Dan ir-raġel iddeskriva dan l-ambjent bħala wieħed diffiċli, xi kultant anke degredanti. B’ riżultat ta’ dan, ċerti kirurgi residenti saħansitra kienu jibżgħu li l-karriera tagħhom tinsab f’riskju.

Imbagħad huwa ddeskrivieli l-ambjent uniku li kien ikun hemm fil-kamra tal-operazzjonijiet tal-President Nelson.Kien wieħed trankwill, kalm u dinjituż. Ir-residenti kienu jiġu ttrattati b’ rispett kbir. Madankollu, wara li huwa kien jurihom xi proċedura, Dott. Nelson kien jistenna minnhom l-ogħla standard f’ dak li kull wieħed minnhom kien jeħtieġ jagħmel. Dan ir-raġel kompla jiddeskrivi kif l-aqwa riżultati fejn jidħlu pazjenti kif ukoll l-aqwa kirurgi ħarġu mill-kamra tal-operazzjonijiet ta’ Dott. Nelson.

Għalija din ma kienet sorpriża xejn. Kien dan li jiena osservajt mill-viċin u li ħassejt il-barka tiegħu f’ ħajti fil-Kworum tat-Tnax. Jien ħassejtni li, f’ ċertu sens, jien kont wieħed mir- “residenti li huwa kien qed iħarreġ.”

Il-President Nelson għandu mod mill-aktar eċċezzjonali kif jgħallem lill-oħrajn u kif jikkoreġihom b’ mod pożittiv, rispettuż u edifikanti. Huwa eżempju ħaj ta’ qalb tixbah lil Kristu u eżempju għalina lkoll. Mingħandu jiena nitgħallem li f’ kwalunkwe ċirkustanza li nsibu ruħna fiha, l-imġieba tagħna u qalbna jistgħu jkunu dejjem skont il-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Issa aħna għandna l-barka kbira li nsostnuh bħala l-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. Tul ħajtu, huwa dejjem kabbar l-irwoli numerużi li huwa kellu bħala student, missier, professur, raġel miżżewweġ, tabib, mexxej tas-saċerdozju, nannu u Appostlu. Huwa minn dejjem wettaq dawn l-irwoli—u jkompli jagħmel dan—b’ qalb ta’ profeta.

Ħuti, dak li aħna xhieda tiegħu u pparteċipajna fih illum, l-assemblea solenni, ikompli jżid max-xhieda tiegħi li l-President Russell M. Nelson huwa l-kelliem tal-Mulej għall-umanità kollha. Jiena nżid ukoll it-testimonjanza tiegħi ta’ Alla l-Missier, ta’ Ġesù Kristu; u tal-irwol Tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.