Skrittura
Ġakobb 6


Kapitlu 6

Il‑Mulej se jerġa’ jiġbor lil Iżrael fl‑aħħar żminijiet—Id‑dinja sejra tinħaraq bin‑nar—Il‑bnedmin jeħtieġ li jimxu wara Kristu biex jevitaw il‑belliegħa ta’ nar u kubrit. Madwar 544–421 Q.K.

1 U issa, araw, ħuti, kif jien għidtilkom li se nħabbrilkom, araw, din hi l‑profezija tiegħi—li l‑ħwejjeġ li tkellem dwarhom Żenos, dwar id‑dar ta’ Iżrael, liema ħwejjeġ xebbaħhom ma’ siġra taż‑żebbuġ domestika, żgur li se jiġu fis‑seħħ.

2 U l‑jum li fih hu jerġa’ jmidd idu għat‑tieni darba biex jiġbor lill‑poplu tiegħu, huwa l‑jum, sewwasew l‑aħħar darba, li l‑qaddejja tal‑Mulej sejrin imorru bil‑qawwa tiegħu, biex imantnu u jiżbru l‑għalqa tiegħu; u wara dan ma jdumx ma jasal it‑tmiem.

3 U kemm huma mberkin dawk li ħadmu bir‑reqqa fl‑għalqa tiegħu; u kemm huma misħutin dawk li sejrin jintremew ’il barra fil‑post li hemm lest għalihom! U d‑dinja sejra tinħaraq bin‑nar.

4 U kemm hu ħanin magħna Alla tagħna, għax hu jiftakar fid‑dar ta’ Iżrael, kemm fl‑għeruq kif ukoll fil‑friegħi; u jestendi jdejh lilhom il‑jum kollu; u huma poplu rasu iebsa u li jħobb jopponi; iżda dawk kollha li ma jwebbsux qalbhom sejrin isalvaw fis‑saltna ta’ Alla.

5 Għalhekk, għeżież ħuti, nitlobkom bi kliem mill‑aktar solenni sabiex tindmu, u tiġu b’impenn sħiħ f’qalbkom, u tibqgħu leali lejn Alla kif hu huwa leali lejkom. U waqt li hu qed jestendi d‑driegħ ta’ ħniena tiegħu lejkom fid‑dawl tal‑jum, twebbsux qalbkom.

6 Iva, illum, jekk tisimgħu leħnu, twebbsux qalbkom; għax għalfejn għandkom tmutu?

7 Għax araw, wara li l‑jum kollu intom ġejtu mantnuti permezz tal‑kelma tajba ta’ Alla, allura intom se tagħmlu frott ħażin, fejn tispiċċaw titqaċċtu u tinxteħtu fin‑nar?

8 Araw, se tirriffjutaw dan il‑kliem? Se tirriffjutaw kliem il‑profeti; u se tirriffjutaw il‑kliem kollu li ntqal dwar Kristu, wara li tant nies tkellmu dwaru; u se tiċħdu l‑kelma tajba ta’ Kristu, u l‑qawwa ta’ Alla, u d‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, u toħonqu l‑Ispirtu s‑Santu, u twaqqgħu għar‑redikolu l‑pjan kbir ta’ fidwa, li ġie mfassal għalikom?

9 Ma tafux li jekk tagħmlu dawn il‑ħwejjeġ, il‑qawwa tal‑fidwa u l‑qawmien li tinsab fi Kristu, twassalkom biex intom tieqfu b’għajb u bi ħtija mill‑aktar terribbli quddiem l‑iżbarra ta’ Alla?

10 U skont il‑qawwa tal‑ġustizzja, għax il‑ġustizzja ma tistax tiġi miċħuda, jeħtieġ li tinxteħtu f’dik il‑belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjammi tagħha ma jintfewx, u li d‑duħħan tagħha jitla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem, liema belliegħa ta’ nar u kubrit hija turment bla tmiem.

11 O mela, għeżież ħuti, indmu, u idħlu mill‑bieb id‑dejjaq, u komplu mexjin fit‑triq li hi dejqa, sakemm tiksbu l‑ħajja eterna.

12 Kunu għaqlin; x’nista’ ngħidilkom aktar?

13 Finalment, ngħidilkom saħħa, sakemm nerġa’ niltaqa’ magħkom quddiem l‑iżbarra pjaċevoli ta’ Alla, liema żbarra tinduċi twerwir u biża’ fil‑ħżiena. Ammen.