Skrittura
Ġakobb 3


Kapitlu 3

Dawk li huma safja f’qalbhom jirċievu l‑kelma ħelwa ta’ Alla—It‑tjieba tal‑Lamaniti tiżboq lil dik tan‑Nefiti—Ġakobb iwiddeb kontra ż‑żina, in‑nuqqas ta’ rażan, u kull dnub. Madwar 544–421 Q.K.

1 Iżda araw, jien, Ġakobb, se nkellem lilkom li intom ta’ qalbkom safja. Duru lejn Alla b’moħħ determinat, u itolbuh b’fidi qawwija, u hu jikkonslakom fit‑tbatija tagħkom, u hu jiddefendi l‑kawża tagħkom, u jikkastiga lil dawk li jippruvaw jeqirdukom.

2 O intom kollha li intom safja f’qalbkom, erfgħu raskom ’il fuq u rċievu l‑kelma ħelwa ta’ Alla, u mantnu lilkom infuskom permezz ta’ mħabbtu; għax dan tistgħu tagħmlu, jekk tibqgħu determinati f’moħħkom, għal dejjem.

3 Iżda ħażin ikun għalikom intom li m’intomx ta’ qalbkom safja, li llum tinsabu maħmuġin quddiem Alla; għax jekk intom ma tindmux misħuta tkun l‑art minħabba fikom; u l‑Lamaniti, li mhumiex maħmuġin bħalkom, li madankollu huma misħutin b’saħta kbira, se jkunu għalikom pjaga li twassal għall‑qerda tagħkom.

4 U ma jdumx ma jasal iż‑żmien, li jekk intom ma tindmux huma sejrin jirtu l‑art ta’ wirtkom, u l‑Mulej Alla joħroġ lill‑ġusti minn ġo nofskom.

5 Araw, ħutkom il‑Lamaniti, li lilhom intom tobgħodu minħabba ħmieġhom u s‑saħta li niżlet fuq ġildhom, huma aktar twajbin minnkom; għax huma ma nsewx il‑kmandament tal‑Mulej, li ġie mogħti lil missierna—li għandu jkollhom biss mara waħda, u konkubini m’għandu jkollhom xejn, u fosthom m’għandux ikun hemm żína.

6 U issa, dan il‑kmandament huma jaraw li jħarsuh; għalhekk, minħabba din l‑osservanza, li jħarsu dan il‑kmandament, il‑Mulej Alla mhuwiex se jeqridhom, iżda se jkun ħanin magħhom; u xi darba huma se jsiru poplu mbierek.

7 Araw, żwieġhom iħobbu lil marthom, u marthom iħobbu lil żwieġhom; u żwieġhom u marthom iħobbu lil uliedhom; u n‑nuqqas ta’ twemmin tagħhom u l‑mibegħda tagħhom lejkom huma minħabba l‑ħażen ta’ missirijiethom; għalhekk, intom kemm intom aħjar minnhom, f’għajnejn il‑Ħallieq il‑kbir tagħkom?

8 O ħuti, nibża’ li jekk intom ma tindmux minn dnubietkom ġildhom se tkun abjad minn tagħkom, meta magħhom intom tittieħdu quddiem it‑tron ta’ Alla.

9 Għalhekk, kmandament jiena se nagħtikom, li hu l‑kelma ta’ Alla, li lilhom ma tinsulentawhomx aktar minħabba l‑ġilda skura tagħhom; lanqas m’għandkom tinsulentawhom minħabba ħmieġhom; iżda għandkom tiftakru fi ħmieġkom, u tiftakru li ħmieġhom ġie minħabba missirijiethom.

10 Għalhekk, għandkom tiftakru f’uliedkom, kemm sewwidtulhom qalbhom minħabba l‑eżempju li tajtuhom; kif ukoll, ftakru li tistgħu, minħabba ħmieġkom, twasslu lil uliedkom għall‑qerda, u dnubiethom jingħaddu fuq raskom fl‑aħħar jum.

11 U ħuti, agħtu widen għal kliemi; qanqlu l‑fakultajiet ta’ ruħkom; tregħdu ħalli tkunu tistgħu tqumu min‑nagħsa tal‑mewt; u nħallu mill‑uġigħ tal‑infern sabiex ma ssirux anġli tax‑xitan, u tinxteħtu f’dik il‑belliegħa ta’ nar u kubrit li hija t‑tieni mewt.

12 U issa jien, Ġakobb, għidt ħafna aktar affarijiet lill‑poplu ta’ Nefi, fejn widdibthom kontra ż‑żina u n‑nuqqas ta’ rażan, u kull tip ta’ dnub, u kellimthom dwar il‑konsegwenzi terribbli tagħhom.

13 U lanqas wieħed fil‑mija tal‑għemejjel ta’ dan il‑poplu, li issa beda jsir numeruż, ma jista’ jinkiteb fuq dawn il‑pjanċi; iżda ħafna mill‑għemejjel tagħhom huma miktubin fuq il‑pjanċi l‑kbar, flimkien mal‑gwerer tagħhom, u t‑tilwim tagħhom, u s‑saltniet tas‑slaten tagħhom.

14 Dawn il‑pjanċi jissejħu l‑pjanċi ta’ Ġakobb, u saru permezz ta’ id Nefi. U jien se nieqaf ngħid dan il‑kliem.