Skrittura
Ġakobb 1


Il‑Ktieb ta’ Ġakobb
Ħu Nefi

Il‑kliem tal‑predikazzjoni tiegħu lil ħutu. Hu ħalla bla kliem lil raġel li pprova jeqred id‑duttrina ta’ Kristu. Ftit kliem dwar l‑istorja tal‑poplu ta’ Nefi.

Kapitlu 1

Ġakobb u Ġużeppi jippruvaw jipperswadu lin‑nies biex jemmnu fi Kristu u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu—Nefi jmut—Il‑ħażen jiddomina fost in‑Nefiti. Madwar 544–421 Q.K.

1 Għax araw, ġara li għaddew ħamsa u ħamsin sena minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm; għalhekk, lili, Ġakobb, Nefi tani kmandament li jikkonċerna l‑pjanċi ż‑żgħar, li fuqhom dawn il‑ħwejjeġ jinsabu mnaqqxa.

2 U ta lili, Ġakobb, kmandament li għandi nikteb fuq dawn il‑pjanċi ftit mill‑ħwejjeġ li jiena nikkunsidrahom bħala l‑aktar prezzjużi; li m’għandix nikteb, ħlief xi ħaġa żgħira, dwar l‑istorja ta’ dan il‑poplu li jissejjaħ il‑poplu ta’ Nefi.

3 Għax hu qal li l‑istorja tal‑poplu tiegħu għandha tiġi mnaqqxa fuq il‑pjanċi l‑oħra tiegħu, u li jien għandi nippreserva dawn il‑pjanċi u ngħaddihom lil nisli, minn nisel għal nisel.

4 U jekk huma kienu qed ixandru dak li hu sagru, jew xi rivelazzjoni li kienet kbira, jew iħabbru, jien għandi nnaqqax il‑punti ewlenin tagħhom fuq dawn il‑pjanċi, u nikteb dwarhom kemm jista’ jkun, f’ġieħ Kristu, u għall‑ġid tal‑poplu tagħna.

5 Għax minħabba l‑fidi u anzjetà mill‑aktar kbira, verament aħna ġejna mgħarrfin dwar il‑poplu tagħna, minn xiex għandu jgħaddi.

6 U kellna wkoll bosta rivelazzjonijiet, u l‑ispirtu ta’ tant profezija; għalhekk, konna nafu dwar Kristu u s‑saltna tiegħu, li għandha tiġi.

7 Għalhekk aħna ħdimna bil‑ħrara fost il‑poplu tagħna, biex forsi nipperswaduhom ħalli jersqu lejn Kristu, u jgawdu mit‑tjubija ta’ Alla, ħalli jkunu jistgħu jidħlu fil‑mistrieħ tiegħu, li ma jmurx b’xi mod, fl‑għadab tiegħu, jaħlef li m’għandhomx jidħlu, bħal fil‑provokazzjoni fil‑jiem tat‑tiġrib meta wlied Iżrael kienu jinsabu fid‑deżert.

8 Għalhekk, nixtiequ li Alla jkun jista’ jipperswadi lill‑bnedmin kollha biex ma jeħduhiex kontra Alla, u jinkurlawh, iżda biex il‑bnedmin kollha jemmnu fi Kristu, u jħarsu lejn il‑mewt tiegħu, u jġorru s‑salib tiegħu u joqogħdu għat‑tagħjir tad‑dinja; għalhekk, jiena, Ġakobb, neħodha fuqi li nwettaq il‑kmandament ta’ ħija Nefi.

9 Issa Nefi beda jixjieħ, u hu ra li dalwaqt kien se jmut; għalhekk, hu kkonsagra raġel sabiex issa jkun sultan u mexxej tal‑poplu tiegħu, skont is‑saltniet tas‑slaten.

10 Il‑poplu li kellu mħabba kbira lejn Nefi, hu li kien għalihom protettur kbir, li żamm fuqu x‑xabla ta’ Laban biex jiddefendihom, u ħadem ħajtu kollha għall‑ġid tagħhom—

11 Għalhekk, il‑poplu kellu xewqa kbira li jibqa’ jiftakar ismu. U dawk li kellhom isaltnu minfloku ġew imsejħa min‑nies, it‑tieni Nefi, it‑tielet Nefi, u l‑kumplament, skont is‑saltniet tas‑slaten; u b’dal‑mod ġew imsejħa min‑nies, irrispettivament x’kien ikun isimhom.

12 U ġara li Nefi miet.

13 Issa l‑poplu li ma kienx Lamanita kien Nefita; madankollu, huma kienu jissejħu Nefiti, Ġakobbin, Ġużeppin, Żoramiti, Lamaniti, Lemweliti, u Ismagħelin.

14 Iżda jien, Ġakobb, minn issa ’l quddiem mhux se niddistingwihom b’dawn l‑ismijiet, iżda se nsejħilhom Lamaniti lil dawk li jippruvaw jeqirdu lill‑poplu ta’ Nefi, u lil dawk li juru ħbiberija ma’ Nefi jien se nsejħilhom Nefiti, jew il‑poplu ta’ Nefi, skont is‑saltniet tas‑slaten.

15 U issa ġara li n‑nies ta’ Nefi, fi żmien is‑saltna tat‑tieni sultan, bdew iwebbsu qalbhom, u b’xi mod bdew jipparteċipaw f’drawwiet ħżiena, bl‑istess mod kif David tal‑qedem beda jixtieq ħafna nisa u konkubini, u l‑istess ibnu Salamun.

16 Iva, u bdew ukoll ifittxu ħafna deheb u fidda, u bdew jitkabbru xi ftit.

17 Għalhekk jiena, Ġakobb, xandartilhom dan il‑kliem kif għallimtu fit‑tempju, wara li l‑ewwel ġejt ikkummissjonat mill‑Mulej.

18 Għax jiena, Ġakobb, u ħija Ġużeppi ġejna kkonsagrati bħala qassisin u għalliema ta’ dan il‑poplu, permezz ta’ id Nefi.

19 U aħna onorajna l‑uffiċċju tagħna f’ġieħ il‑Mulej, u ħadna fuqna r‑responsabbiltà, li nkunu naħtu għad‑dnubiet tal‑poplu u jkollna nwieġbu għalihom jekk ma ngħallmuhomx il‑kelma ta’ Alla bir‑reqqa kollha; għalhekk, jekk naħdmu bil‑qawwa tagħna kollha, ħwejjiġna ma jispiċċawx imċappsa b’demmhom; altrimenti demmhom jispiċċa fuq ħwejjiġna u aħna ma ninstabux bla tebgħa fl‑aħħar jum.