Konferenza Ġenerali
“Isktu, u Kunu Afu Li Jien Alla”
konferenza ġenerali April 2024


“Isktu, u Kunu Afu Li Jien Alla”

Aħna nistgħu nisktu u nagħrfu li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna.

Waqt il-ftuħ għall-pubbliku u l-jum għall-midja riċenti ta’ dar tal-Mulej ġdida, jiena dawwart grupp ta’ ġurnalisti madwar l-istruttura sagra. Jiena ddeskrivejtilhom l-għanijiet tat-tempji fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u weġibt il-ħafna mistoqsijiet eċċellenti tagħhom.

Qabel dħalna fil-kamra ċelestjali, jiena spjegajt li din il-kamra partikolari fid-dar tal-Mulej kienet tirrappreżenta b’mod simboliku l-paċi u s-sbuħija tad-dar fis-smewwiet li aħna nistgħu nerġgħu lura lejha wara din il-ħajja. Jiena għidt lill-mistednin tagħna biex ma nitkellmux fil-kamra ċelestjali, iżda bil-qalb kollha kont lest li nwieġeb xi mistoqsijiet li jkollhom wara li ngħaddu għall-waqfa tagħna li jmiss.

Wara li ħriġna mill-kamra ċelestjali u nġbarna fil-kamra li kien imiss, jien staqsejt lill-mistednin tagħna jekk kellhomx xi osservazzjoni li riedu jaqsmu magħna. Wieħed mill-ġurnalist qal b’ċerta emozzjoni, “Tul ħajti qatt ma esperjenzajt xi ħaġa bħal din. Ma kontx naf li kien jeżisti kwiet bħal dak fid-dinja; jien sempliċiment ma kontx nemmen li skiet bħal din kien possibbli.”

Jien laqtitni kemm is-sinċerità u kemm is-sempliċità tad-dikjarazzjoni ta’ din il-persuna. U r-reazzjoni ta’ dan il-ġurnalist enfasizzat aspett mill-akta importanti tas-skiet—li nitbiegħdu u ninqatgħu mill-konfużjoni tal-ambjent ta’ barra.

Meta wara bdejt nixtarr dwar il-kumment tal-ġurnalist u bdejt nirrifletti dwar il-pass sfrenat tal-ħajja moderna—il-ħajja frenetika, l-istorbju, id-devjazzjoni, id-distrazzjoni, u l-ġiri li jidhru li spiss jitolbu l-attenzjoni tagħna—feġġet f’moħħi din l-iskrittura: “Isktu u kunu afu li jien Alla.”1

Nitlob li l-Ispirtu s-Santu jdawwal lil kull wieħed u waħda minna hekk kif nikkunsidraw flimkien dimensjoni ogħla u eqdes tar-ruħ li twassalna biex nagħrfu u niftakru li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, li aħna wliedu, u li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna. Din il-barka meraviljuża hija disponibbli għall-membri kollha tal-Knisja li b’fedeltà qegħdin jagħmlu li jistgħu biex isiru “poplu tal-patt tal-Mulej.”2

Isktu

Fl-1833, il-Qaddisin ġewwa Missouri kienu l-mira ta’ persekuzzjoni mill-aktar intensa. Marmalja keċċiethom minn djarhom fil-Kontea ta’ Jackson, u xi membri tal-Knisja ppruvaw jistabbilixxu lilhom infushom f’kontej oħra mal-madwar. Iżda l-persekuzzjoni kompliet, u kien hemm bosta theddid li jinqatlu. F’dawn iċ-ċirkustanzi mill-aktar diffiċli, il-Mulej żvela l-istruzzjoni li ġejja lill-Profeta Joseph Smith f’Kirtland, Ohio:

“Għalhekk, ħallu qalbkom titfarraġ fejn jidħol Sijon; għax kull bniedem jinsab f’idejja; isktu u kunu afu li jien Alla.”3

Nemmen li l-Mulej fit-twissja tiegħu biex “nisktu” ried ifisser ferm aktar milli sempliċiment ma nitkellmux jew ma niċċaqalqux. Jista’ jkun li l-intenzjoni tiegħu hi biex aħna niftakru fih u nafdaw fih u fil-qawwa tiegħu “f’kull ħin u f’kollox, u f’kull post li tafu tkunu fih.”4 B’hekk, “isktu” taf tkun mod biex aħna niftakru niffokaw fuq is-Salvatur kontinwament bħala l-akbar sors ta’ skiet spiritwali għal ruħna li jqawwina biex nagħmlu u negħlbu ħwejjeġ diffiċli.

Mibnija fuq il-Blata

Il-vera fidi tiffoka fuq il-Mulej Ġesù Kristu—tiffoka fih bħala l-Iben divin u l-Iben Imnissel Waħdieni tal-Missier u tiffoka fuqu u fuq il-missjoni feddejja li Huwa ġab fis-seħħ.

“Għaliex huwa wieġeb l-iskop tal-liġi, u huwa aċċetta lil dawk kollha li għandhom il-fidi fih; u dawk li għandhom il-fidi fih jaqbdu ma’ kull ħaġa tajba; għalhekk huwa ddefenda l-kawża ta’ wlied il-bnedmin.”5

Ġesù Kristu huwa l-Feddej tagħna,6 il-Medjatur tagħna,7 u d-Difensur tagħna8 mal-Missier Etern u l-blata li fuqha jeħtieġ nibnu s-sisien spiritwali ta’ ħajjitna.

Ħelaman spjega, “Ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta f’nofs riefnu l-beraq tiegħu huwa jibgħat, iva, meta b’qawwa s-silġ u l-maltemp huwa jibgħat, dan ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jiġbidkom ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u gwaj bla tmiem, minħabba l-blata li fuqha intom mibnija, li hi pedament sod, pedament li jekk fuqu l-bnedmin jibnu, ma jikkrollaw qatt.”9

Is-simboliżmu ta’ Kristu bħala “l-blata” li fuqha għandna nibnu l-pedament ta’ ħajjitna huwa xi ħaġa mill-aktar istruttiva. Jekk jogħġobkom innutaw f’dan il-vers li s-Salvatur mhuwiex il-pedament. Pjuttost, aħna qed niġu mwissija biex nibnu l-pedament spiritwali tagħna fuqu.10

Il-pedament huwa dik il-parti tal-bini li torbot mal-art. Pedament sod jipprovdi l-protezzjoni mid-diżastri naturali u minn bosta forzi distruttivi oħra. Pedament tajjeb jaqsam il-piż ta’ struttura ma’ erja kbira biex jevita li jgħabbi żżejjed il-ħamrija ta’ taħt u jipprovdi wiċċ ta’ art livell għall-bini.

Immaġni
Dar b’pedament sod.

Li jkun hemm rabta b’saħħitha u affidabbli bejn l-art u l-pedament hija ħaġa essenzjali jekk trid li maż-żmien l-istruttura tibqa’ soda u stabbli. U għal ċerti tipi partikolari ta’ bini, ġieli jintużaw viti tal-ankri u vireg tal-azzar biex jorbtu l-pedament ta’ bini mal-“blat ta’ taħtu”, li huwa l-blat iebes u solidu li jkun hemm taħt il-materjal ta’ wiċċ art bħall-ħamrija u ż-żrar.

Immaġni
Dar ankrata mal-blat.

Bl-istess mod, il-pedament ta’ ħajjitna għandu jkun marbut mal-blata ta’ Kristu jekk irridu nibqgħu fermi u sodi. Il-patti u l-ordinanzi sagri tal-evanġelju rrestawrat tas-Salvatur nistgħu nqabbluhom mal-viti tal-ankri u l-vireg tal-azzar li jintużaw biex jorbtu l-bini mal-blat. Kull darba li b’fedeltà nirċievu, nirrevedu, niftakru, u nġeddu l-patti sagri, inkunu qed insaħħu l-ankri spiritwali tagħna, u naraw li jkunu aktar fermi u b’saħħithom mal-“blata” ta’ Ġesù Kristu.

“Għalhekk, kull min li jemmen f’Alla jista’ jittama b’ċertezza għal dinja aħjar, iva, sewwasew post fuq il-lemin ta’ Alla, liema tama tasal permezz tal-fidi, li tkun ankra għal ruħ il-bnedmin, li twassalhom biex ikunu determinati u qalbiena, dejjem mehdija b’għemejjel tajbin, hekk kif jitmexxew biex jigglorifikaw lil Alla.”11

Inkrementalment u b’aktar qawwa “fil-proċess taż-żmien,”12 “ħsibijietna jiiżżejnu kontinwament bil-virtù, il-kunfidenza tagħna quddiem Alla tikber,” u “l-Ispirtu s-Santu jkun is-sieħeb kostanti tagħna.”13 Aħna nsiru nies b’għeruq u pedament aktar sod, marbuta sew mal-blata.14 Hekk kif il-pedament ta’ ħajjitna jkun bini fuq is-Salvatur, aħna niġu mberkin talli “skitna”—u nirċievu l-assigurazzjoni spiritwali li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna.

Mumenti Sagri, Postijiet Qaddisa, u d-Dar

Il-Mulej jipprovdi kemm żminijiet sagri kif ukoll postijiet qaddisa biex jgħinuna nesperjenzaw u nitgħallmu dwar dan is-skiet fil-ġewwieni ta’ ruħna.

Per eżempju, Jum il-Mulej huwa l-jum ta’ Alla, mument sagru iddedikat biex niftakru u nqimu lill-Missier f’isem Ibnu, biex nieħdu sehem fl-ordinanzi tas-saċerdozju, u nirċievu u nġeddu l-patti sagri. Kull ġimgħa aħna nqimu lill-Mulej waqt l-istudju tagħna fid-dar u wkoll bħala “ċittadini flimkien mal-qaddisin”15 waqt il-laqgħa tas-sagrament u laqgħat oħra. Fil-jum imqaddes tiegħu, ħsibijietna, għemilna u l-imġiba tagħna huma sinjali li aħna nagħtu lil Alla u huma wkoll indikaturi tal-imħabba tagħna lejh.16 Kull nhar ta’ Ħadd, jekk irridu, nistgħu nisktu u nagħrfu li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna.

Xi ħaġa ewlenija tal-qima tagħna f’Jum il-Mulej hi li “mmorru fid-dar tat-talb u noffru s-sagramenti tagħna fil-jum qaddisa tal-Mulej.”17 “Id-djar ta’ talb” li fihom ninġabru f’Jum il-Mulej huma d-djar tal-laqgħat u faċilitajiet approvati oħra—postijiet qaddisa ta’ reverenza, qima, u tagħlim. Kull dar tal-laqgħat u faċilità tiġi ddedikata minn xi awtorità tas-saċerdozju bħala post fejn l-Ispirtu tal-Mulej jista’ jgħammar u fejn ulied Alla jistgħu jaslu “biex jagħrfu lill-Feddej tagħhom.”18 Jekk irridu, nistgħu “nisktu” fil-postijiet qaddisa tagħna ta’ qima u nagħrfu b’aktar ċertezza li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna.

It-tempju huwa post qaddis ieħor speċifikament iddedikat biex fih nqimu u naqdu lil Alla u nitgħallmu veritajiet eterni. Fid-dar tal-Mulej aħna naħsbu, naġixxu, u nilbsu differenti minn postijiet oħra li aħna niffrekwentaw. Fid-dar qaddisa tiegħu, jekk irridu, nistgħu nisktu u nagħrfu li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna.

L-għanijiet prinċipali ta’ mumenti sagri u postijiet qaddisa huma eżattament l-istess: li ripetutament niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq Missierna fis-Smewwiet u l-pjan tiegħu, fuq il-Mulej Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, fuq il-qawwa edifikanti tal-Ispirtu s-Santu, u fuq il-wegħdiet marbuta mal-ordinanzi u l-patti sagri tal-evanġelju rrestawrat tas-Salvatur.

Illum se nirrepeti prinċipju li kont għamilt enfażi fuqu qabel. Djarna għandhom ikunu l-akbar eżempju ta’ kombinazzjoni ta’ mumenti sagri u post qaddis fejn l-individwi u l-familji jistgħu “jisktu” u jagħrfu li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna. Li aħna nħallu djarna biex immorru nqimu f’Jum il-Mulej u fid-dar tal-Mulej hija ċertament ħaġa essenzjali. Iżda huwa biss meta aħna nerġgħu lura fi djarna bil-perspettiva u l-qawwa spiritwali li nkunu ksibna f’dawk il-postijiet u attivitajiet qaddisa li aħna nkunu nistgħu nsostnu l-attenzjoni tagħna fuq l-għanijiet ewlenin tal-ħajja mortali u negħlbu t-tentazzjoni li hija daqstant prevalenti fid-dinja mitlufa tagħna.

L-esperjenzi kontinwi tagħna f’Jum il-Mulej, fit-tempju, u fid-dar għandhom jiffortifikawna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, b’rabta tal-patt kontinwa u aktar b’saħħitha mal-Missier u l-Iben, u “b’dija perfetta ta’ tama”19 fil-wegħdiet eterni ta’ Alla.

Hekk kif id-dar u l-Knisja jinġabru flimkien bħala ħaġa waħda fi Kristu,20 l-inkwiet jaf jolqotna minn kull naħa, iżda moħħna u qalbna jibqgħu kalmi. Aħna nafu nitħawdu xi ftit minħabba ċ-ċirkustanzi u l-isfidi tagħna, iżda ma niddisprawx. Aħna nafu niġu ppersegwitati, iżda aħna nagħrfu wkoll li m’aħniex weħidna.21 Aħna nistgħu nirċievu l-qawwa spiritwali biex nsiru u nibqgħu fermi, sodi, u leali.

Wegħda u Testimonjanza

Inwegħidkom li hekk kif aħna nibnu l-pedament ta’ ħajjitna fuq il- “blata” ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu niġu mberkin mill-Ispirtu s-Santu biex nirċievu skiet individwali u spiritwali f’ruħna li jagħtina ċ-ċans li nagħrfu u niftakru li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, li aħna wliedu, li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna, u li aħna nistgħu niġu mberkin li nagħmlu u negħlbu ħwejjeġ diffiċli.

Jiena naqsam magħkom b’ferħ ix-xhieda tiegħi li Alla huwa Missierna fis-Smewwiet, aħna wliedu, u Ġesù Kristu huwa l-Feddej tagħna u “l-blata” tas-salvazzjoni tagħna. Dan nixhdu fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, ammen.