Konferenza Ġenerali
Hena Aktar fil-Għoli
konferenza ġenerali April 2024


Hena Aktar fil-Għoli

Jalla aħna nfittxu u nsibu l-ogħla hena li tasal meta aħna niddedikaw ħajjitna għal Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż.

Jien kelli l-barka kbira li għal tletin sena sħaħ nitkellem waqt il-konferenza ġenerali. Tul dak iż-żmien, jien staqsejt bosta mistoqsijiet relatati ma’ dawn il-messaġġi minn ħafna nies madwar id-dinja. Dan l-aħħar, bdejt niġi mistoqsi spiss mistoqsija partikolari. Normalment tkun xi ħaġa hekk: “Presbiteru Uchtdorf, l-aħħar diskors tiegħek smajtu b’reqqa kbira iżda … ma smajt xejn relatat mal-avjazzjoni.”

Mela, wara llum, jista’ jkun li sa ndum ftit ma nerġa’ nisma’ dik il-mistoqsija.

Fuq “iż-Żifna Ferrieħa tas-Sħab Mifrud bir-Raġġi Tax-Xemx”1

Diffiċli temmen li ilu biss 120 sena minn meta Wilbur u Orville Wright inqatgħu mill-art u bdew itiru fuq ir-ramla ta’ Kitty Hawk, f’North Carolina. Erba’ titjiriet qosra f’dak il-jum ta’ Diċembru spiċċa bidel id-dinja u fetaħ il-bieb għal waħda mill-akbar invenzjonijiet fl-istorja tad-dinja.

F’dawk iż-żminijiet bikrin li wieħed itir kienet xi ħaġa riskjuża. Dawn l-aħwa kienu jafu dan. L-istess kif kien jaf missierhom, Milton. Fil-fatt, huwa tant kien qed jibża’ li seta’ jitlef liż-żewġ uliedu f’aċċident tal-ajru li huma wegħduh li qatt ma kienu se jtiru fl-istess ħin.

U hekk għamlu—b’eċċezzjoni ta’ darba. Seba’ snin wara dak il-jum storiku ġo Kitty Hawk, Milton Wright finalment ta l-kunsens tiegħu u ra b’għajnejh lil Wilbur u lil Orville jtiru flimkien għall-ewwel darba. Wara li għamlu l-inżul tagħhom, Orville kkonvinċa lil missieru biex imur għall-ewwel u l-unika darba f’ħajtu f’titjira u jara b’għajnejh stess x’jiġri.

Hekk kif l-ajruplan inqata’ mill-art, Milton, li kellu 82 sena, tant għamel bih l-eċċitament tat-titjira li kull biża’ marritlu. Orville feraħ ferm hekk kif missieru beda jgħajjat b’eċċitament, “Aktar fil-għoli, Orville, aktar fil-għoli!”2

Dan ir-raġel ħass da li nħoss jien!

Jista’ jkun li r-raġuni għala jien xi kultant nitkellem dwar l-avjazzjoni hi li jiena nista’ nħoss ftit minn dak li ħassew l-aħwa Wright. Jiena wkoll “dort mal-kurva tad-Dinja u fis-sema żfint fuq ġwienaħ kulur il-fidda jfaqqgħu d-daħk.”3

L-ewwel titjira tal-aħwa Wright, li seħħet biss 37 sena qabel twelidt jien, fetħitli f’ħajti l-bibien tal-avventura, tal-meravilja, u ta’ hena liema bħala.

Madankollu, tal-għaġeb kemm kienet tal-għaġeb dik l-hena, teżisti hena li hija sewwasew ogħla minnha. Illum, fl-ispirtu tal-għajta kollha ferħ ta’ Milton Wright, “Aktar fil-għoli, Orville, aktar fil-għoli,” nixtieq inkellimkom dwar din l-hena aktar fil-għoli—minn fejn tiġi, kif tippenetra qalbna, u kif nistgħu nesperjenzawha aktar f’ħajjitna.

L-Għan Sħiħ tal-Eżistenza Umana

Naħseb mhemmx għalfejn ngħidilkom li kulħadd irid li jkun ferħan.4 Madankollu, mhemmx għalfejn ngħidilkom li mhux kulħadd huwa ferħan. Sfortunatament, jidher li għal bosta nies il-kuntentizza hi xi ħaġa li mhux faċli jsibuha.5

X’inhi r-raġuni? Jekk il-kuntentizza hija l-aktar ħaġa li jixtiequ n-nies, għalfejn insibuha daqshekk diffiċli biex insibuha? Biex nipparafraża kanzunetta country, jista’ jkun li konna qed infittxu l-hena fil-postijiet kollha żbaljati.6

Fejn Nistgħu Nsibu l-Kuntentizza?

Qabel niddiskutu kif nistgħu nsibu l-hena, ippermettuli nenfasizza li d-dipressjoni u sfidi diffiċli oħra mentali u emozzjonali huma xi ħaġa reali, u t-tweġiba mhijiex sempliċiment, “Ipprova kun ferħan.” L-għan tiegħi llum mhuwiex biex innaqqas jew nitrivjalizza l-isfidi tas-saħħa mentali. Jekk intom qed tħabbtu wiċċkom ma’ dawn l-isfidi, jiena nitnikket magħkom u nieqaf magħkom. Għax xi wħud, li jsibu l-hena jaf ifisser li jfittxu l-għajnuna minn professjonisti mħarrġa fis-saħħa mentali li jiddedikaw ħajjithom biex jipprattikaw l-arti mill-aktar importanti tagħhom. Għandna nkunu grati għal din it-tip ta’ għajnuna.

Il-ħajja mhijiex segwenza kontinwa ta’ mumenti emozzjonali dejjem fil-għoli. Il-profeta Leħi għallem, “Għax jeħtieġ li jkun hemm oppożizzjoni f’kollox.”7 U jekk Alla jibki, kif tgħidilna li jagħmel l-iskrittura,8 mela mhemmx dubju li anke jien u intom nibku. Li tħossok imnikket mhuwiex xi sinjal ta’ falliment. Għall-anqas f’din il-ħajja, l-hena u d-dulur huma kollegi inseparabbli.9 Bħalkom ilkoll, jiena wkoll esperjenzajt mumenti ta’ diżappunt, dulur, niket, u rimors.

Madankollu, jiena esperjenzajt ukoll is-sebħ glorjuż li jimla r-ruħ b’hena tant profonda li diffiċli ma tesprimihiex. Jiena skoprejt li din il-kunfidenza ta’ paċi niksbuha meta aħna nimxxu wara s-Salvatur fit-Triq tiegħu.

Il-paċi li jagħtina Hu mhijiex bħall-paċi li tagħti d-dinja.10 Hija aqwa. Hija ogħla u eqdes. Ġesù qal, “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.”11

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa verament “l-aħbar it-tajba ta’ hena kbira”!12 Huwa messaġġ ta’ tama liema bħala! Messaġġ ta’ wieħed iġorr il-madmad u jħaffef it-tagħbija.13 Ta’ influwenza ta’ dawl dejjem jiddi. Ta’ barkiet divini, għarfien ogħla, patti aktar qaddisa, sigurtà eterna, u glorja ta’ dejjem!

L-hena hija sewwasew l-għan tal-pjan ta’ Alla għal uliedu. Hija għalfejn intom ġejtu maħluqa—“ħalli [intom] tkunu tistgħu jkollkom l-hena”!14 Hu għalhekk li intom inħlaqtu!

Missierna fis-Smewwiet ma ħebiex minna t-triq għall-kuntentizza. Mhijiex xi sigriet. Hija disponibbli għal kulħadd!15

Hija mwiegħda lil dawk li jimxu fit-triq tad-dixxipulat, jimxi wara t-tagħlim u l-eżempju tas-Salvatur, iħarsu l-kmandamenti, u jonoraw il-patti li jagħmlu ma’ Alla. X’wegħda tal-għaġeb!

Alla Għandu Xi Ħaġa Aktar x’Joffri

Aħna lkoll nafu b’nies li jgħidu li m’għandkomx bżonn lil Alla biex ikunu ferħanin, li huma ferħanin biżżejjed mingħajr reliġjon.

Jien nagħraf u nirrispetta dawk is-sentimenti. Missierna fis-Smewwiet irid li wliedu kollha jkunu kuntenti kemm jista’ jkun, għalhekk Huwa mela din id-dinja bi ħwejjeġ mill-aktar sbieħ, u li jgħaxxqu lil bniedem, ħwejjeġ li “jpaxxu l-għajn u … u jferrħu l-qalb.”16 Għalija, l-avvjazjoni ġabitli ferħ kbir. Oħrajn isibu l-ferħ tagħhom fil-mużika, fl-arti, fid-dellizji, jew fin-natura.

Jekk aħna nistiednu lil kulħadd u naqsmu magħhom l-aħbar it-tajba ta’ hena kbira, aħna mhux qed inxejnu xi wieħed minn dawn is-sorsi ta’ hena. Aħna sempliċiment qed ngħidu li Alla għandu xi ħaġa aktar x’jagħtina. Hena aktar fil-għoli u aktar profonda—hena li tiżboq kull ħaġa li toffri din id-dinja. Hija hena li ttaffi l-qsim il-qalb, tippenetra n-niket, u tnaqqas is-solitudni.

Il-ferħ tad-dinja, b’kuntrast, ma tantx idum. Ma jistax idum. Hija n-natura ta’ kull ħaġa li hawn fid-dinja li tixjieħ, titmermer, tidditorja, jew ma tibqax aktar tajba. Iżda l-hena divina hija eterna, għax Alla huwa etern. Ġesù Kristu ġie biex jgħollina ’l fuq minn dak li hu temporali u jbiddel it-taħsir f’dak li ma jistax jitħassar. Huwa biss għandu dik il-qawwa, u l-hena tiegħu biss hija perpetwa.

Jekk tħoss li għandu jkollkom aktar minn din it-tip ta’ hena f’ħajjitkom, nistedinkom biex tibdew il-vjaġġ tagħkom li timxu wara Ġesù Kristu fit-Triq tiegħu. Huwa vjaġġ ta’ ħajjitna—u lil hinn minnu. Jekk jogħġobkom ippermettuli nissuġġerixxi ftit passi kif tistgħu tibdew dan il-vjaġġ mill-aktar vallapena li fih tiskopru hena liema bħala.

Nersqu Qrib Alla17

Tiftakru l-mara fit-Testment il-Ġdid li damet iġġarrab marda, fejn beda jnixxilha d-demm, għal 12-il sena sħaħ?18 Hija nefqet kulma kellha fuq it-tobba, iżda l-affarijiet iggravaw. Hija semgħet b’Ġesù; il-qawwa tiegħu li jfejjaq kienet magħrufa sew. Iżda Hu seta’ jfejjaqha? U kif setgħet tersaq qrib tiegħu? Il-marda tagħha għamlitha persuna “mniġġsa” skont il-liġi ta’ Mosè, u għalhekk kien jeħtieġ li hi żżomm ’il bogħod minn ħaddieħor.19

Li tersaq lejh fil-pubbliku u titolbu jfejjaqha żgur li ma kenitx ħaġa possibli.

Madankollu, ħasbet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejjqa.”20

Fl-aħħar, il-fidi tagħha għelbet il-biża’ tagħha. Hija sfidat iċ-ċensura ta’ ħaddieħor u bdiet tersaq ftit ftit qrib is-Salvatur.

Finalment, hija waslet ħdejh. Hija meddet idha.

U fieqet.

Mhux ilkoll kemm aħna nistgħu b’xi mod niddentifikaw ma’ din il-mara?

Jaf ikollna diversi raġunijiet għalfejn insibuha bi tqila biex nersqu qrib is-Salvatur. Aħna nafu niffaċċjaw ir-ridikulaġni jew il-kundanna ta’ ħaddieħor. Fil-kburija tagħna, aħna nafu ma nagħrfux il-possibbiltà li xi ħaġa daqstant sempliċi taf tkun ta’ valur daqstant kbir. Nafu naħsbu li l-kundizzjoni tagħna b’xi mod tiskwalifikana mill-fejqan tiegħu—li d-distanza tant hi kbira ferm jew li dnubietna huma kbar wisq.

Bħal din il-mara, jien tgħallimt li jekk aħna nersqu aktar viċin Alla u nippruvaw immissuh, aħna verament nistgħu nsibu l-fejqan, il-paċi, u l-hena.

Fittxuha

Ġesù għallem, “Fittxu, u ssibu.”21

Nemmen li din il-frażi sempliċi mhijiex biss wegħda spiritwali; hija dikjarazzjoni ta’ fatt.

Jekk aħna nfittxu raġuni għalfejn għandna ninkorlaw, niddubitaw, nirrabjaw jew naqgħu f’solitudni, aħna nsibuha wkoll.

Madankollu, jekk aħna nfittxu l-hena—jekk infittxu raġuni għalfejn għandna nithennew u b’ferħ nimxu wara s-Salvatur, aħna nsibuha.

Aħna rari nsibu xi ħaġa li ma nkunux qed infittxu.

Intom qegħdin tfittxu l-hena?

Fittxu, u ssibu.

Ġorru t-Tagħbija ta’ Xulxin22

Ġesù għallem, “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”23

Jista’ jkun li, fi tiftixa tagħna għall-hena, l-aqwa mod kif insibuha huwa billi nwasslu l-hena lil ħaddieħor?

Ħuti, jien naf li dan huwa minnu! L-hena hija bħal barmil dqiq jew vażett żejt li qatt ma jispiċċa.24 L-hena vera titkattar meta naqsmuha ma’ ħaddieħor.

M’hemmx għalfejn nagħmlu xi ħaġa grandjuża jew kumplikata.

Jeħtieġ nagħmlu ħwejjeġ sempliċi.

Bħalli nitolbu għal xi ħadd b’qalbna kollha.

Nikkumplimentaw lil xi ħadd minn qalbna.

Ngħinu lil xi ħadd iħossu milqugħ, rispettat, siewi, u maħbub.

Naqsmu xi skrittura li nħobbu ma’ xi ħadd u xi tfisser għalina.

Jew saħansitra nisimgħu lil ħaddieħor.

“Meta intom tkunu qed taqdu lil għajrkom intom fil-fatt tkunu qed taqdu lil Alla tagħkom,”25 u Alla jħallaskom għat-tjieba tagħkom b’mod ġeneruż.26 L-hena li twasslu lil ħaddieħor terġa’ tasal għandkom “b’kejl tajjeb, marsusa, mheżża sewwa u mburġata.”27

“X’Għandna Nagħmlu?”28

Fil-jiem, fil-ġimgħat, u fix-xhur li ġejjin, nistedinkom biex:

  • Tqattgħu ħin tagħmlu sforz sinċier u minn qalbkom biex nersqu viċin Alla.

  • Tfittxu ta’ kuljum b’ħerqa mumenti ta’ tama, paċi, u hena.

  • Twasslu l-hena lil dawk ta’ madwarkom.

Għeżież ħuti u għeżież ħbieb tiegħi, hekk kif intom tfittxu l-kelma ta’ Alla għal aktar għarfien tal-pjan etern ta’ ferħ ta’ Alla, taċċettaw din l-istedina, u tagħmlu li tistgħu biex timxu fi triqatu, intom tesperjenzaw “is-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem,”29 anke f’nofs in-niket. Intom tħossu fikom doża akbar tal-imħabba insuperabbli ta’ Alla tikber ġewwa qalbkom. Is-sebħ ta’ dawl ċelestjali jippenetra d-dell tal-isfidi tagħkom, u intom tibdew idduqu l-glorji u l-għeġubijiet, li l-ebda kliem ma jista’ jfisser, ta’ sfera ċelestjali u perfetta li ma tidhirx. Intom tħossu l-ispirtu tagħkom jinqata’ mill-gravità ta’ din id-dinja.

U bħat-twajjeb Milton Wright, forsi intom b’ferħ tgħollu leħinkom u tgħajtu, “Aktar fil-għoli, Missier, aktar fil-għoli!”

Jalla aħna nfittxu u nsibu l-ogħla hena li tasal meta aħna niddedikaw ħajjitna għal Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż. Din hija t-talba ferventi u l-barka tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. John Gillespie Magee Jr., “High Flight,” poetryfoundation.org.

  2. Ara Christopher Klein, “10 Things You May Not Know about the Wright Brothers,” History, Mar. 28, 2023, history.com.

  3. Magee, “High Flight.”

  4. Erbgħa u għoxrin mitt sena ilu, Aristotile osserva li l-kuntentizza hija l-aktar ħaġa li jixtiequ l-bnedmin. Fit-trattat tiegħu Nicomachean Ethics, huwa għallem li l-akbar ġid fil-ħajja huwa dik il-ħaġa li nieħdu gost infittxuha (bil-kuntrarju għal dawk il-ħwejjeġ li nfittxuhom bħala mezz li jwassluna għal xi ħaġa li nieħdu gost biha). Il-kuntentizza, fuq kollox, hija din it-tip ta’ ħaġa. “Aħna dejjem nixtiequ l-kuntentizza,” huwa qal, “għax aħna lilha stess rridu u mhux għax twassalna għal xi ħaġa oħra” (The Nicomachean Ethics of Aristotle, trad. J. E. C. Weldon [1902], 13–14).

  5. Ara Harry Enten, “American Happiness Hits Record Lows,” CNN, 2 ta’ Frar, 2022, cnn.com; Tamara Lush, “Poll: Americans Are the Unhappiest They’ve Been in 50 Years,” Associated Press, 16 ta’ Ġunju, 2020, apnews.com; “The Great Gloom: In 2023, Employees Are Unhappier Than Ever. Why?” BambooHR, bamboohr.com.

  6. Ara Wanda Mallette, Patti Ryan, and Bob Morrison, “Lookin’ for Love (in All the Wrong Places)” (1980).

  7. 2 Nefi 2:11.

  8. Ara Ġwanni 11:35; Moses 7:28–37.

  9. Ara 2 Nefi 2:11.

  10. Ara Ġwanni 14:27.

  11. Ġwanni 10:10.

  12. Luqa 2:10, New Revised Standard Version.

  13. Ara Mattew 11:28–30.

  14. 2 Nefi 2:25.

  15. Jekk qed tinkwetaw jekk Missiekom fis-Smewwiet mhuwiex se jaċċettakom u huwiex se jagħtikom iċ-ċans li tirċievu l-hena tiegħu, nistedinkom biex bl-għajnuna tat-talb taqraw il-parabbola ta’ Kristu tal-iben il-ħali (ara Luqa 15:11–32). F’dik il-parabbola, nitgħallmu dwar xi jħoss Missierna fis-Smewwiet għal uliedu u kif Huwa jistenna u jiċċelebra r-ritorn tagħna wara li aħna nabbandunawh! Mill-mument li aħna “nerġgħu lura f’sessina” (ara vers 17) u nibdew bil-vjaġġ tagħna lejn id-dar, Huwa jkun qed jarana, għaliex Huwa jinsab wieqaf iħares lejna u jistenniena. U x’inhu qed jistenna? Lilna! Hekk kif aħna nersqu viċin tiegħu, Huwa jiċċelebra r-ritorn tagħna u jsejħilna bħala wliedu.

  16. Doctrine and Covenants 59:18. Din ir-rivelazzjoni tispjega wkoll li “Kien ta’ pjaċir għal Alla li hu ta dan kollu lill-bniedem; għax kien għal dan il-għan li huma nħolqu” (vers 20).

  17. Lil dawk li jersqu viċin Alla, Huwa jagħti din il-wegħda kbira: jiena nersaq lejkom” (Doctrine and Covenants 88:63; ara wkoll Ġakbu 4:8).

  18. Ara Mark 5:24–34.

  19. Ara Bible Dictionary, “Clean and Unclean.”

  20. Mark 5:28.

  21. Mattew 7:7.

  22. Meta aħna nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, aħna nkunu qed “inħarsu l-liġi ta’ Kristu” (Galatin 6:2; ara wkoll Mosija 18:8).

  23. Atti 20:35.

  24. Ara 1 Slaten 17:8–16.

  25. Mosija 2:17.

  26. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu ddikjara li Alla “jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jipperseveraw sa l-aħħar fl-għemil it-tajjeb, u jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja li ma tintemmx: … glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb” (Rumani 2:6–7, 10).

  27. Luqa 6:38. Is-salvazzjoni u l-kuntentizza eterna tagħna taf tiddependi mill-kompassjoni u t-tjieba tagħna lejn ħaddieħor (ara Mattew 25:31–46).

  28. Luqa 3:10.

  29. Filippin 4:7.