Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu huwa s-Sodizza taż-Żgħażagħ
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Ġesù Kristu huwa l-Qawwa taż-Żgħażagħ

Afdaw f’Alla. Huwa jmexxikom fit-triq it-tajba. Huwa l-qawwa tagħkom.

Waqt li llum kont qed inħejji dan il-messaġġ, ħassejt fija b’qawwa li għandi nindirizza lit-tfajliet u l-ġuvintur.

Se nkun qed inkellem ukoll lil dawk li xi darba kienu żgħażagħ, anke lil dawk li m’għadhomx jiftakru aktar dak iż-żmien.

U se nkellem lilkom kollha li tħobbu liż-żgħażagħ tagħna u triduhom jirnexxu fil-ħajja.

Għall-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, għandi messaġġ speċjalment għalikom mingħand is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Il-Messaġġ tas-Salvatur Għalikom

Għeżież ħbieb żgħażagħ tiegħi, kieku s-Salvatur kien hawn illum, x’kien jgħidilkom?

Nemmen li jibda billi jesprimi l-imħabba kbira tiegħu lejkom. Jaf jagħmel dan permezz ta’ kliemu, iżda taf tinħass ukoll b’tant qawwa—sempliċiment mill-preżenza tiegħu—li tkun inkonfondibbli, fejn tilħaq il-fond ta’ qalbkom, u timla kull rokna ta’ ruħkom!

Madankollu, peress li aħna lkoll dgħajfin u imperfetti, moħħkom jaf jibqa’ mtaqqal b’ċerti ħsibijiet. Intom tafu tibqgħu tiftakru fi żbalji li wettaqtu, f’mumenti meta waqajtu fit-tiġrib, ħwejjeġ li tixtiequ li qatt ma wettaqtu—jew li tixtiequ li wettaqtu aħjar.

Is-Salvatur jagħraf dan, u nemmen li Hu jiżgurakom permezz ta’ kliem li Huwa qal fl-iskrittura:

“Tibżgħux.”1

“Tiddubitawx.”2

“Agħmlu l-qalb.”3

“Tħallux qalbkom titħawwad.”4

Ma naħsibx li jiskużakom għall-iżbalji tagħkom. Ma jippruvax inaqqas is-severità tagħhom. Le, Hu jitlobkom biex tindmu—li twarrbu dnubietkom, tinbidlu, ħalli jkun jista’ jaħfrilkom. Huwa jfakkarkom li 2,000 sena ilu Hu tgħabba b’dawk id-dnubiet ħalli intom tkunu tistgħu tindmu. Dik hi parti mill-pjan ta’ ferħ mogħti lilna minn Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba.

Ġesù jaf ifakkarkom li l-patti li għamiltu miegħu—li għamiltu meta tgħammidtu u li ġeddidtu kull darba li ħadtu sehem fis-sagrament—jipprovdulkom rabta speċjali miegħu. It-tip ta’ rabta deskritta fl-iskrittura fejn bl-għajnuna tiegħu, tistgħu ġġorru kwalunkwe tagħbija li jkollkom.5

Nemmen li s-Salvatur Ġesù Kristu jridkom taraw, tħossu, u tagħrfu li Huwa l-qawwa tagħkom. Li bl-għajnuna tiegħu, m’hemmx limitu sa fejn tistgħu taslu. Li l-potenzjal tagħkom hu bla limitu. Hu jridkom tħarsu lejkom infuskom kif jarakom Hu. U dan hu differenti ħafna minn kif tħares lejkom id-dinja.

Is-Salvatur jiddikjara, bla tlaqliq, li inti bint jew iben Alla li Jista’ Kollox. Missierkom fis-Smewwiet huwa l-aktar esseru glorjuż fl-univers, mimli mħabba, hena, safà, qdusija, dawl, grazzja, u verità. U xi darba jridkom tirtu dak kollu li Huwa għandu.6

Hi r-raġuni għalfejn tinsabu fid-dinja—biex titgħallmu, tikbru, u tagħmlu progress u ssiru dak kollu li ħalaqkom għalih Missierkom fis-Smewwiet.

Biex dak ikun jista’ jseħħ, Huwa bagħat lil Ġesù Kristu biex ikun is-Salvatur tagħkom. Huwa l-għan tal-pjan kbir ta’ ferħ tiegħu, tal-Knisja tiegħu, tas-saċerdozju tiegħu, tal-iskrittura—ta’ kollox.

Dak hu d-destin tagħkom. Dak hu l-ġejjieni tagħkom. Dik hija l-għażla tagħkom!

Verità u Għażliet

Fil-qalba tal-pjan ta’ Alla għall-ferħ tagħkom hemm il-qawwa tagħkom li tagħżlu.7 Bla dubju, Missierkom fis-Smewwiet iridkom tagħżlu l-hena ta’ dejjem miegħu, u Hu jgħinkom tiksbuha, iżda Hu qatt mhu se jinponiha fuqkom.

Għalhekk Hu jagħtikom iċ-ċans li tagħżlu: Dawl jew dlam? Tajjeb jew ħażen? Hena jew miżerja? Ħajja ta’ dejjem jew mewt spiritwali?8

L-għażla tinstama’ waħda faċli, hux veru? Iżda b’xi mod, hawn fid-dinja, tidher li hija aktar kumplikata milli għandha tkun.

Il-problema hi li aħna mhux dejjem naraw l-affarijiet ċari daqs kemm nixtiequ. L-Appostlu Pawlu qabbel dan meta nħarsu “bħallikieku f’mera, mċajpar.”9 Fid-dinja hawn wisq konfużjoni dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-verità tiġi mdawra b’tali mod fejn il-ħażin jidher tajjeb u t-tajjeb ħażin.10

Iżda meta tfittxu l-verità b’ħerqa—verità eterna, li ma tinbidilx—l-għażliet tagħkom isiru aktar ċari. Iva, xorta waħda tħabbtu wiċċkom mat-tiġrib u l-isfidi. Xorta waħda tesperjenzaw affarijiet xejn sbieħ. Affarijiet li ma tkunux qed tistennewhom. Affarijiet traġiċi. Iżda jirnexxielkom tibqgħu għaddejjin meta tkunu tafu min intom, għalfejn tinsabu hawn, u meta tafdaw lil Alla.

Allura fejn tistgħu ssibu l-verità?

Tinsab fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. U l-milja ta’ dak l-evanġelju hija mgħallma fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Ġesù Kristu qal, “Jiena hu t-triq, il-verità u l-ħajja: ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.”11

Meta jkollkom għażliet importanti x’tagħmlu, Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat tiegħu huma l-aqwa għażla. Meta jkollkom xi mistoqsijiet, Ġesù Kristu u l-evanġelju rrestawrat tiegħu huma l-aqwa tweġiba. Meta tħossukom dgħajfin, Ġesù Kristu huwa l-qawwa tagħkom.

Huwa jagħti l-qawwa lil min hu għajjien; u lil dawk li jħossuhom bla qawwa, lilhom isaħħaħ.

Dawk li jitammaw fil-Mulej iħossuhom imġedda permezz tal-qawwa tiegħu .12

Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ

Biex tgħinkom issibu t-Triq u tgħinkom tagħmlu d-duttrina ta’ Kristu l-influwenza li tiggwidakom f’ħajjitkom, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ħejjiet riżorsa ġdida, verżjoni riveduta ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ.

Immaġni
Il-verżjoni 2011 ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ

Għal aktar minn 50 sena, Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ kienet gwida għal ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Jien dejjem inżomm kopja fil-but tiegħi, u nixxerjaha ma’ nies li jixtiequ jkunu jafu dwar l-istandards tagħna. Issa ġiet aġġornata biex taffronta aħjar l-isfidi u t-tiġrib ta’ żmienna. Ii-verżjoni l-ġdida ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ hi disponibbli f’50 lingwa differenti u se tkun disponibbli wkoll stampata. Se tkun ta’ għajnuna sinifikanti biex tagħmlu l-għażliet f’ħajjitkom. Jekk jogħġobkom għamluha tagħkom u aqsmuha ma’ sħabkom.

Immaġni
Il-verżjoni 2022 ta’ For the Strength of Youth

Din il-verżjoni l-ġdida ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ għandha s-sottotitolu Gwida li Tgħinkom Tagħżlu.

Biex inkun għidt kollox, l-aqwa gwida li qatt jista’ jkollkom fl-għażliet tagħkom hu Ġesù Kristu. Ġesù Kristu hu s-sodizza taż-żgħażagħ.

Għalhekk l-għan ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ hu li tidderiġikom lejh. Tgħallimkom veritajiet eterni tal-evanġelju rrestawrat tiegħu—veritajiet dwar intom min intom, Hu min hu, u x’tistgħu twettqu bil-qawwa tiegħu. Tgħallimkom kif tagħmlu għażliet tajbin ibbażati fuq dawk il-veritajiet eterni.13

Hu importanti wkoll li tkunu tafu x’ma tagħmilx Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ għalikom. Ma tiħux deċiżjonijiet għalikom. Ma tagħtikomx “iva” jew “le” dwar kull għażla li tistgħu qatt tiffaċċjaw. Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ tiffoka fuq il-pedament għall-għażliet tagħkom. Tiffoka fuq il-valuri, il-prinċipji, u d-duttrina minflok fuq kull imġiba speċifika.

Il-Mulej, permezz tal-profeti tiegħu, minn dejjem ilu jiggwidana f’dik id-direzzjoni. Hu qed jitlobna biex “inkabbru l-kapaċità spiritwali tagħna li nirċievu r-rivelazzjoni.”14 Hu qed jistedinna biex “nisimgħuh.”15 Hu qed isejħilna biex nimxu warajh f’toroq aktar għoljin u qaddisa.16 U aħna qed nitgħallmu bl-istess mod kull ġimgħa f’ Come, Follow Me.

M’hemmx dubju li gwida tista’ tippreżentalkom lista twila ta’ lbies li m’għandkomx tilbsu, kliem li m’għandkomx tgħidu, u films li m’għandkomx taraw. Iżda dan verament ikun ta’ għajnuna fi knisja globali? Dan it-tip ta’ atteġġjament verament iħejjikom għal għajxien ta’ ħajja Kristjana?

Joseph Smith qal, “Jien ngħallimhom prinċipji korretti, u huma jmexxu lilhom infushom.”17

U s-Sultan Benjamin qal lin-nies tiegħu fil-Ktieb ta’ Mormon, “Jien ma nistax ngħidilkom kull ħaġa li permezz tagħha tistgħu taqgħu fid-dnub; għax tant hemm modi u mezzi diversi, li ma nistax insemmihom kollha.”18

Is-Sultan Benjamin kompla biex jgħid, “Iżda li nista’ ngħidilkom hu dan, … ikkontrollaw lilkom infuskom, u ħsibijietkom, u kliemkom, u għemilkom, u osservaw il-kmandamenti ta’ Alla, u ibqgħu fil-fidi ta’ … Sidna l-Mulej, sewwasew sat-tmiem ta’ ħajjitkom.”19

Immaġni
Is-Salvatur Ġesù Kristu

Xi ħaġa ħażina li jkollna ċerti regoli? Żgur li le. Aħna neħtiġuhom kull jum. Iżda ħażin li niffokaw biss fuq ir-regoli minflok ma niffokaw fuq is-Salvatur. Jeħtieġ li tkunu tafu l-għalfejn u l-kif, u mbagħad tikkunsidraw il-konsegwenzi tal-għażliet tagħkom. Jeħtieġ li tafdaw f’Ġesù Kristu. Huwa jmexxikom fit-triq it-tajba. Huwa l-qawwa tagħkom.20

Il-Qawwa tal-Veru Duttrina

Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ tiddikjara bla tlaqliq id-duttrina ta’ Ġesù Kristu. tistedinkom bla tlaqliq biex tibbażaw l-għażliet tagħkom fuq id-duttrina ta’ Kristu. Tiddeskrivi bla tlaqliq il-barkiet li Ġesù Kristu jwiegħed lil dawk li jimxu fit-Triq tiegħu.21

Il-President Russell M. Nelson għallem: “Meta l-akbar xewqa tiegħek hi li tħalli lil Alla jiddomina f’ħajtek, … ħafna deċiżjonijiet isiru aktar faċli. … Ħafna kwistjonijiet ma jibqgħux aktar importanti! Tkun taf kif għandek tieħu ħsieb aħjar tiegħek innifsek. Tkun taf x’għandek tara u taqra, fejn tqatta’ ħinek, u ma’ min tagħmilha. Tkun taf xi trid twettaq f’ħajtek. Tkun taf it-tip ta’ bniedem … li trid verament tkun.”22

Standard Ogħla

Ġesù Kristu jistenna standards għoljin ħafna mid-dixxipli tiegħu. U l-istedina biex tfittxu b’ħerqa r-rieda tiegħu u tgħixu skont il-veritajiet tiegħu hija l-ogħla standard possibbli!

Għażliet temporali u spiritwali importanti m’għandhomx ikunu bbażati biss fuq preferenzi personali, jew dwar x’inhu konvenjenti jew popolari.23 Il-Mulej mhux qed jgħid, “Agħmlu li tridu.”

Hu qed jgħid, “Ħallu lil Alla jiddomina.”

Hu qed jgħid, “Ejjew, imxu warajja.”24

Hu qed jgħid, “Għixu b’mod aktar qaddis, ogħli u matur.”

Hu qed jgħid, “Ħarsu l-kmandament tiegħi.”

Ġesù Kristu hu l-eżempju perfett tagħna, u aħna nagħmlu li nistgħu bl-enerġija kollha ta’ ruħna biex nimxu warajh.

Għeżież ħbieb tiegħi, ippermettuli ntenni li jekk is-Salvatur kien jinsab wieqaf hawn illum, Hu kien jesprimi l-imħabba bla tmiem tiegħu għalikom, il-kunfidenza sħiħa li għandu fikom. Huwa jgħidilkom li intom kapaċi tagħmlu dan. Intom tistgħu tibnu ħajja hienja u kuntenta peress li Ġesù Kristu huwa l-qawwa tagħkom. Tistgħu ssibu l-kunfidenza, is-sliem, is-sigurtà, il-ferħ, u l-appartenenza issa u fl-eternità, għaliex intom issibu dan kollu f’Ġesù Kristu, fl-evanġelju tiegħu, u fil-Knisja tiegħu.

Ta’ dan jien naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu u nħallikom bil-barka sinċiera tiegħi bi gratitudni u mħabba kbira lejkom, f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Luqa 5:10; 8:50; 12:7; Doctrine and Covenants 38:15; 50:41; 98:1.

  2. Doctrine and Covenants 6:36.

  3. Mattew 14:27; Ġwanni 16:33; Doctrine and Covenants 61:36; 68:6; 78:18.

  4. Ġwanni 14:1, 27.

  5. Ara Mattew 11:28–30.

  6. Ara Doctrine and Covenants 84:38.

  7. Tafu tgħidu li l-pjan tal-Missier ġie mfassal biex jagħtikom iċ-ċans tesprimu x-xewqat tagħkom permezz tal-għażliet tagħkom, ħalli tkunu tistgħu tiksbu l-milja sħiħa tax-xewqat tagħkom. Kif għallem il-Presbiteru Dale G. Renlund, “L-għan ta’ Missierna tas-Smewwiet bħala ġenitur mhuwiex li jwassal lil uliedu biex jagħmlu dak li hu tajjeb; hu li jwassal lil uliedu biex jagħżlu li jagħmlu dak li hu tajjeb u ultimament isiru bħalu” (“Agħżlu Illum,” Liahona, Nov. 2018, 104).

  8. Ara 2 Nefi 2:26–27.

  9. 1 Korintin 13:12.

  10. Ara Isaija 5:20.

  11. Ġwanni 14:6

  12. Ara Isaija 40:29–31.

  13. Bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna spiss magħrufin għal dak li nagħmlu u ma nagħmlux–l-imġiba tagħna. Din taf tkun ħaġa tajba, iżda hu sewwasew aħjar li nkunu magħrufin għal dak li nafu (il-veritajiet li jispiraw l-imġiba tagħna) u għal dak lilu aħna nafu (is-Salvatur—u kif l-imħabba tagħna lejh tispira l-imġiba tagħna).

  14. Russell M. Nelson, “Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2018, 96.

  15. Ara Russell M. Nelson, “Isimgħuh,” Liahona, Mejju 2020, 88–92.

  16. L-approċċ ibbażat fuq prinċipju tal-gwida l-ġdida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ hu konsistenti ma’ inizjattivi riċenti oħra introdotti mill-Knisja tas-Salvatur, fosthom Xandru l-Evanġelju Tiegħi, il-ħidma tal-ministeru, il-kurrikulu ċċentrat madwar id-dar Come, Follow Me , il-programm Tfal u Żgħażagħ, Teaching in the Savior’s Way, u l- General Handbookil-ġdid. Bla dubju, il-Mulej qed jibni l-kapaċità spiritwali tagħna. Hu qed juri aktar fiduċja fil-poplu tiegħu tal-patt fl-aħħar żminijiet.

  17. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 284.

  18. Mosija 4:29. F’ċertu sens, dan hu dak li ppruvaw jagħmlu l-Fariżej fi żmien Ġesù. Fil-ħerqa li kellhom biex iwaqqfu n-nies milli jiksru l-liġi, huma ġabru flimkien mijiet ta’ regoli bbażti fuq l-għarfien tagħhom tal-kitba qaddisa. Fejn żbaljaw il-Fariżej kien li huma ħasbu li r-regoli tagħhom kienu se jsalvawhom. Imbagħad, meta feġġ is-Salvatur, huma m’għarfuhx.

  19. Mosija 4:30; enfażi miżjuda.

  20. Raġuni oħra għalfejn approċċ bbażat fuq prinċipju huwa meħtieġ illum hija d-diversità kulturali dejjem tikber tal-Knisja tal-Mulej. Il-prinċipji huma eterni u universali. Ċerti regoli jew applikazzjonijiet speċifiċi ta’ dawk il-prinċipji jafu jaħdmu tajjeb f’xi postijiet iżda mhux f’oħrajn. Dak li jgħaqqadna hu Ġesù Kristu u l-veritajiet eterni li Hu għallem, anke jekk l-applikazzjonijiet speċifiċi jvarjaw maż-żmien u bejn il-kulturi. Għalhekk il-problema li jkun hemm lista ta’ x’għandek tagħmel u x’ma għandekx mhijiex sempliċiment li hija ħaġa mhux prattika u mhux sostenibbli. Il-problema hi li taf tiżvijja l-attenzjoni tagħna mill-veru Sors tal-qawwa tagħna, is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

  21. Bosta snin ilu, il-President Boyd K. Packer qal dan il-kliem qawwi: “Id-duttrina vera, jekk nifhmuha, tibdel l-attitudni u l-imġiba tagħna. L-istudju tad-duttrina tal-evanġelju jtejjeb l-imġiba aktar malajr milli l-istudju tal-imġieba jtejjeb l-imġiba” (“Do Not Fear,” Liahona, Mejju 2004, 79).

    Il-President Ezra Taft Benson għallem verità simili: “Il-Mulej jaħdem minn ġewwa għal barra. Id-dinja taħdem minn barra għal ġewwa. … Id-dinja tista’ tfassal l-imġiba umana, iżda Kristu jista’ jibdel in-natura umana” (“Born of God,” Ensign, Nov. 1985, 6).

    Meta l-profeti tal-Ktieb ta’ Mormon Alma ra l-ħażen li kien hemm fid-dinja ta’ madwaru, huwa dar lejn il-kelma ta’ Alla għaliex kien jaf li “kellha effett aktar qawwi fuq moħħ in-nies mix-xabla, jew minn kwalunkwe ħaġa oħra li esperjenzaw—għalhekk Alma ra li kien jaqbel li jipprova l-virtù tal-kelma ta’ Alla” (Alma 31:5).

  22. Russell M. Nelson, “Ħallu lil Alla Jiddomina,” Liahona, Nov. 2020, 94. Il-President Nelson ta eżempju ta’ dan l-atteġġjament meta għallimna li għandna nonoraw Jum il-Mulej: “Meta kont ħafna iżgħar, jien studjajt dak li għamlu dawk li għamlu lista ta’ affarijiet ta’ x’setgħu jagħmlu u affarijiet li ma setgħux jagħmlu f’Jum il-Mulej. Kien biss aktar tard li jiena tgħallimt mill-iskrittura li l-imġiba tiegħi u l-attitudni tiegħi dwar Jum il-Mulej kienu jikkostitwixxu sinjal bejni u bejn Missieri fis-Smewwiet. B’dak l-għarfien, jien ma kellix bżonn aktar ta’ listi dwar x’nista’ nagħmel u x’ma nistax. Meta kelli nieħu deċiżjoni jekk xi attività kenitx xierqa jew le għal Jum il-Mulej, jien sempliċiment bdejt nistaqsi lili nnifsi, ‘X’sinjal irrid inwassal lil Alla?’ Dik il-mistoqsija wasslet biex l-għażliet tiegħi għal Jum il-Mulej ikunu ċari kristall” (“Jum il-Mulej Hu l-Għaxqa Tagħna,” Liahona, Mejju 2015, 130).

  23. Il-Presbiteru David A. Bednar għallem li “l-prinċipji tas-sewwa jgħinuna … nħarsu lil hinn mill-preferenzi personali u x-xewqat egoċentriċi tagħna billi jipprovdulna perspettiva prezzjuża ta’ verità eterna hekk kif ninnavigaw iċ-ċirkustanzi, l-isfidi, id-deċiżjonijiet, u l-esperjenzi differenti tal-mortalità” (“Il-Prinċipji tal-Evanġelju Tiegħi,” Liahona, Mejju 2021, 123–24).

  24. Luqa 18:22.