It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom
Kull meta iqum xi maltemp f’ħajjitkom, l-aktar post sigur li tistgħu tkunu fih spiritwalment hu meta tkunu qed tgħixu ġewwa l-patti tagħkom tat-tempju!
Għeżież ħuti, jiena grat li ninsab magħkom dalgħodu biex naqsam magħkom is-sentimenti ta’ qalbi.
Kif tafu, aħna ninsabu għaddejjin b’ċerta rinnovazzjoni importanti fuq it-Tempju storiku ta’ Salt Lake. Dan il-proġett kumpless jinkludi fih rijinfurzar ewlieni tal-pedament oriġinali tiegħu, li għamel xogħlu tajjeb għal aktar minn seklu. Iżda dan it-tempju jeħtieġ li jibqa’ wieqaf għal ferm aktar żmien. Fl-aħħar ta’ Mejju, jien mort ninspezzjona l-progress ta’ dan il-proġett massiv. Naħseb li intom tapprezzaw li taraw ftit dak li rajna jien u marti Wendy. Naħseb li tindunaw għalfejn l-għanja “X’Sisien Sodi Ferm”1 issa għandha tifsira ġdida għalina.
Vidjo mis-sit tar-rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake: “Qed naraw il-pedament oriġinali tat-Tempju ta’ Salt Lake. Jien ninsab wieqaf f’naħa li tiġi taħt dik li kienet il-Kamra tal-Ġnien. Hekk kif eżaminajt il-ħila fis-sengħa ta’ kull parti ta’ dan il-bini, immeraviljajt ruħi b’dak li irnexxielhom iwettqu l-pijunieri. Jien verament nimmeravilja ruħi meta nikkunsidra li huma bnew dan it-tempju meraviljuż sempliċiment bl-għodda u t-teknika li kienet disponibbli għalihom aktar minn seklu ilu.
“Għexieren ta’ snin wara, madankollu, jekk neżaminaw il-pedament mill-viċin, nistgħu naraw l-effetti tal-erożjoni, u ċerti xquq u stadji varji ta’ stabilità fix-xogħol tal-ġebel oriġinali.
“Issa meta nara x’jistgħu jagħmlu l-inġiniera, il-periti, u l-esperti tal-bini tal-lum biex jirrinforzaw dak il-pedament oriġinali, nibqa’ verament imbellah. Xogħolhom huwa meravilja!
“Il-pedament ta’ kwalunkwe bini, partikolarment bini kbir daqs dan, jeħtieġ li jkun b’saħħtu u reżiljenti biżżejjed li jikkumbatti t-terrimoti, il-korrużjoni, l-irjieħ qawwija, u l-problemi inevitabbli li jaffettwaw kull bini. Il-ħidma kumplessa tat-tisħiħ tal-bini li tinsab għaddejja bħalissa se tirrinforza lil dan it-tempju sagru b’pedament li jista’ u għandu jservi għal żmien twil.”
Aħna qed nagħmlu dak kollu possibbli biex nagħtu lil dan it-tempju venerabbli, li maż-żmien beda jsir mill-aktar vulnerabbli, pedament li jista’ jikkumbatti l-forzi tal-natura tul il-Millennju. Bl-istess mod, issa ż-żmien li aħna lkoll nimplimentaw miżuri straordinarji—forsi anke miżuri li qatt ma ħadna qabel—biex insaħħu l-pedament spiritwali personali tagħna. Żminijiet bla preċedent jitolbu miżuri bla preċedent.
Għeżież ħuti, dawn huma l-aħħar żminijiet. Jekk intom u jien irridu nikkumbattu l-perikli u l-pressjoni li se niffaċċjaw, hu mill-aktar importanti li lkoll ikollna pedament spiritwali sod mibni fuq il-blata tal-Feddej tagħna, Ġesù Kristu.2
Għalhekk, nistaqsikom ilkoll, “kemm hu sod il-pedament tagħkom ? U x’rijinfurzar jeħtieġ lit-testimonjanza u lill-għarfien tal-evanġelju tagħkom?
It-tempju jinsab fiċ-ċentru tat-tisħiħ tal-fidi u l-fortitudni spiritwali tagħna għax is-Salvatur u d-duttrina tiegħu jinsabu fil-qalba tat-tempju. Kulma jiġi mgħallem fit-tempju, permezz ta’ istruzzjoni u permezz tal-Ispirtu, ikabbar l-għarfien tagħna ta’ Ġesù Kristu. L-ordinanzi essenzjali jagħmluna ħaġa waħda miegħu permezz ta’ patti sagri tas-saċerdozju. Imbagħad, hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana tal-fejqan tiegħu .3 U kemm verament se neħtieġu l-qawwa tiegħu fiż-żmien li ġej.
Aħna wkoll imwiegħda li, “jekk ninsabu ippreparati, m’għandniex għalfejn nibżgħu.”4 Din l-assigurazzjoni llum għandha implikazzjonijiet profondi. Il-Mulej iddikjara li minkejja l-isfidi bla preċedent ta’ żmienna, dawk li jibnu l-pedament tagħhom fuq Ġesù Kristu, u jitgħallmu kif jagħmlu użu mill-qawwa tiegħu, ma jkollhomx għalfejn jispiċċaw vittmi tal-anzjetajiet uniċi ta’ dawn iż-żminijiet.
L-ordinanzi u l-patti tat-tempju ilhom minn żmien il-qedem. Il-Mulej talab lil Adam u Eva biex jitolbu, jagħmlu l-patti, u joffru s-sagrifiċċji.5 Tabilħaqq li “kull meta l-Mulej kellu poplu tiegħu fuq l-art li jobdi l-kelma tiegħu, hu dejjem talbu biex jibni t-tempji.”6 Il-kitbiet kanoniċi huma mimlija referenzi għat-tagħlim, għall-ilbies, u għal-lingwaġġ tat-tempju u aktar.7 Kull ħaġa li nemmnu fiha u kull wegħda li Alla għamel lill-poplu tiegħu tal-patt jiltaqgħu flimkien fit-tempju. F’ kull żmien, it-tempju enfasizza l-verità prezzjuża li dawk li jagħmlu l-patti ma’ Alla u jżommuhom huma wlied il-patt.
B’hekk, fid-dar tal-Mulej, aħna nistgħu nagħmlu l-istess patti ma’ Alla li għamlu Abraham, Iżakk, u Ġakobb. U nistgħu nirċievu l-istess barkiet!
It-tempji ilhom parti minn din id-dispensazzjoni mill-ewwel żminijiet tagħha.8 Elija għadda l-imfietaħ tal-awtorità tas-siġill lil Joseph Smith fit-Tempju ta’ Kirtland. Il-milja tas-saċerdozju ġiet irrestawrata fit-Tempju ta’ Nauvoo.9
Sal-martirju tiegħu, Joseph Smith baqa’ jirċievi rivelazzjonijiet li wasslu għar-restawrazzjoni tal-ordinanzi tad-dota u tas-siġill.10 Hu għaraf, madankollu, li kien hemm bżonn ta’ aktar raffinament. Wara li amministra d-dota lil Brigham Young f’Mejju 1842, Joseph qal lil Brigham, “Dan mhux qed nagħmluh eżatt kif għandu jkun, iżda qed nagħmlu li nistgħu taħt iċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom u nixtieqek tieħu din il-biċċa f’idejk u torganizza u tissistematizza dawn iċ-ċerimonji kollha.”11
Wara l-mewt tal-Profeta, il-President Young ssorvelja t-tlestija tat-Tempju ta’ Nauvoo12 u aktar tard bena tempji fit-territorju ta’ Utah. Waqt id-dedikazzjoni tas-sulari t’isfel tat-Tempju ta’ St. George, Brigham Young vigorożament iddikjara l-urġenza tal-ħidma tat-tempju f’isem il-mejtin meta qal, “Meta naħseb fuq din il-ħaġa, nixtieq għandi sebat ilħna qawwija daqs ir-ragħad ħalli nqajjem lill-poplu.”13
Minn dak iż-żmien ’il quddiem, l-ordinanzi tat-tempju bdew ftit ftit jiġu rraffinati. Il-President Harold B. Lee spjega għalfejn il-proċeduri, il-polisis, u saħansitra l-amministrazzjoni tal-ordinanzi tat-tempju jkomplu jinbidlu fil-Knisja rrestawrata tas-Salvatur. Il-President Lee qal: “Il-prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huma divini. Ħadd ma jibdel il-prinċipji u d-duttrina tal-Knisja ħlief il-Mulej permezz ta’ rivelazzjoni. Iżda l-metodi jinbidlu hekk kif id-direzzjoni ispirata tasal għand dawk li jippresedu fi żmien partikolari.”14
Ikkunsidraw kemm inbidel l-amministrar tas-sagrament tul is-snin. Fl-ewwel żminijiet, l-ilma tas-sagrament kien jiġi offrut lill-kongregazzjoni f’kontenitur wieħed kbir. Kulħadd kien jixrob minnu. Illum aħna nużaw tazzi individwali li jintremew. Il-proċedura nbidlet, iżda l-patti baqgħu l-istess.
Xtarru ftit dawn il-veritajiet:
-
Ir-Restawrazzjoni hija proċess, mhux avveniment, u se tkompli sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi.
-
L-oġġettiv aħħari tal-ġabra ta’ Iżrael15 hu li jwassal il-barkiet tat-tempju lill-ulied fidili ta’ Alla.
-
Hekk kif nippruvaw inwettqu dak l-oġġettiv b’mod aktar effettiv, il-Mulej jagħtina aktar dawl. Ir-Restawrazzjoni kontinwa teħtieġ rivelazzjoni kontinwa.
L-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu spiss jistaqsu lill-Mulej jekk jeżistux modi aħjar kif jistgħu jwasslu l-barkiet tat-tempju lill-ulied fidili tiegħu. Aħna nfittxu l-gwida regolarment dwar kif niżguraw il-preċiżjoni u l-konsistenza dinjija tal-bini, tal-patti, u tal-ordinanzi tat-tempju minkejja d-differenzi fil-lingwa u l-kultura.
Taħt id-direzzjoni tal-Mulej u bi tweġiba għat-talb tagħna, riċentiment sar ċertu tibdil fil-proċeduri. Hu huwa Dak li jridkom tifhmu b’ċarezza kbira eżattament għal xiex tagħmlu l-patti li tagħmlu. Hu huwa Dak li jridkom tesperjenzaw il-milja tal-ordinanzi sagri tiegħu . Hu jridkom tifhmu l-privileġġi, il-wegħdiet, u r-responsabbiltajiet tagħkom. Hu jrid li jkollkom ideat u qawmien spiritwali li qatt ma kellkom qabel. Dan hu dak li Hu jixtieq għall-patruni kollha tat-tempju, irrispettivament fejn joqogħdu.
L-aġġustament kurrenti fil-proċeduri tat-tempju, u aġġustament ieħor li għad irid iseħħ, huma evidenza kontinwa li l-Mulej jinsab imexxi b’mod attiv il-Knisja tiegħu. Hu qed jipprovdi opportunitajiet lilna lkoll biex insaħħu l-pedament spiritwali tagħna billi niċċentraw ħajjitna fuqu u fuq l-ordinanzi u l-patti tat-tempju tiegħu. Meta intom iġġibu r-rakkomandazzjoni tat-tempju, il-qalb niedma, u l-moħħ lest biex jitgħallem tagħkom fid-dar tat-tagħlim tal-Mulej, Hu jgħallimkom.
Jekk id-distanza, problemi ta’ saħħa, jew xi restrizzjonijiet oħra jżommukom milli għal xi żmien ma tattendux it-tempju, nistedinkom biex tiddedikaw ħin regolari biex tirrepetu f’moħħkom il-patti li għamiltu.
Jekk għadkom ma teħdux pjaċir tattendu t-tempju, morru aktar ta’ spiss—mhux anqas. Ħallu lill-Mulej, permezz tal-Ispirtu tiegħu, jgħallimkom u jispirakom hemmhekk. Inwegħidkom li maż-żmien, it-tempju jsir post ta’ sigurtà, paċi, u rivelazzjoni.
Kieku kien possibbli li nitkellem individwalment mal-adulti żgħażagħ kollha, jien nitlobkom biex tfittxu sieħeb jew sieħba li magħhom tistgħu tiġu ssiġillati fit-tempju. Taf tistaqsu din x’differenza se tagħmel f’ħajjitkom. Inwegħidkom li din tagħmel id-differenza kollha f’ħajjitkom! Hekk kif tiżżewġu fit-tempju u terġgħu lura ripetutament, intom tissaħħu u tiġu ggwidati fid-deċiżjonijiet tagħkom.
Kieku nista’ nitkellem ma’ kull raġel u martu li għadkom ma ġejtux issiġillati fit-tempju, kieku nitlobkom biex tagħmlu l-passi neċessarji ħalli tirċievu dik l-ordinanza ewlenija li tibdlilkom ħajjitkom.16 Tagħmel differenza f’ħajjitkom? Tagħmel biss jekk intom tridu timxu ’l quddiem flimkien u tkunu flimkien għal dejjem. Ix-xewqa li tkunu flimkien għal dejjem mhux se twassal għal dan. L-ebda ċerimonja oħra jew kuntratt ieħor mhu se jwasslu għal dan.17
Kieku nista’ nkellem lil kull raġel jew mara li jixtiequ jiżżewġu iżda għadhom ma sabux lis-sieħba jew lis-sieħeb eterni tagħhom, nitlobkom biex ma tibqgħux tistennew sakemm tiżżewġu biex tiġu ddotati fid-dar tal-Mulej. Ibdew issa u esperjenzaw xi jfisser li tkunu armati bil-qawwa tas-saċerdozju.
U lilkom kollha li għamiltu patti tat-tempju, nitlobkom biex tfittxu—bit-talb u b’konsistenza—li tifhmu l-patti u l-ordinanzi tat-tempju.18 Jinfetħulkom bibien spiritwali. Intom titgħallmu kif taqsmu għan-naħa l-oħra tal-velu, li jinsab bejn is-sema u l-art, kif titolbu għall-għajnuna tal-anġli ta’ Alla, u kif tistgħu tirċievu aħjar id-direzzjoni mis-smewwiet. L-isforzi diliġenti tagħkom meta tagħmlu dan iwasslu biex jirrinforzaw u jsaħħu l-pedament spiritwali tagħkom.
Għeżież ħuti, meta r-rinnovazzjoni fuq it-Tempju ta’ Salt Lake tkun lesta, ma jkunx hawn post aktar sigur waqt xi terrimot fil-Wied ta’ Salt Lake minn ġewwa dak it-tempju.
Bl-istess mod, kull meta iqum xi maltemp f’ħajjitkom, l-aktar post sigur li tistgħu tkunu fih spiritwalment hu meta tkunu qed tgħixu ġewwa l-patti tagħkom tat-tempju!
Jekk jogħġobkom emmnuni meta ngħid li meta l-pedament spiritwali tagħkom ikun mibni b’mod sod fuq Ġesù Kristu, ma jkollkomx għalfejn tibżgħu. Hekk kif tkunu leali lejn il-patti li tagħmlu fit-tempju, intom tissaħħu bil-qawwa tiegħu. Imbagħad, meta tesperjenzaw it-terrimoti spiritwali, intom tkunu tistgħu tibqgħu weqfin sodi għaliex il-pedament spiritwali tagħkom hu wieħed solidu u immobbli.
Inħobbkom, ħuti. Dawn il-veritajiet jiena naf: Alla, Missierna fis-Smewwiet, irid li intom tagħżlu li tmorru għandu. Il-pjan tiegħu ta’ progressjoni eterna mhuwiex wieħed ikkumplikat, u jonora l-volontà tagħkom. Intom ħielsa tagħżlu min tridu tkunu—u ma’ min tridu tkunu—fid-dinja li jmiss!
Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Din hi l-Knisja tiegħu rrestawrata biex tgħinkom twettqu d-destin divin tagħkom. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.