Konferenza Ġenerali
Paċi Personali fi Żminijiet ta’ Sfida
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Paċi Personali fi Żminijiet ta’ Sfida

Qatt daqs illum ma kien daqstant importanti li nfittxu l-paċi personali.

M’ilux intlabt biex immur niddedika parti mill-kwartieri storiċi ta’ Nauvoo. Bħala parti mill-ħidma assenjata lili, kelli ċ-ċans inżur iċ-Ċella ta’ Liberty f’Missouri. Jiena u nħares lejn iċ-ċella, bdejt nikkontempla l-ġrajjiet li jagħmluha daqstant parti sinifikanti mill-istorja tal-Knisja. Ħajjet il-Qaddisin kienet ġiet mhedda b’riżultat tal-ordni ta’ esterminazzjoni mill-gvernatur ta’ Missouri. Barra minn hekk, il-Profeta Joseph u xi kollegi magħżulin oħra kienu ġew inkarċerati b’mod inġust fiċ-Ċella ta’ Liberty. Waħda mir-raġunijiet għall-oppożizzjoni vjolenti kontra l-membri tagħna kienet peress li l-parti l-kbira minnhom kienu kontra l-iskjavitù.1 Il-persekuzzjoni intensa ta’ Joseph Smith u tas-segwaċi tiegħu kienet tikkostitwixxi eżempju estrem ta’ użu ħażin tal-volontà li jista’ jħalli impatt ħażin fuq in-nies. Iż-żmien li Joseph għamel fiċ-Ċella ta’ Liberty juri li l-avversità mhijiex evidenza tad-diżapprovazzjoni tal-Mulej jew tal-irtirar tal-barkiet tiegħu.

Jien verament ħassejtni kommoss meta qrajt dak li ddikjara Joseph Smith waqt li kien inkarċerat fiċ-Ċella ta’ Liberty: “O Alla, fejn tinsab? U fejn hu l-għarix li qed tinħeba fih?”2 Joseph ried ikun jaf kemm il-poplu tal-Mulej kien se jdum “ibati dawn l-għemejjel ħżiena u l-oppressjoni inġusta.”3

Immaġni
Il-Presbiteru Cook iżur iċ-Ċella ta’ Liberty

Hekk kif kont wieqaf fiċ-Ċella ta’ Liberty, verament ħassejtni kommoss hekk kif qrajt it-tweġiba tal-Mulej: “Ibni, sliem għalik; l-avversità tiegħek u l-għawġ tiegħek se jkunu biss xi ħaġa temporanja; u mbagħad, jekk inti tibqa’ tirreżisti b’kuraġġ, Alla jeżaltak fil-għoli.”4 Hi ħaġa ċara li l-oppożizzjoni tista’ tirraffinana għal destin etern u ċelestjali.5

Il-kliem prezzjuż tas-Salvatur “Ibni, sliem għalik”6 lili jolqotni personalment u għandu sinifikat kbir għal żmienna. Ifakkarni dwar it-tagħlim tiegħu lid-dixxipli tiegħu waqt il-ministeru mortali tiegħu.

Qabel it-tbatija tiegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani u fuq is-salib, Kristu qal lill-Appostli tiegħu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”7 u sussegwentement farraġhom permezz ta’ dan il-kliem: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”8

Wieħed mill-aktar titli għeżież tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, hu “il-Prinċep tal-Paċi.”9 Ultimament is-saltna tiegħu se tiġi stabbilita inkluż is-sliem u l-imħabba.10 Aħna nħarsu ’l quddiem għas-saltna millenjali tal-Messija.

Minkejja din il-viżjoni tas-saltna millenjali, nafu li l-paċi u l-armonija fid-dinja mhux se tkun prevalenti fi żmienna.11 Kemm ili ħaj, qatt ma rajt daqstant nuqqas ta’ ċivilità. Aħna ninsabu bbumbardjati b’lingwaġġ aħrax u kontenzjuż u b’għemejjel provokanti u devastanti li jeqirdu l-paċi u t-trankwillità.

Il-paċi fid-dinja mhijiex xi ħaġa mwiegħda jew assigurata qabel it-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu. Is-Salvatur qal lill-Appostli tiegħu li l-missjoni tiegħu fid-dinja ma kenitx se twassal għal paċi universali. Hu għallem, “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art.”12 Il-paċi universali ma kenitx parti mill-ministeru inizjali mortali tas-Salvatur. Il-paċi universali ma teżistix illum.

Madankollu, il-paċi personali nistgħu niksbuha minkejja r-rabja, it-tilwim, u d-diviżjoni li jinfestaw u jikkorrompu d-dinja llum. Qatt daqs illum ma kien daqstant importanti li nfittxu l-paċi personali. Għanja ġdida mill-isbaħ u għal qalbna miktuba għaż-żgħażagħ tal-lum minn Brother Nik Day li jisimha “Paċi fi Kristu” tiddikjara, “Meta m’hawnx paċi fid-dinja, hemm il-paċi fi Kristu.”13 Aħna ġejna mberkin b’din l-għanja qabel il-pandemija dinjija tal-COVID-19.

Din l-għanja tirrifletti b’mod sabiħ l-aspirazzjoni għall-paċi u b’mod xieraq tenfasizza li l-paċi hi ankrata fil-ħajja u l-missjoni ta’ Ġesù Kristu. Il-President Joseph F. Smith iddikjara, “Dak l-ispirtu ta’ paċi u mħabba ma jista’ qatt jgħammar fid-dinja … sakemm l-umanità ma tirċevix il-verità ta’ Alla u l-messaġġ ta’ Alla … u tagħraf id-divinità tal-qawwa u l-awtorità tiegħu.”14

Minkejja li aħna qatt m’aħna se nieqfu fl-isforzi tagħna li niksbu l-paċi universali, aħna ġejna żgurati li jista’ jkollna l-paċi personali kif għallem Kristu. Dan il-prinċipju hu ddikjarat fid-Duttrina u Patti: “Iżda kunu afu li dak li jwettaq l-għemejjel tas-sewwa se jirċievi l-premju tiegħu, sewwasew paċi f’din id-dinja, u ħajja eterna fid-dinja li jmiss.”15

X’inhuma wħud mill-“għemejjel tas-sewwa” li jgħinuna niffaċċjaw ċerti argumenti u nnaqqsu l-ġlied u nsibu l-paċi f’din id-dinja? It-tagħlim kollu ta’ Kristu jindika dan. Jien se nsemmi xi tagħlim li nemmen li hu partikolarment importanti.

L-Ewwel: Inħobbu lil Alla, Ngħixu l-Kmandamenti Tiegħu, u Naħfru lil Kulħadd

Il-President George Albert Smith sar President tal-Knisja fl-1945. Fiż-żmien tiegħu bħala Appostlu kien magħruf bħala mexxej li jħobb il-paċi. Fil-15-il sena ta’ qabel ma sar President, l-isfidi u l-provi ta’ dipressjoni massiva dinjija, segwita mill-imwiet u l-qerda li ġabet it-Tieni Gwerra Dinjija, żgur li ma jwasslukx biex tiddeskrivi dak iż-żmien bħala wieħed ta’ paċi.

Fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, waqt l-ewwel konferenza ġenerali tiegħu bħala President f’Ottubru 1945, il-President Smith fakkar lill-Qaddisin dwar l-istedina tas-Salvatur sabiex iħobbu lil għajrhom u jaħfru lill-għedewwa tagħhom, u mbagħad għallem, “Dik hi l-istedina li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandhom jaraw li jippossedu jekk jittamaw li xi darba għad jieqfu fil-preżenza tiegħu u Hu jilqagħhom b’mod glorjuża meta jaslu d-dar.”16

It-Tieni: Infittxu l-Frott tal-Ispirtu

L-Appostlu Pawlu fl-Ittra tiegħu lill-Galatin stabbilixxa d-dikotomija li hemm bejn l-għemejjel tas-sewwa li jikkwalifikawna biex nirtu s-saltna ta’ Alla u l-għemejjel li jistgħu, mingħajr l-indiema, jiskwalifikawna. Fost dawk li jikkwalifikawna nsibu l-frott tal-Ispirtu “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-manswetudni, u t-temperament.”17 Pawlu jinkludi wkoll li għandna nġorru t-tagħbija ta’ xulxin u li ma nieqfu qatt nagħmlu t-tajjeb.18 Fost l-għemejjel li mhumiex sewwa nsibu l-mibegħda, il-korla, u t-tilwim.19

Waħda mill-akbar lezzjonijiet fiż-żmien tat-Testment il-Qadim hi marbuta ma’ Missierna Abraham. Abraham u Lot, in-neputi tiegħu, kienu mill-aktar sinjuri, iżda sabu li ma setgħux jgħixu flimkien. Biex jelimina l-ġlied Abraham ippermetta lil Lot li jagħżel liema art ried. Lot għażel il-pjanuri tal-Ġordan, li kienu kollha raba’ saqwi u mill-isbaħ. Abraham ħa l-pjanuri anqas fertili ta’ Mamri. L-iskrittura tgħid li Abraham imbagħad waqqaf l-għarix tiegħu u bena “artal lill-Mulej.”20 Lot, mill-banda l-oħra, “waqqaf l-għerejjex sa Sodoma.”21 Biex ikollna relazzjonijiet ta’ paċi, il-lezzjoni hi waħda ċara li aħna għandna nkunu lesti li nikkompromettu u neliminaw il-ġlied fi ħwejjeġ li ma jinvolvux is-sewwa. Kif għallem is-Sultan Benjamin, “Ma jiġikomx f’moħħkom li tweġġgħu lil xulxin, iżda li tgħixu ħajja ta’ paċi.”22 Iżda rigward imġieba relatata mas-sewwa u ma’ ħwejjeġ duttrinali fundamentali, jeħtieġ li nibqgħu sodi u fermi.

Jekk irridu li jkollna l-paċi, li hi l-premju għall-għemejjel tas-sewwa, aħna ma nwaqqfux l-għerejjex tagħna jħarsu lejn id-dinja. Inwaqqfuhom iħarsu fid-direzzoni tat-tempju.

It-Tielet: Neżerċitaw il-Volontà biex Nagħżlu s-Sewwa

Il-paċi u l-volontà huma marbutin ma’ xulxin bħala elementi essenzjali tal-pjan tas-salvazzjoni. Kif deskritta fl-artiklu tas-Suġġetti tal-Evanġelju “Il-Volontà u Kontabilità,” “Il-Volontà hi l-abbiltà u l-privileġġ li jagħtina Alla biex nagħżlu u naġixxu għalina nfusna.”23 B’hekk, il-volontà tinsab fil-qalba tat-tkabbir u l-esperjenza personali li jberkuna waqt li nimxu wara s-Salvatur.24

Il-volontà kienet il-kwistjoni prinċipali fil-Kunsilli primortali fis-Smewwiet u l-kunflitt ta’ bejn dawk li għażlu li jimxu wara Kristu u s-segwaċi ta’ Satana.25 Li ninżgħu minn fuqna l-kburija u l-kilba li nikkontrollaw lill-oħrajn u li nagħżlu lis-Salvatur, jagħtina ċ-ċans li jkollna magħna d-dawl u l-paċi tiegħu. Iżda l-paċi personali tkun taħt sfida meta n-nies jeżerċitaw il-volontà tagħhom biex iweġġgħu lil ħaddieħor.

Jiena ċert li l-assigurazzjoni ta’ paċi li ħassejna f’qalbna ssaħħet bl-għarfien li kellna dwar dak li kien se jwettaq f’isimna s-Salvatur tad-dinja. Dan hu spjegat b’mod mill-isbaħ f’ Preach My Gospel: “Hekk kif nafdaw fl-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, Hu jista’ jgħinna nissaportu d-diffikultajiet, il-mard, u l-uġigħ kollu tagħna. Aħna nistgħu nħossuna mimlijin bil-ferħ, bil-paċi, u bil-konsolazzjoni. Dak kollu hu inġust f’din il-ħajja jista’ jiġi rranġat permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.”26

Ir-Raba’: Nibnu Sijon f’Qalbna u fi Djarna

Aħna wlied Alla u parti mill-familja tiegħu. Aħna wkoll parti mill-familja li twelidna fiha. L-istituzzjoni tal-familja hi l-pedament, kemm tal-ferħ, kif ukoll tal-paċi. Il-President Russell M. Nelson għallimna—u waqt din il-pandemija tgħallimna—li l-osservanza reliġjuża ċċentrata madwar id-dar u ssapportjata mill-Knisja, tista’ “turi l-qawwa li tinsab fil-familji … ħalli tittrasforma darna f’santwarju ta’ fidi.”27 Jekk f’darna jkollna din l-osservanza reliġjuża, ikollna wkoll il-paċi tas-Salvatur.28 Aħna konxji li ħafna minnkom m’għandkomx il-barka li tgħixu f’dar ideali u regolarment intom tinsabu titlewmu ma’ dawk li jagħżlu l-ħażen. Is-Salvatur jista’ jipprovdi l-protezzjoni u s-sliem biex ultimament jiggwidakom lil hinn mill-periklu u mill-maltemp tal-ħajja.

Nassigurakom li l-hena, l-imħabba, u s-sodisfazzjoni li jesperjenzaw dawk li jgħixu f’familji twajba u kollha mħabba jipproduċu kemm il-paċi, kif ukoll il-ferħ. L-imħabba u t-tjubija huma ċentrali biex nibnu Sijon f’qalbna u fi djarna.29

Il-Ħames: Nimxu wara t-Twissijiet Kurrenti tal-Profeta Tagħna

Il-paċi tagħna tiżdied ferm meta nimxu wara l-profeta tal-Mulej, il-President Russell M. Nelson. Dalwaqt se jkollna ċ-ċans nisimgħuh ikellimna. Hu ġie mħejji mis-sisien tad-dinja għal din is-sejħa. It-tħejjija personali tiegħu kienet waħda meraviljuża.30

Hu għallimna li aħna nistgħu nħossu paċi u ferħ dejjiema, anke fi żminijiet diffiċli,” hekk kif nagħmlu li nistgħu biex insiru aktar bħas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.31 Hu tana l-parir biex “nindmu dejjem” biex nirċievu “it-tindif, il-fejqan, u l-qawwa li ssaħħaħna” tal-Mulej.32 Jiena xhud personali li l-imaħbub profeta tagħna rċieva u jkompli jirċievi r-rivelazzjoni mis-smewwiet.

Waqt li nonorawh u nsostnuh bħala l-profeta tagħna, aħna nqimu lil Missierna fis-Smewwiet u lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Aħna niġu megħjuna mill-Ispirtu s-Santu.

Nixhed u nipprovdi x-xhieda appostolika u personali tiegħi li Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tad-dinja, imexxi u jiggwida l-Knisja rrestawrata tiegħu. Ħajtu u l-missjoni ta’ fidwa tiegħu huma l-veru sors ta’ paċi. Huwa l-Prinċep tal-Paċi. Jiena nagħti x-xhieda ċerta u solenni tiegħi li Huwa jgħix. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “In-nies f’Independence ma kenux kuntenti li l-Qaddisin kienu qed jippridkaw lill-Indjani u li ma kenux jaqblu mal-iskjavitù” (Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 1, The Standard of Truth, 1815–1846 [2018], 172).

  2. Doctrine and Covenants 121:1.

  3. Doctrine and Covenants 121:3.

  4. Doctrine and Covenants 121:7–8.

  5. Ara 2 Nephi 2:11–15.

  6. Doctrine and Covenants 121:7.

  7. Ġwanni 13:34.

  8. Ġwanni 14:27

  9. Isaija 9:6; 2 Nephi 19:6. Is-Salvatur fil-beatitudnijiet tiegħu għallem ukoll, “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mattew 5:9).

  10. “Bil-ħaqq u s-sewwa … għal dejjem” (ara Isaija 9:6–7; 2 Nephi 19:6–7; ara wkoll Galatin 5:22).

  11. Ara Doctrine and Covenants 1:35. Il-President Wilford Woodruff iddikjara dan fl-1894 kif ukoll fl-1896 (ara The Discourses of Wilford Woodruff, sel. G. Homer Durham [1946], 251–52; ara wkoll Marion G. Romney, f’Conference Report, Apr. 1967, 79–82; Ezra Taft Benson, “The Power of the Word,” Ensign, Mejju 1986, 79–80; Dallin H. Oaks, “Preparation for the Second Coming,” Liahona, Mejju 2004, 9).

  12. Mattew 10:34.

  13. Nik Day, “Peace in Christ,” kanzunetta tat-tema Mutwali 2018, Liahona, Jan. 2018, 54–55; New Era, Jan. 2018, 24–25. L-għanja “Paċi fi Kristu” tgħallem:

    Meta ngħixu kif għex Hu,

    Insibu l-paċi fi Kristu.

    Hu jagħtina t-tama

    Meta t-tama tgħib.

    Hu jagħtina l-qawwa

    Meta nkunu qed naqtgħu qalbna.

    Hu jagħtina refuġju

    Fil-maltemp tal-ħajja,

    Meta m’hawnx paċi fid-dinja,

    Insibu l-paċi fi Kristu.

  14. Teachings of Presidents of the Church: Joseph F. Smith (1998), 400.

  15. Doctrine and Covenants 59:23.

  16. Ara George Albert Smith, in Conference Report, Ott. 1945, 169–70.

  17. Galatin 5:22–23

  18. Ara Galatin 6:2, 9.

  19. Ara Galatin 5:20.

  20. Ġenesi 13:18.

  21. Ġenesi 13:12.

  22. Mosiah 4:13.

  23. Gospel Topics, “Agency and Accountability,” topics.ChurchofJesusChrist.org.

  24. Aħna “ħielsa li nagħżlu l-ħelsien u l-ħajja eterna, permezz tal-Medjatur il-kbir tal-bnedmin kollha” (2 Nephi 2:27). Il-volontà tagħti ċ-ċans ukoll li l-għażliet ħżiena u devastanti ta’ ħaddieħor jikkawżaw l-uġigħ u t-tbatija u xi kultant anke l-mewt. L-iskrittura tagħmilha ċara li l-Mulej Alla ta l-volontà sabiex il-bniedem ikun jista’ jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin (ara 2 Nephi 2:16).

  25. Ara Gospel Topics, “Agency and Accountability,” topics.ChurchofJesusChrist.org.

  26. Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2019), 52, ChurchofJesusChrist.org; enfażi miżjuda.

  27. Russell M. Nelson, “Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari,” Liahona, Nov. 2018, 113.

  28. Ara Doctrine and Covenants 19:23.

  29. Jien kelli l-fortuna li nitrabba f’dar li fiha kienet issaltan il-paċi. Dan kien primarjament minħabba l-influwenza ta’ ommna, li kienet membru fidila tal-Knisja. Missieri kien verament raġel eċċezzjonali, iżda kien anqas attiv. Ommna kienet tonora lil missierna u tevita l-ġlied. Hi għallmitna bħala tfal biex nitlobu u nattendu l-knisja. Hi għallmitna wkoll biex inħobbu u naqdu lil xulxin (ara Mosiah 4:14–15). It-trobbija tiegħi f’dar bħal din ġabitli l-paċi u kienet barka kbira f’ħajti.

  30. Russell M. Nelson gradwa mill-Iskola Medika tal-Università ta’ Utah, fejn kien ġie l-ewwel fil-klassi tiegħu fl-età ta’ 22 sena. Hu kien ilu jixtieq isir kirurgu u rċieva l-aqwa taħriġ disponibbli f’istituzzjonijiet mediċi ewlenin. Hu wettaq ir-responsabbilta tiegħu fil-militar b’fedeltà ġewwa l-Korea u l-Ġappun. Għal bosta snin hu kien pijunier fil-kirurġija tal-qalb u kien magħruf mad-dinja kollha. Kienet kemm kienet meraviljuża din it-tħejjija biex ibierek lin-nies madwar id-dinja permezz tal-ħiliet mediċi tiegħu, it-tħejjija spiritwali tal-President Nelson kienet saħansitra aktar importanti. Hu l-missier ta’ familja verament kbira bit-tfal, neputijiet, u proneputijiet. Hu serva b’fedeltà lill-familja tiegħu u lill-Knisja tul ħajtu.

  31. Ara Russell M. Nelson, “Messaġġ tal-Ftuħ,” Liahona, Mejju 2020, 6; ara wkoll Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 81–84.

  32. Russell M. Nelson, “Messaġġ tal-Ftuħ,” 6.