Konferenza Ġenerali
L-isem tal-Knisja Mhuwiex Negozjabbli
konferenza ġenerali Ottubru 2021


L-isem tal-Knisja Mhuwiex Negozjabbli

Meta minn jeddna nimxu wara l-parir tal-Mulej kif żvelat permezz tal-profeta ħaj tiegħu, speċjalment jekk ma jkunx jaqbel mal-ħsieb inizjali tagħna, u li jkun jeħtieġ minna l-umiltà u s-sagrifiċċju, il-Mulej iberikkna b’aktar qawwa spiritwali.

Waqt konferenza għall-istampa fis-16 ta’ Awwissu, 2018, il-president Russell M. Nelson qal: “Il-Mulej kellimni f’moħħi dwar l-importanza tal-isem li Hu żvela għall-Knisja tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.1 Aħna għandna ħidma quddiemna li nġibu lilna nfusna f’armonija mar-rieda tiegħu.”2

Jumejn wara, fit-18 ta’ Awwissu, jiena kont mal-President Nelson f’Montreal, il-Kanada. Wara l-laqgħa li kellna mal-membri f’post mill-aktar impressjonanti, il-Palais de Congrés, il-President Nelson wieġeb il-mistoqsijiet mill-ġurnalisti. Hu għaraf li kienet se “tkun ta’ sfida li [nistabbilixxu mill-ġdid l-isem tal-Knisja, u] nħottu tradizzjoni ta’ aktar minn mitt sena.” Iżda, kompla jgħid, “l-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli.”3

Seba’ ġimgħat wara, il-President Nelson tkellem fil-konferenza ġenerali: “Jiena għamilt dan għaliex il-Mulej kellimni f’moħħi dwar l-importanza tal-isem li Huwa żvela għall-Knisja tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. … Kien is-Salvatur innifsu li qal, ‘Għax hekk għandkom issejħulha l-knisja tiegħi.’” Imbagħad il-President Nelson reġa’ qal, “L-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli.”4

Mistoqsija Tajba

Hawn qamet mistoqsija tajba: Għalfejn issa, meta għal għexieren ta’ snin aħna lkoll għożżejna l-laqam “Mormoni”? “Il-Kor tat-Tabernaklu Mormon,” il-vidjo juri “Jiena Mormon,” l-għanja tal-Primarja “Jien tifel Mormon”?

Id-duttrina ta’ Kristu ma tinbidel qatt u hi eterna. Madankollu, ċerti passi speċifiċi u importanti fil-ħidma tas-Salvatur jiġu żvelati fiż-żmien opportun. Dalgħodu l-President Nelson qal, “Ir-Restawrazzjoni hi proċess, mhux avveniment.”5 U l-Mulej qal: “Kollox jiġi fis-seħħ fi żmienu.”6 Issa hu żmienna, u aħna qed nerġgħu nistabbilixxu l-isem tal-Knisja.

L-identità u d-destin tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jeħtieġu li aħna niġu msejħin b’ismu. M’ilux kont f’Kirtland, Ohio, fejn il-Profeta Joseph Smith, flimkien ma’ numru żgħir ta’ membri tal-Knisja, ħabbar, “Din il-Knisja se tinfirex mal-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel—se tinfirex mad-dinja.”7 Il-Mulej iddeskriva l-ħidma ta’ din id-dispensazzjoni bħala waħda ta’ “għeġubijiet mill-aktar kbar.”8 Hu tkellem dwar “patt [li kien se] jiġi fis-seħħ fl-aħħar żminijiet,” li jwassal biex “id-dinja … kollha tiġi mbierka.”9

Il-kliem ta’ din il-konferenza qed jiġi tradott b’mod dirett f’55 lingwa. Eventwalment, dan il-kliem se jinstama’ u jinqara f’98 lingwa f’aktar minn 220 pajjiż u territorju.

Immaġni
It-Tieni Miġja

Meta s-Salvatur jerġa’ lura fil-maestà u l-glorja, il-membri fidili tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien se jkunu fost il-ġnus kollha, il-popli kollha, ir-razez kollha, u l-kulturi kollha tad-dinja.

L-Influwenza Dejjem Tikber tal-Knisja

L-influwenza tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu mhux se tkun biss fuq dawk li huma membri tal-Knisja. Minħabba ċerti manifestazzjonijiet divini fi żmienna, minħabba l-iskrittura sagra rrestawrata fid-dinja, u d-don qawwi tal-Ispirtu s-Santu, aħna se nkunu ta’ dawl jiddi fuq l-għolja hekk kif id-dell mudlam tan-nuqqas ta’ twemmin f’Ġesù Kristu se jdallam lid-dinja. Għalkemm se jkunu ħafna li se jagħtu ċ-ċans lid-dinja li ddgħajfilhom il-fidi tagħhom fil-Feddej, aħna mhux se “niċċaqalqu mill-post li qegħdin fih.”10 Il-Kristjani li mhumiex fost il-membri tagħna se jilqgħu l-irwol tagħna u x-xhieda ċerta tagħna ta’ Kristu. Anke dawk il-Kristjani li kienu jħarsu lejna b’xettiċiżmu sejrin jikkunsidrawna bħala ħbieb. F’dan iż-żmien li ġej, aħna se nissejħu bl-isem ta’ Ġesù Kristu.

Nirringrazzjawkom għall-isforzi nobbli tagħkom biex ixxandru l-isem veru tal-Knisja. Fil-konferenza ta’ tliet snin ilu, il-President Nelson wegħedna li l-isforz rigoruż tagħna li nużaw l-isem korrett tal-Knisja tas-Salvatur … se jwasslilna fidi akbar u aktar aċċess għal qawwa spiritwali akbar.”11

Din il-wegħda ġiet fis-seħħ permezz ta’ dixxipli devoti madwar id-dinja.12

Brother Lauri Ahola mil-lvant tal-Istati Uniti jammetti li xi kultant hu jsib ruħu xi ftit skomdu biex joqgħod jgħid lil ħaddieħor l-isem sħiħ tal-Knisja. Iżda minħabba l-parir tal-profeta, huwa jagħmel dan. Darba waħda, hu mar jara ħabib tiegħu fi knisja ta’ twemmin differenti. Dan hu kliemu:

Ħabib staqsieni, “Inti Mormon?”

Jien weġibtu “Iva, jien membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.’ Hu beda jistaqsini diversi mistoqsijiet, kollha jibdew permezz ta’ “Allura l-Knisja Mormona temmen … ?’ U kull darba, jien nibda t-tweġiba tiegħi bil-frażi: “Fil-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, aħna nemmnu …’

“… Meta hu nnota li jien ma kontx qed naċċetta t-titlu ‘Mormon,’ hu staqsieni bla tlaqliq, “Allura inti mhux Mormon?’

“Għalhekk jien staqsejtu jekk kienx jaf min kien Mormon—u ma kienx jaf. Jien għidtlu li Mormon kien profeta … [u li kont inħossni] onorat li nassoċċja ruħi miegħu.

“‘Iżda,’ komplejt jien, ‘Mormon ma mietx għal dnubieti. Mormon ma … batiex fil-Ġetsemani jew miet fuq is-salib [għalija]. … Ġesù Kristu hu Alla tiegħi u s-Salvatur tiegħi. … U hu permezz ta’ ismu li jien irrid li nkun imsejjaħ. …’

“… U wara ftit sekondi ta’ skiet, huwa qal, ‘Allura, inti Kristjan!’”13

Immaġni
Il-President Nelson waqt il-konferenza ġenerali

Tiftakru il-kliem tal-President Nelson? “Inwegħidkom li jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nirrestawraw l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej, Dak illi tiegħu hija din il-Knisja jixħet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien il-qawwa u l-barkiet tiegħu b’abbundanza li qatt ma ġiet esperjenzata qabel.”14

Il-Mulej Dejjem Jiftaħ it-Triq

Il-Mulej dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu. Hu jiftħilna t-triq hekk kif inwettqu l-ħidma tiegħu.

Aħna għamilna snin nittamaw li nixtru s-siti tal-dominju tal-internet ChurchofJesusChrist.org u ChurchofJesusChrist.com. L-ebda wieħed ma kien għall-bejgħ. Fi żmien it-tħabbira tal-President Nelson, it-tnejn f’daqqa waħda saru disponibbli. Kien miraklu.15

Il-Mulej għen ukoll fl-isforzi tagħna biex nirrevedu l-ismijiet li kienu ilhom żmien assoċjati mal-Knisja.

Bħala parti mill-mixja tagħna ’l quddiem, l-isem tal-Mormon Tabernacle Choir inbidel għal The Tabernacle Choir at Temple Square. Il-website LDS.org, li kellha aktar minn 21 miljun żjara fix-xahar, inbidlet għal ChurchofJesusChrist.org.16 L-isem tal-LDS Business College inbidel għal Ensign College. Il-website Mormon.org issa se tieħdok f’ChurchofJesusChrist.org. Ingħata isem mill-ġdid lil aktar minn elf prodott li kellu fuqu l-isem “Mormon” jew “LDS.” Qaddisin tal-Aħħar Żmien fidili għamlu ċertu tibdil fil-websites, fil-podcasts, u fl-ekkawnts ta’ Twitter tagħhom.

Immaġni
Simbolu ġdid tal-Knisja

Aħna adottajna simbolu ġdid iċċentrat fuq Ġesù Kristu.

“Fiċ-ċentru tas-simbolu hemm rappreżentazzjoni tal-istatwa tal-irħam ta’ Thorvaldsen, il- Christus. Din turi il-Mulej ħaj imqajjem mill-imwiet b’dirgħajh miftuħin biex iħaddan lil dawk kollha li jersqu lejh.

“B’mod simboliku, Ġesù Kristu jinsab wieqaf taħt arkata [biex ifakkarna] fis-Salvatur imqajjem mill-imwiet ħiereġ mill-qabar.”17

Immaġni
L-isem tal-Knisja b’diversi lingwi
Immaġni
L-isem tal-Knisja b’aktar lingwi

It-tipografija tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġiet adattata f’aktar minn 50 lingwa. Issa ksibna ismijiet ġodda tad-dominju madwar id-dinja.

Apprezzament għall-Għajnuna ta’ Ħaddieħor

Napprezzaw il-ħafna nies twajbin u grazzjużi li onoraw ix-xewqa tagħna li nibdew nissejħu bl-isem korrett tagħna. M’ilux qrajt artiklu li jikkwota wieħed kardinal Kattolku li jirreferi għal “qaddisin tal-aħħar żmien.”18 Waqt laqgħa li kelli xahar ilu ma’ mexxej ta’ knisja Kristjana fil-Lvant tal-Istati Uniti, hu rrefera għall-Knisja fl-ewwel referenza tiegħu bl-isem sħiħ tagħha, u wara kompla billi juża “Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.”

Aħna nagħrfu li wieħed iżid sitt kelmiet oħra mal-isem ma tkunx xi ħaġa ideali għall-midja, iżda kif diġà qalilna l-President Nelson, “il-midja responsabbli tirrispondi b’mod xieraq għat-talba tagħna.”19 Grazzi talli kkunsidrajtu wkoll li kif tagħmlu ma’ organizzazzjonijiet kulturali, atletiċi, politiċi, jew komunitarji, tirrefru għalina wkoll bl-isem li aħna nixtiequ.

Se jkun hemm xi ftit li, biex jippruvaw jiżvijjaw jew inaqqsu s-serjetà tal-missjoni tagħna, ikomplu jsejħulna “Mormoni” jew “il-Knisja Mormona.” B’sens ta’ korteżija, nerġgħu nitolbu lin-nies tal-midja ta’ rieda tajba biex jonoraw ix-xewqa tagħna li niġu indirizzati bl-isem li ilu magħna għal kważi 200 sena.

Il-Kuraġġ tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien

Hawn eluf kbar ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien li b’kuraġġ jiddikjaraw l-Isem tal-Knisja. Hekk kif nagħmlu l-parti tagħna, oħrajna jagħmlu bħalna. Din hi storja minn Taħiti li verament inħobb.

Iriura Jean, tifla ta’ għaxar snin, iddeċidiet li timxi wara l-parir tal-President Nelson.

“Fil-klassi tagħha fl-iskola bdew jiddiskutu dwar kif jgħaddu tmiem il-ġimgħa… u Iriura tkellmet dwar … il-knisja.

“L-għalliema tagħha, Vaite Pifao, qaltilha, ‘Sew, allura inti Mormon?’

“Iriura ddikjarat b’mod ċar, ‘Le, … Jien membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien!’

“L-għalliema tagħha wieġbet ‘Iva, … inti Mormon.’

“Iriura kompliet tinsisti, “Le miss, jiena membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien!’

“Ms. Pifao impressjonat ruħha bil-konvinzjoni ta’ Iriura u kienet kurjuża għalfejn hi baqgħet tinsisti daqstant li tuża l-isem sħiħ tal-knisja tagħha. [Hi ddeċidiet li ssir taf aktar dwar il-Knisja.]

“[Aktar tard, hekk kif Sister] Vaite Pifao tgħammdet [hi esprimiet il-gratitudni tagħha] li Iriura semgħet mill-parir tal-President Nelson.”20

Immaġni
Oħt li tgħallmet dwar il-Knisja grazzi għal studenta tagħha

“L-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli.” Ejjew nimxu ’l quddiem bil-fidi. Meta minn jeddna nimxu wara l-parir tal-Mulej kif żvelat permezz tal-profeta ħaj tiegħu, speċjalment jekk ma jkunx jaqbel mal-ħsieb inizjali tagħna, u li jkun jeħtieġ minna l-umiltà u s-sagrifiċċju, il-Mulej iberikkna b’aktar qawwa spiritwali u jibgħat l-anġli tiegħu biex jissapportjawna u jieqfu magħna.21 Aħna niksbu l-affermazzjoni tal-Mulej u l-approvazzjoni tiegħu.

Jiena xhud tal-qawwa tas-smewwiet li tinsab fuq il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson. L-aktar xewqa sinċiera tiegħu hi li jogħġob lill-Mulej u jbierek lill-ulied Missierna fis-Smewwiet. Minn esperjenza mill-aktar sagra u personali, jiena nixhed dwar l-imħabba tal-Mulej għalih. Huwa l-profeta ta’ Alla.

Jiena nixhed li Ġesù huwa l-Kristu, Iben Alla. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara 3 Nephi 27:7–9; Doctrine and Covenants 115:4.

  2. Russell M. Nelson, f’ “The Name of the Church,” Newsroom, 16 ta’ Aww., 2018, newsroom.ChurchofJesusChrist.org.

  3. President Nelson Discusses the Name of the Church,” Newsroom, 21 ta’ Aww., 2018, newsroom.ChurchofJesusChrist.org.

  4. Russell M. Nelson, “L-Isem Korrett tal-Knisja,” Liahona, Nov. 2018, 87.

  5. Russell M. Nelson, “It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom,” Liahona, Nov. 2021, 94.

  6. Doctrine and Covenants 64:32.

  7. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 137.

  8. 2 Nephi 27:26.

  9. 1 Nephi 15:18.

  10. Doctrine and Covenants 101:17.

  11. Russell M. Nelson, “Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari,” Liahona, Nov. 2018, 114.

  12. Ara Henry B. Eyring, “Thus Shall My Church Be Called,” Liahona, Ott. 2021, 6–9.

  13. Lauri Ahola, “Using the Full Name of the Church Was Awkward but Worth It” (artiklu diġitali biss), Liahona, Apr. 2020, ChurchofJesusChrist.org.

  14. Russell M. Nelson, “L-Isem Korrett tal-Knisja,” 89.

  15. L-Uffiċċju tal-Propjetà Intelletwali tal-Knisja ilu jsegwi l-isem tad-dominju ta’ ChurchofJesusChrist.org mill-2006, u ma kienx disponibbli. Kienet ħaġa tal-għaġeb li tpoġġa għall-bejgħ tista’ tgħid fl-istess żmien tat-tħabbira tal-President Nelson, u l-Knisja xtrat l-isem tad-dominju bi prezz mill-aktar raġjonevoli.

    Bl-istess mod, il-Knisja ilha ssegwi l-istatus u d-disponibiltà tal-isem tad-dominju ChurchofJesusChrist.com mill-2011. B’sorpriza kbira, dan ukoll sar disponibbli f’Awwissu 2018 u xtrajnieh ukoll.

  16. Fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2018, il-President Russell M. Nelson qal:

    “Ħuti, kienu ħafna li argumentaw bil-mod kif taħseb id-dinja kontra li jiġi rrestawrat l-isem korrett tal-Knisja. Minħabba d-dinja diġitali li ninsabu ngħixu fiha u permezz tal-ottimizzazzjoni tas-serċ enġin li tgħin lilna lkoll insibu ċerta informazzjoni li aħna nkunu neħtieġu b’mod immedjat—inkluż ċerta informazzjoni dwar il-Knisja tal-Mulej, il-kritiċi jgħidu li mhijiex ħaġa għaqlija li ssir din il-korrezzjoni issa. …

    “… Inwegħidkom li jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nirrestawraw l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej, Dak illi tiegħu hija din il-Knisja jixħet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien il-qawwa u l-barkiet tiegħu b’abbundanza li qatt ma ġiet esperjenzata qabel” (“The Correct Name of the Church,” 88, 89).

    Mit-transizzjoni ta’ LDS.org għal ChurchofJesusChrist.org, l-awtorità tad-dominju (l-abbiltà u l-qawwa ta’ sit fil-klassifika tas-search engines) hi aktar b’saħħitha minn qabel. Per eżempju, il-paġna tad-dħul ta’ ChurchofJesusChrist.org issa tinsab, u ilha għal aktar minn sena, fl-ewwel post għar-riżultati ta’ tfittxija fl-Istati Uniti fuq il-Google meta xi ħadd ifittex it-terminu “knisja,” filwaqt li qabel ma stajniex ngħidu dan.

  17. Russell M. Nelson, “Niftħu s-Smewwiet għall-Għajnuna,” Liahona, Mejju 2020, 73.

  18. Ara Tad Walch, “‘If We Can’t Get Along, It’s Downright Sinful’: The Partnership between Catholics and Latter-day Saints,” Deseret News, 1 ta’ Lulju, 2021, deseret.com.

  19. Russell M. Nelson, “L-Isem Korrett tal-Knisja,” 89.

  20. The Correct Name of the Church: A Tahitian Story,” Pacific Newsroom, 15 ta’ Sett., 2019, news-nz.ChurchofJesusChrist.org.

  21. Ara Doctrine and Covenants 84:88.