Konferenza Ġenerali
M’Hemmx Aktar Balzmu f’Gilgħad?
konferenza ġenerali Ottubru 2021


M’Hemmx Aktar Balzmu f’Gilgħad?

Il-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur mhijiex sempliċiment l-abbiltà tiegħu li jfejjaq ġisimna, iżda forsi aktar importanti minn hekk, hija l-abbiltà tiegħu li jfejjaq qalbna.

Ftit wara li ġejt mill-missjoni, waqt li kont għadni student ġewwa l-Università ta’ Brigham Young, jien kont irċevejt telefonata mingħand missieri. Hu qalli li kienu sabulu kanċer fil-frixa u, minkejja li ċ-ċans li jeħlisha kien wieħed minimu, kien determinat li jitfejjaq u jerġa’ lura għall-attivitajiet normali tiegħu tal-ħajja. Dik it-telefonata kienet mument li verament daħħalni f’qoxorti. Missieri kien l-isqof tiegħi, il-ħabib tiegħi, u l-konsulent tiegħi. Hekk kif jien, ommi u ħuti kkontemplajna l-futur, dan deher wieħed skoraġġanti. Ħija ż-żgħir Dave kien qed iservi missjoni fi New York u beda jingħaqad magħna permezz tal-internett f’dawn l-avvenimenti diffiċli.

It-tobba ta’ dak iż-żmien issuġġerixxew li hu jagħmel operazzjoni biex jippruvaw iwaqqfu l-firxa tal-kanċer. Aħna somna u tlabna b’ħerqa kbira bħala familja li jseħħ xi miraklu. Jien ħassejt li kellna biżżejjed fidi biex missieri seta’ jitfejjaq. Ftit qabel l-operazzjoni, jien u ħija l-kbir Norm tajna barka lil missieri. Bil-fidi kollha li konna nipposedu, tlabna li hu jfieq.

L-operazzjoni kienet skedata li ddum bosta sigħat, iżda wara biss ftit tal-ħin it-tabib ġie fil-kamra fejn konna qed nistennew biex jiltaqa’ mal-familja tagħna. Hu qalilna li hekk kif bdew l-operazzjoni setgħu jaraw li l-kanċer kien infirex ma’ ġismu kollu. Skont l-osservazzjoni tagħhom, missieri kien baqagħlu biss ftit xhur ħajja. Din l-aħbar ixxokkjatna.

Hekk kif missieri qam mill-operazzjoni, hu kellu kurżità kbira biex jara jekk il-proċedura rnexxietx. Aħna qsamna miegħu l-aħbar xejn sabiħa.

Aħna komplejna nsumu u nitolbu għal xi miraklu. Meta saħħet missieri bdiet sejra lura qagħtih, aħna bdejna nitolbu li hu ma jibqax aktar muġugħ. Eventwalment, hekk kif qaleb għall-agħar, aħna tlabna lill-Mulej biex jagħtih iċ-ċans li jgħaddi minn dil-ħajja fi żmien qasir. Ftit xhur wara l-operazzjoni, kif kien bassar il-kirurgu, missieri miet.

Kienu bosta l-membri tal-qasam u l-ħbieb tal-familja li wrew l-imħabba tagħhom lejn il-familja tagħna. Kellna funeral mill-isbaħ li onora l-ħajja ta’ missieri. Meta għadda ż-żmien, madankollu, u aħna esperjenzajna l-weġgħa tan-nuqqas ta’ missieri, jien bdejt nistaqsi lili nnifsi għalfejn missieri ma kienx ġie mfejjaq. Bdejt niddubita jekk il-fidi tiegħi kenitx b’saħħitha biżżejjed. Għalfejn ċerti familji jirċievu miraklu f’ħajjithom, iżda l-familja tagħna le? Fil-missjoni tiegħi tgħallimt li kelli ndur lejn l-iskrittura għall-mistoqsijiet li jkolli, għalhekk jien bdejt infittex fl-iskrittura.

It-Testment il-Qadim jgħallem dwar ħwawar aromatiċi jew ingwent, li kienu jintużaw biex ifejqu l-ġrieħi, li kienu magħmulin minn pjanta li kienet tikber ġewwa Gilgħad. Fiż-żmien it-Testment il-Qadim l-ingwent sar magħruf bħala “il-balzmu ta’ Gilgħad.”1 Il-profeta Ġeremija ilmenta fuq it-tbatija li hu ra fost in-nies tiegħu u ttama li huma jiksbu l-fejqan. Ġeremija staqsa, “M’hemmx aktar balzmu f’Gilgħad?”2 Fil-letteratura, fil-mużika, u fl-arti, is-Salvatur Ġesù Kristu ħafna drabi hu deskritt bħala l-Balzmu ta’ Gilgħad minħabba l-qawwa meraviljuża tal-fejqan tiegħu. Bħal Ġeremija, jien kont qed nistaqsi lili nnifsi, “M’hemmx aktar balzmu f’Gilgħad għall-familja Nielson?”

F’ Mark kapitlu 2 tat-Testment il-Ġdid, naqraw dwar is-Salvatur f’Kafarnahum. Il-kelma ġriet mal-pajjiż kollu dwar il-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur, u bosta nies marru Kafarnahum biex jiġu mfejqin mis-Salvatur. Tant kien hemm nies li nġabru fid-dar fejn kien hemm is-Salvatur, u mal-madwar, li ma kienx baqa’ aktar spazju biex hu jilqagħhom kollha. Kien hemm erbat irġiel li ġarrew raġel mifluġ ħalli s-Salvatur ifejqu. Huma ma setgħux jgħaddu minn qalb il-folla, u għalhekk fetħu s-saqaf tad-dar u niżżlu lir-raġel biex jiltaqa’ mas-Salvatur.

Hekk kif qrajt dan ir-rakkont, bqajt sorpriż b’dak li s-Salvatur qal hekk kif iltaqa’ ma’ dan ir-raġel: “Ibni, dnubietek maħfura.”3 Naħseb li kieku jien kont wieħed mill-erbat irġiel li ġarrew lil dan ir-raġel, naf kont ngħid lis-Salvatur, “Aħna propjament ġibnieh hawn biex jitfejjaq.” Naħseb li s-Salvatur kien iweġibni, “Hekk għamilt, fejjaqtu.” Jista’ jkun li forsi jien ma kontx fhimt għal kollox li l-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur ma kenitx sempliċiment l-abbiltà tiegħu li jfejjaq ġisimna, iżda forsi aktar importanti minn hekk, kienet l-abbiltà tiegħu li jfejjaq qlubna u l-qalb maqsuma tal-familja tiegħi?

Is-Salvatur għallem lezzjoni importanti permezz ta’ din l-esperjenza hekk kif Hu eventwalment fejjaq fiżikament lir-raġel. Deher ċar għalija li l-messaġġ tiegħu kien li Hu seta’ jmiss għajnejn l-għomja u huma jibdew jaraw. Hu seta’ jmiss widnejn it-torox u huma jibdew jisimgħu. Hu seta’ jmiss riġlejn dawk li ma jimxux u huma jibdew jimxu. Hu seta’ jfejjaq għajnejna, widnejna, u riġlejna, iżda l-aktar importanti, Hu seta’ jfejjaq qlubna hekk kif inaddafna mid-dnub u jġorrna qalb l-isfidi diffiċli tagħna.

Meta s-Salvatur deher lin-nies fil-Ktieb ta’ Mormon wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet, għal darb’oħra reġa’ tkellem dwar il-qawwa tiegħu tal-fejqan. In-Nefiti semgħu leħnu mis-smewwiet jgħid, “Intom lesti terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, biex inkun nista’ nfejjaqkom?”4 Aktar tard, is-Salvatur jgħallem, “Għax ma tafux meta se jerġgħu lura u jindmu, u jiġu għandi b’għan sħiħ f’qalbhom, u jien infejjaqhom.”5 Is-Salvatur ma kienx qed jirreferi għall-fejqan fiżiku iżda pjuttost għall-fejqan spiritwali ta’ ruħhom.

Moroni jgħinna nifhmu aħjar dan hekk kif jaqsam magħna kliem missieru, Mormon. Wara li tkellem dwar il-mirakli, Mormon spjega, “U Kristu qal: Jekk intom ikollkom il-fidi fija intom ikollkom il-qawwa li tagħmlu dak kollu li jien irrid li jseħħ.”6 Jien tgħallimt li ċ-ċentru tal-fidi tiegħi għandu jkun Ġesù Kristu, u li kien hemm bżonn li jien naċċetta dak li Hu jrid li jseħħ hekk kif neżerċita l-fidi tiegħi fih. Jien nifhem issa li l-mewt ta’ missieri seħħet skont il-pjan ta’ Alla. Issa, hekk kif inpoġġi jdejja fuq ras persuna oħra biex inberikha, il-fidi tiegħi tinsab f’Ġesù Kristu, u nifhem li persuna tista’ tfieq fiżikament jekk dan ikun dak li jrid Kristu.

L-Espjazzjoni tas-Salvatur, li tagħmel disponibbli għalina kemm il-qawwa feddejja kif ukoll il-qawwa li ssaħħaħna tiegħu, hi l-akbar barka li Ġesù Kristu jista’ joffrilna lkoll. Hekk kif aħna nindmu b’għan sħiħ f’qalbna, is-Salvatur inaddafna mid-dnub. Hekk kif b’ferħ nissottomettu ruħna għar-rieda tal-Missier, anke fl-aktar ċirkustanzi diffiċli, is-Salvatur itaffi u jħaffef it-tagħbija tagħna.7

Iżda hawn tinsab l-akbar tagħlima li tgħallimt. Jien b’mod żbaljat kont nemmen li l-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur ma kenitx ħadmet mal-familja tiegħi. Hekk kif issa nħares lura b’għajnejn aktar maturi u b’aktar esperjenza, nara li l-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur kienet evidenti fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tal-familja tiegħi. Jien tant kont iffokat fuq il-fejqan fiżiku li ma bdejtx nara l-mirakli li bdew iseħħu. Il-Mulej ta l-qawwa u għen lil ommi lil hinn mill-kapaċità personali tagħha f’din l-isfida diffiċli, u hi għexet ħajja twila u produttiva. Hi kellha influwenza pożittiva inkredibbli fuq uliedha u fuq ulied uliedha. Il-Mulej bierek lili u lil ħuti bl-imħabba, bl-għaqda, bil-fidi, u bir-reżiljenza, li kienu saru, u għadhom sal-lum, parti importanti minn ħajjitna.

Iżda xi ngħidu għal missieri? L-istess bħal dawk kollha li jindmu, hu ġie mfejjaq spiritwalment hekk kif fittex u rċieva l-barkiet disponibbli minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur. Hu rċieva maħfra ta’ dnubietu u issa jinsab jistenna l-miraklu tal-qawmien mill-imwiet. L-Appostlu Pawlu għallem, “Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.”8 Qed taraw, jien kont qed ngħid lis-Salvatur, “Aħna ġibna lil missieri għandek biex tfejqu,” u issa nista’ nara b’mod ċar li s-Salvatur fil-fatt kien fejqu. Il-balzmu ta’ Gilgħad kien effettiv għall-familja Nielson—mhux bil-mod li stennejna aħna, iżda b’mod aktar sinifikanti li bierek u jkompli jbierek ħajjitna.

F’ Ġwanni kapitlu 6 tat-Testment il-Ġdid, is-Salvatur wettaq miraklu mill-aktar interessanti. B’sempliċiment ħames ħutiet u żewġ ħobżiet, is-Salvatur tama’ 5,000 ruħ. Jien qrajt dan ir-rakkont bosta drabi, iżda kien hemm parti minn dik l-esperjenza li ma kontx fhimt li issa għandha tifsira importanti għalija. Wara li s-Salvatur tama’ lill-5,000, hu talab lid-dixxipli tiegħu biex jiġbru l-loqom li kien baqa’, li mlew 12-il qoffa. Jien staqsejt lili nnifsi għalfejn is-Salvatur qagħad jaħli l-ħin jagħmel dan. Issa qed nifhem b’mod ċar li lezzjoni importanti li nistgħu nitgħallmu minn dik l-okkażjoni kienet din: Hu seta’ jitma’ 5,000 u xorta waħda kien għad baqa’ żżejjed. “Il-grazzja tiegħi hi biżżejjed għall-bnedmin kollha.”9 Il-qawwa feddejja u ta’ fejqan tas-Salvatur tista’ tkopri kwalunkwe dnub, ġerħa, jew prova—huma kemm huma kbar jew diffiċli—u jibqa’ żżejjed. Il-grazzja tiegħu hi biżżejjed.

B’dak l-għarfien, nistgħu nimxu ’l quddiem b’fidi, għax nafu li meta f’ħajjitna jaslu żminijiet diffiċli—u żgur li se jaslu—jew meta d-dnub jidħol f’ħajjitna, is-Salvatur jieqaf quddiemna permezz tal-“fejqan f’ġwinħajh,”10 filwaqt li jistedinna biex immorru għandu.

Naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi tal-Balzmu ta’ Gilgħad, tas-Salvatur Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna, u tal-qawwa tal-fejqan meraviljuża tiegħu. Jien nixhed dwar ix-xewqa tiegħu li jfejjaqkom. F’isem Ġesù Kristu, amen.