2010-2019
Il-Prezz Li Jagħmlek Eleġibbli għall-Qawwa tas-Saċerdozju
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Il-Prezz Li Jagħmlek Eleġibbli għall-Qawwa tas-Saċerdozju

Lesti aħna li nitolbu, insumu, nistudjaw, infittxu, inqimu u nservu bħala rġiel ta’ Alla ħalli jkun jista’ jkollna magħna dejjem il-qawwa tas-saċerdozju?

Sitt shur ilu fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2015, jiena kellimt lill-aħwa nisa tal-Knisja dwar l-irwol divin tagħhom bħala nisa ta’ Alla. Illum nixtieq inkellem lilkom l-aħwa dwar l-irwol divin tagħkom bħala rġiel ta’ Alla. Hekk kif inkun qed nivvjaġġa madwar id-dinja, jiena nimmeravilja ruħi bil-qawwa u t-tjubija assoluta tal-irġiel u l-ġuvintur ta’ din il-Knisja. Impossibli tgħodd kemm qlub intom fejjaqtu u kemm ħajjiet intom farraġtu. Grazzi!

Fil-messaġġ tiegħi fl-aħħar konferenza, jiena tkellimt dwar esperjenza devastanti li, bħala kirurgu tal-qalb, kelli bosta snin ilu għax ma kontx kapaċi nsalva l-ħajja ta’ żewġt aħwa bniet ċkejknin. Bil-permess ta’ missierhom, nixtieq nitkellem ftit ieħor dwar dik il-familja.

It-tlett itfal li kellhom Ruth u Jimmy Hatfield twieldu kollha bil-mard tal-qalb. L-ewwel wild tagħhom, Jimmy Jr., miet mingħajr ebda dijanjosi defenittiva. Jiena ġejt involut fil-ħajja tagħhom meta l-ġenituri tagħhom kienu qed ifittxu lil xi ħadd biex jgħin liż-żewġ uliedhom bniet, Laural Ann u oħtha ż-żgħira, Gay Lynn. Jien ħassejt qalbi trid tinqasam meta ż-żewġt ibniet mietu t-tnejn wara l-operazzjoni tagħhom.1 Tistgħu tifhmu kemm ħassewhom imkissrin spiritwalment Ruth u Jimmy.

Maż-żmien, jien sirt naf li huma bdew iżommu ġo fihom ċertu sentiment xejn sabiħ lejja u lejn il-Knisja. Għal kważi sittin sena sħaħ, din is-sitwazzjoni verament itturmentatni u mlietni b’ sens kbir ta’ niket għall-familja Hatfields. Ippruvajt diversi drabi nistabilixxi kuntatt magħhom, mingħajr ebda suċċess.

Imbagħad, lejla waħda f’ Mejju li għadda, jien ġejt imqajjem mal-lejl minn dawk iż-żewġt itfal ċkejknin min-naħa l-oħra tal-velu. Għalkemm ma stajtx narahom jew nismagħhom permezz tas-sensi fiżiċi tiegħi, jiena stajt inħoss il-preżenza tagħhom. Spiritwalment, jiena smajthom ikellmuni. Il-messaġġ tagħhom kien wieħed qasir u ċar: “Brother Nelson, aħna għadna ma ġejna ssiġillati ma ħadd! Tista’ tgħinna?” Ftit wara, sirt naf li ommhom kienet mietet, iżda missierhom u ħuhom iżgħar minnhom kienu għadhom ħajjin.

Spirat bit-talba li kienu għamluli Laural Ann u Gay Lynn, jiena erġajt ippruvajt nagħmel kuntatt ma’ missierhom, li kont sirt naf li kien qed jgħix ma’ ibnu Shawn. Din id-darba huma kienu lesti jiltaqgħu miegħi.

F’ Ġunju, jiena letteralment inżilt għarkupptejja quddiem Jimmy, li issa għandu 88 sena, u esprimejt miegħu s-sentimenti li kelli f’ qalbi. Għedtlu dwar dak li kienu talbuni wliedu u għedtlu wkoll li kont inħossni verament onorat jekk jien inwettaq l-ordinanzi tas-siġill għall-familja tiegħu. Jiena spjegajt ukoll li kien jeħtieġ ħin u sforz mhux ħażin min-naħa tiegħu u ta’ Shawn biex huma jkunu lesti li jidħlu t-tempju, għaliex l-ebda wieħed minnhom ma kien għadu qatt irċieva l-għotja mqaddsa.

L-Ispirtu tal-Mulej seta’ jinħass verament waqt dik il-laqgħa. U meta kemm Jimmy kif ukoll Shawn aċċettaw l-offerta tiegħi, jien ħassejtni se ntir bil-ferħ. Huma ħadmu b’ diliġenza flimkien mal-president tal-wited, mal-isqof u mal-mexxej tal-missjoni tal-qasam tagħhom, kif ukoll mal-missjunarji żgħażagħ u mal-koppja missjunarji anzjani. U m’ilux wisq, jiena kelli l-privileġġ profond li nissiġilla lir-Ruth u lil Jimmy flimkien mal-erba’ wliedhom ġewwa t-Tempju ta’ Payton, Utah. Wendy u Jiena spiċċajna bkejna hekk kif aħna ħadna sehem f’ dik l-esperjenza mill-aktar sublimi. Dak inhar kienu bosta l-qlub li ġew imfejqa.

Immaġni
Il-Presbiteru u Sister Nelson fit-tempju flimkien mal-familja Hatfield

Meta jien bdejt nirrifletti dwar dan, verament immeraviljajt ruħi b’ Jimmy u Shawn u x’ kienu lesti li jagħmlu. Huma saru l-eroj tiegħi. Kieku kelli nara li tiġi fis-seħħ xewqa li jien għandi f’ qalbi, din tkun li kull raġel u ġuvni f’ din il-Knisja juri l-kuraġġ, il-qawwa u l-umiltà ta’ dan il-missier u ibnu. Huma kienu lesti li jaħfru u ma jibqgħux iżommu ġo fihom ċerta weġgħat u sentimenti tal-passat. Huma kienu lesti li jissottomettu għall-gwida li jingħataw mingħand il-mexxej tagħhom tas-saċerdozju sabiex l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jkun jista’ jsaffihom u jkabbarhom. Kull wieħed minnhom kien lest li jsir raġel li b’ dinjità jħaddan is-saċerdozju “skont l-ordni l-aktar qaddisa ta’ Alla.”2

Li tħaddan ifisser li tissapportja l-piż ta’ dak li ġie afdat lilek. Hija lealtà sagra li tħaddan is-saċerdozju, li hija l-qawwa u l-awtorità setgħana ta’ Alla. Aħsbu ftit dwar dan: is-saċerdozju li jingħata lilna huwa sewwasew l-istess qawwa u awtorità li permezz tagħhom Alla ħoloq din id-dinja u għadd ta’ dinjiet oħra, jiggverna s-smewwiet u l-art, u jeżalta lil uliedu ubbidjenti.3

Riċentiment, Wendy u jiena konna ninsabu f’ laqgħa li fiha l-organista kien jinsab dritt, dritt, lest biex jibda jdoqq l-innu tal-ftuħ. Għajnejh kienu mixħutin fuq il-mużika u subgħajh fuq it-testiera. Huwa beda jagħfas it-testiera, iżda ma beda ħiereġ l-ebda ħoss. Jiena għedt b’ leħen baxx lil Wendy, “M’għandux kurrent.” Jiena rraġunjat li xi ħaġa kienet qed iżżomm il-qawwa tal-elettriku milli jgħaddi għal ġo dak l-orgni.

L-aħwa, bl-istess mod, jien nibża’ li hawn ħafna rġiel li ġew mogħtija l- awtorità tas-saċerdozju iżda li jinsabu neqsin mill- qawwa tas-saċerdozju minħabba li din il-qawwa ġiet blokkata minħabba ċerti dnubiet bħall-għażż, id-diżonestà, is-suppervja, l-immoralità jew ċerta preokkupazzjoni żedja għall-ħwejjeġ tad-dinja.

Nibża’ li hawn numru kbir minn dawk li jħaddnu s-saċerdozju li qed għamlu ftit wisq jew ftit li xejn biex jiżviluppaw l-abbiltà tagħhom li jaċċessaw il-qawwiet tas-sema. Ninkwieta dwar dawk kollha li mhumiex safja fi ħsibijiethom, fis-sentimenti tagħhom jew f’ għemilhom jew li jiddegradaw lil marthom jew lil uliedhom, u b’ hekk jinqatgħu mill-qawwa tas-saċerdozju.

Nibża’ li huma ħafna li sfortunatament ċedew l-għażla ħielsa tagħhom lill-avversarju u bil-mod li qed jaġixxu qed jgħidu, “Jimpurtani ferm aktar li nissodisfa x-xewqat tiegħi milli nħaddan il-qawwa tas-Salvatur biex imbierek lil ħaddieħor.”

Nibża’, ħuti, li jista’ jkun li xi wħud fostna xi darba għad iqumu u jintebħu xi tfisser verament il-qawwa fis-saċerdozju u jsibu lilhom infushom jiffaċċjaw is-sens ta’ dispjaċir talli huma qattgħu ferm aktar ħin ifittxu li jiksbu l-qawwa fuq ħaddieħor jew fuq il-post tax-xogħol milli jitgħallmu jeżerċitaw kompletament il-qawwa ta’ Alla.4 Il-President George Albert Smith għallem li “aħna ma ninsabux hawn fid-dinja biex sempliċiment nistennew il-ħin tagħna jgħaddi u mbagħad minn hawnhekk ngħaddu fi sfera ta’ eżaltazzjoni; iżda aħna ninsabu hawn biex nikkwalifikaw ruħna, jum wara jum, għall-pożizzjonijiet li Missierna jistenniena li nimlew wara din il-ħajja mortali.5

Għalfejn bniedem għandu jaħli ż-żmien tiegħu fid-dinja u jkun kuntent bil-ftit għads ta’ Għesaw6 meta huwa ġie fdat bil-possibiltà li jirċievi l-barkiet kollha ta’ Abraham?7

Jiena b’ urġenza nitlob lil kull wieħed minna sabiex ngħixu denji tal-privileġġi tagħna bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju. Jasal il-jum, meta jkunubiss dawk l-irġiel li ħadu bis-serjetà s-saċerdozju tagħhom, biilli b’ diliġenza jfittxu li jiġu mgħallmin mill-Mulej innifsu, li jkunu kapaċi jbierku, jiggwidaw, jipproteġu, isaħħu u jfejqu lil ħaddieħor. Huwa biss il-bniedem li jkun ħallas il-prezz li jagħmlu eleġibbli għall-qawwa tas-saċerdozju li jkun kapaċi li jwassal il-mirakli lil dawk li huwa jħobb u li jżomm iż-żwieġ u l-familja tiegħu lil hinn mill-periklu, kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fl-eternità.

X’inhu l-prezz li jeħtieġ inħallsu biex niżviluppaw din it-tip ta’ qawwa saċerdotali? L-Appostlu anzjani tas-Salvatur, Pietru—l-istess Pietru li flimkien ma’ Ġakbu u Ġwanni ta s-Saċerdozju Melkisedeku lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery8—iddikjara x’inhuma l-kwalitajiet li għandna nfittxu sabiex “nissieħbu fin-natura ta’ Alla.”9

Immaġni
Pietru, Ġakbu u Ġwanni jagħtu s-Saċerdozju Melkisedeku.

Huwa semma l-fidi, il-virtù, l-għarfien, it-temperament, il-paċenzja, l-qdusija, it-tjubija ta’ bejn l-aħwa, il-karità u d-diliġenza.10 U tinsewx l-umiltà!11 Għalhekk jien nistaqsi, kif taħsbu li l-membri tal-familja tagħna, sħabna u dawk li jaħdmu magħna qed jgħidu li aħna sejrin fil-mod li intom u jiena qed nippruvaw niżviluppaw dawn id-doni u doni oħra spiritwali?12 Aktar ma niżviluppaw dawk il-kwalitajiet, akbar tkun il-qawwa tagħna tas-saċerdozju.

Kif aktar nistgħu nkabbru l-qawwa tagħna fis-saċerdozju? Jeħtieġ li nitolbu minn qalbna. Id-diskors sabiħ tagħna dwar xi avvenimenti tal-passat jew dwar dak li għad irid iseħħ, li mbagħad nikkonkluduh billi nitolbu għal xi barka ‘l hemm u ‘l hawn, ma jiħux post it-tip ta’ komunikazzjoni ma’ Alla li twassal għall-qawwa li tibqa’ dejjem magħna. Intom lesti titolbu ħalli tkunu tafu kif għandkom titolbu għal aktar qawwa? Il-Mulej jgħallimkom.

Intom lesti li tfittxu fl-iskrittura u tiffestiġġjaw fuq kliem Kristu13—li tistudjaw b’ ħerqa sabiex ikollkom aktar qawwa? Jekk tixtiequ taraw qalb martkom iddub, araw li hi ssibkom fuq l-Internet tistudjaw id-duttrina ta’ Kristu14 jew taqraw l-iskrittura!

Intom lesti li tmorru tqimu fit-tempju regolarment? Il-Mulej iħobb jgħallem it-tagħlim Tiegħu ġewwa d-dar mqaddsa Tiegħu. Immaġinaw kemm ikun ferħan bikom jekk intom titolbuh biex jgħallimkom dwar l-imfietaħ, l-awtorità u l-qawwa tas-saċerdozju hekk kif intom tesperjenzaw l-ordinanzi tas-Saċerdozju Melkisedeku fit-tempju.15 Immaġinaw x’ qawwa saċerdotali akbar jista’ jkollkom.

Intom lesti li timxu wara l-eżempju tal-President Thomas S. Monson u taqdu lil ħaddieħor? Għal għexieren sħaħ ta’ snin huwa spiċċa jagħmel ħwejjeġ li ma kienx ikun ippjana minn qabel li jagħmel, wara li kien jisma’ l-Ispirtu jissuġġerilu sabiex jasal wasla għand xi ħadd u mbagħad jisimgħu jtennilu kliem bħal, “Kif kont taf li kien l-anniversarju tal-mewt ta’ bintna?” jew “Kif kont taf li kien għeluq snini?” U jekk tridu li jkollkom qawwa tas-saċerdozju akbar, intom ħa tgħożżu verament lil martkom, u hekk tħaddnu magħkom kemm lilha kif ukoll il-kunsill li hi tagħtikom.

Issa, jekk dan kollu jidher wisq, jekk jogħġobkom ikkunsidraw kemm ikunu differenti r-relazzjonijiet tagħna mal-mara tagħna, ma’ wliedna u ma’ sħabna fuq il-post tax-xogħol jekk aħna nkunu daqsant ikkonċernati f’ li niksbu qawwa tas-saċerdozju akbar daqs kemm inkunu kkonċentrati li nimxu ‘l quddiem fl-impjieg tagħna jew li nkabbru l-bilanċ tal-kont tal-bank tagħna. Jekk b’ umiltà aħna nippreżentaw irwieħna quddiem il-Mulej u nitolbuh jgħallimna, Huwa jurina kif nistgħu nkabbru l-aċċess tagħna għall- qawwa Tiegħu.

F’ dawn l-aħħar jiem, aħna nafu li se jseħħu għadd ta’ terrimoti f’ diversi postijiet.16 Jista’ jkun li wieħed minn dawn il-postijiet diversi taf tkun l-istess darna, fejn jistgħu jseħħu ċerta “terrimoti” emozzjonali, jew spiritwali. Il-qawwa tas-saċerdozju tista’ tikkalma l-ibħra u tfejjaq ix-xquq fid-dinja. Il-qawwa tas-saċerdozju tista’ tikkalma wkoll l-imħuħ u tfejjaq ix-xquq fil-qlub ta’ dawk li nħobbu.

Lesti aħna li nitolbu, insumu, nistudjaw, infittxu, inqimu u nservu bħala rġiel ta’ Alla ħalli nkunu nistgħu jkollna din it-tip ta’ qawwa tas-saċerdozju? Minħabba li żewġt ibniet ċkejknin kellhom tant ħerqa li jiġu ssiġillati mal-familja tagħhom, missierhom u ħuhom kienu lesti li jħallsu l-prezz li jagħmilhom eliġibbli li jħaddnu s-Saċerdozju Melkisedeku mqaddes.

Għeżież ħuti, aħna ġejna mogħtija responsabbiltà sagra—l-awtorità ta’ Alla, biex inbierku lil ħaddieħor. Jalla kull wieħed minna jqum bħala dak ir-raġel ta’ Alla, li minn qabel it-twelid, Alla ordnana li nkunu—lesti li nħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla b’ kuraġġ, li nkunu mimlijin ħerqa li nħallsu l-prezz, ikun xi jkun, biex inkabbru l-qawwa tagħna fis-saċerdozju. B’ dik il-qawwa, aħna nistgħu ngħinu nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Din hi l-Knisja Tiegħu, immexxija llum mill-Profeta Tiegħu, il-President Thomas S. Monson, li b’ għożża jiena nħobb u nsostni. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.