Skrittura
Alma 61


Kapitlu 61

Paħoran jgħid lil Moroni dwar it‑tixwix u r‑rewwixta kontra l‑gvern—Nies is‑sultan jieħdu f’idejhom Żaraħemla u jissieħbu mal‑Lamaniti—Paħoran jitlob l‑għajnuna militari għal kontra r‑ribelli. Madwar 62 Q.K.

1 Araw, issa ġara li ftit wara li Moroni bagħat l‑ittra tiegħu lill‑kap gvernatur, huwa rċieva ittra mingħand Paħoran, il‑kap gvernatur. U dan hu l‑kliem li rċieva:

2 Jiena, Paħoran, li jien il‑kap gvernatur ta’ dan il‑pajjiż, qed nibgħat dan il‑kliem lil Moroni, il‑kap kmandant tal‑armata. Ara, jiena ngħidlek, Moroni, li jiena ma nieħux gost li intom għaddejjin minn daqstant tbatija, iva, din hi ħaġa li tnikkitli ruħi.

3 Iżda ara, hemm min jieħu gost bit‑tbatija tagħkom, iva, hekk li huma spiċċaw qamu kontrija, kif ukoll kontra dawk in‑nies tiegħi li huma nies il‑ħelsien, iva, u dawk li qamu kontrina huma mill‑aktar numerużi.

4 U huma dawk li ppruvaw ineħħuni minn fuq is‑siġġu tat‑tribunal il‑kawża ta’ daqstant ħażen; għax huma wżaw kliem mill‑aktar ħelu u falz, u spiċċaw qarrqu b’qalb ħafna nies, u minħabba f’hekk kellna ngħaddu minn daqstant tbatija; huma żammew għandhom il‑provvisti tagħna, u lil dawk niesna li huma nies il‑ħelsien spiċċaw jaqtgħulhom qalbhom biex ma jiġux għandkom.

5 U ara, huma keċċewni minn quddiemhom, u jiena ħrabt lejn l‑art ta’ Gidgħon, u miegħi ħadt in‑nies kollha li stajt nieħu.

6 U ara, jiena bgħatt proklama madwar din‑naħa tal‑pajjiż; u ara, kuljum huma qed jinġabru ħdejna, biex jarmaw lilhom infushom, ħalli jiddefendu pajjiżhom u l‑ħelsien tagħhom, u biex ipattuha għall‑għemejjel ħżiena li esperjenzajna.

7 U huma ġew għandna, hekk li dawk li qamu kontrina spiċċajna ġibnihom fejn ridna, iva, hekk li huma qegħdin jibżgħu minna u mhux qed jazzardaw jiġu biex jaħbtu għalina.

8 Huma ħadu f’idejhom l‑art, jew il‑belt, ta’ Żaraħemla; huma ħatru sultan fuqhom, u hu kiteb lis‑sultan tal‑Lamaniti, biex jgħidlu li kienu lesti jkunu alleati miegħu; u f’din l‑alleanza huwa qabel li jibqa’ jżomm f’idejh il‑belt ta’ Żaraħemla, u permezz tal‑kontroll ta’ din il‑belt huwa kien jemmen li l‑Lamaniti setgħu jieħdu f’idejhom il‑bqija tal‑pajjiż, u hu jkun jista’ jinħatar sultan fuq dan il‑poplu meta huma jispiċċaw taħt il‑ħakma tal‑Lamaniti.

9 U issa, fl‑ittra tiegħek inti lili ċċensurajtni, iżda ma jimpurtax; jiena m’inix irrabjat, iżda nħossni nithenna bil‑kobor ta’ qalbek. Jiena, Paħoran, mhu qed nipprova nikseb l‑ebda poter, ħlief li nibqa’ nżomm is‑siġġu tat‑tribunal tiegħi ħalli nkun nista’ nħares id‑drittijiet u l‑libertà tal‑poplu tiegħi. Ruħi żżomm sħiħa f’dik il‑libertà li permezz tagħha Alla lilna ħelisna.

10 U issa, ara, aħna se nirreżistu l‑ħażen anke jekk dan iwassal għat‑tixrid tad‑demm. Aħna m’aħniex se nxerrdu demm il‑Lamaniti jekk huma jibqgħu f’arthom.

11 Aħna m’aħniex se nxerrdu demm ħutna jekk huma ma jqumux kontrina f’rewwixta u jiġu bix‑xabla għalina.

12 Aħna lesti nissottomettu ruħna għall‑madmad tal‑jasar jekk il‑ġustizzja ta’ Alla titlob minna dan, jew jekk hu jordnalna nagħmlu dan.

13 Iżda ara, huwa ma jitlobniex sabiex nissottomettu ruħna għall‑għedewwa tagħna, iżda jitlobna biex nafdaw fih, u huwa jeħlisna.

14 Għalhekk, għażiż ħija, Moroni, ejja nirreżistu l‑ħażen, u kwalunkwe ħażen li ma nistgħux nirreżistuh permezz ta’ kliemna, iva, bħar‑rewwixti u d‑diżgwid, ejja nirreżistuh permezz tax‑xwabel tagħna, sabiex inkunu nistgħu nħarsu l‑ħelsien tagħna, ħalli nkunu nistgħu ngawdu l‑privileġġ kbir tal‑knisja tagħna, u l‑kawża tal‑Feddej tagħna u Alla tagħna.

15 Għalhekk, ejja għandi minnufih u ġib miegħek ftit min‑nies tiegħek, u l‑bqija ħallihom taħt il‑kmand ta’ Leħi u Teankum; agħtihom is‑setgħa li jmexxu l‑gwerra f’dik in‑naħa tal‑pajjiż, skont l‑Ispirtu ta’ Alla, li huwa wkoll l‑ispirtu tal‑ħelsien li jinsab fihom.

16 Ara jien bgħattilhom ftit provvisti, biex sakemm inti tiġi għandi huma ma jispiċċawx jinqerdu.

17 Intom u ġejjin ’l hawn iġbru flimkien kull forza li tistgħu tiġbru, u aħna mmorru minnufih neħduha kontra dawk id‑dissidenti, bil‑qawwa ta’ Alla tagħna skont il‑fidi li tinsab fina.

18 U nieħdu f’idejna l‑belt ta’ Żaraħemla, ħalli nkunu nistgħu niksbu aktar ikel biex nibagħtuh lil Leħi u lil Teankum; iva, aħna mmorru naffrontawhom bil‑qawwa tal‑Mulej, u nġibu fi tmiemu dan il‑ħażen kollu.

19 U issa, Moroni, jien verament fraħt meta rċevejt l‑ittra tiegħek, għax kont daqsxejn inkwetat x’għandna nagħmlu, jekk hijiex ħaġa xierqa li mmorru naffrontaw lil ħutna.

20 Iżda inti għidt, jekk huma ma jindmux il‑Mulej ordnalkom biex tmorru taffrontawhom.

21 Ara li ssaħħaħ lil Leħi u lil Teankum fil‑Mulej; għidilhom biex ma jibżgħux, għax Alla sejjer jeħlishom, iva, u l‑istess lil dawk kollha li jżommu sħiħ f’dik il‑Libertà li permezz tagħha Alla lilhom ħelishom. U issa sejjer nagħlaq l‑ittra tiegħi lill‑għażiż ħija, Moroni.