Skrittura
Alma 52


Kapitlu 52

Għammoron jieħu post Għamalikja bħala sultan tal‑Lamaniti—Moroni, Teankum, u Leħi jmexxu lin‑Nefiti lejn rebħa fil‑gwerra tagħhom kontra l‑Lamaniti—Huma jieħdu lura l‑belt ta’ Mulek, u Ġakobb iż‑Żoramita jinqatel. Madwar 66–64 Q.K.

1 U issa, ġara li fis‑sena sitta u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, araw, meta l‑Lamaniti stenbħu fl‑ewwel għodwa tal‑ewwel xahar, araw, huma sabu lil Għamalikja mejjet fit‑tinda tiegħu; u ndunaw ukoll li Teankum kien lest biex dakinhar jaffrontahom f’battalja.

2 U issa, meta l‑Lamaniti raw dan huma mtlew bil‑biża’; u huma abbandunaw il‑pjan tagħhom li jerħulha lejn l‑art tat‑tramuntana, u flimkien mal‑armata kollha tagħhom irtiraw lejn il‑belt ta’ Mulek, u marru jipproteġu ruħhom wara l‑fortifikazzjonijiet tagħhom.

3 U ġara li ħu Għamalikja ġie maħtur bħala sultan fuq in‑nies; u hu kien jismu Għammoron; għalhekk is‑sultan Għammoron, ħu s‑sultan Għamalikja, ġiet maħtur biex isaltan minfloku.

4 U ġara li huwa ordna biex in‑nies tiegħu jaraw li dawk l‑ibliet jibqgħu f’idejhom, liema bliet kienu ħadu f’idejhom permezz tat‑tixrid tad‑demm; għax ma kienu ħadu l‑ebda belt f’idejhom bla ma xerrdu ħafna demm.

5 U issa, Teankum ra li l‑Lamaniti kienu determinati li jaraw li l‑ibliet li huma kienu ħadu jibqgħu f’idejhom, u l‑istess dawk l‑inħawi tal‑pajjiż li kienu wkoll f’idejhom; u meta huwa ra wkoll il‑kobor tal‑armata tagħhom, Teankum ħass li ma kienx jaqbel li huwa jipprova jattakkahom fil‑fortizzi tagħhom.

6 Iżda huwa żamm lin‑nies tiegħu fil‑madwar, bħallikieku qed iħejju għall‑gwerra; iva, u hu tabilħaqq beda jħejji biex jiddefendi lilu nnifsu minnhom, billi beda jibni ħitan mal‑madwar u beda jħejji postijiet ta’ difiża.

7 U ġara li huwa għalhekk kompla jħejji għall‑gwerra sakemm Moroni bagħat għadd kbir ta’ nies biex isaħħaħ l‑armata tiegħu.

8 U Moroni bagħat jgħidlu wkoll biex huwa jibqa’ jżomm bħala priġunieri lil dawk kollha li spiċċaw taħt idejh; għax kif il‑Lamaniti kienu ħadu ħafna bħala priġunieri, l‑istess huwa għandu jara li jibqa’ jżomm taħt idejh lill‑priġunieri kollha Lamaniti biex ipatti għal dawk li kienu ttieħdu mill‑Lamaniti bħala priġunieri.

9 U hu bagħat jgħidlu wkoll sabiex jiffortifika l‑art ta’ Kotran, u jipproteġi l‑passaġġ dejjaq li kien jagħti għall‑art tat‑tramuntana, ma jmorrux il‑Lamaniti jaslu hemm u b’hekk ikunu jistgħu jaħbtu għalihom minn kull naħa.

10 U Moroni bagħat jgħidlu wkoll li kien jixtiequ jibqa’ jiddefendi b’responsabbiltà dik in‑naħa tal‑pajjiż, u li jieħu vantaġġ minn kull opportunità li jista’ jkollu biex jitturmenta lil‑Lamaniti li jinsabu f’dawk l‑inħawi, b’kull mod li jista’, ħalli forsi jkun jista’ jerġa’ jieħu f’idejh permezz ta’ strataġemma jew b’xi mod ieħor dawk l‑ibliet li kienu ttieħdu minn idejhom; u li hu kellu wkoll jiffortifika u jsaħħaħ l‑ibliet tal‑madwar, li ma kinux waqgħu f’idejn il‑Lamaniti.

11 U hu qallu wkoll, jiena kieku niġi niltaqa’ miegħek, iżda ara, il‑Lamaniti jinsabu jattakawna fil‑fruntiera tal‑art li tinsab ħdejn il‑baħar tal‑punent; u ara, jiena se mmur naffrontahom, għalhekk ma nistax niġi niltaqa’ miegħek.

12 Issa, is‑sultan (Għammoron) telaq mill‑art ta’ Żaraħemla, u għarraf lis‑sultana bil‑mewt ta’ ħuh, u ġabar flimkien għadd kbir ta’ rġiel, u huma rħewlha biex jiġġieldu kontra n‑Nefiti mal‑fruntiera li tinsab ħdejn il‑baħar tal‑punent.

13 U b’hekk hu kompla jipprova jitturmenta lin‑Nefiti, u wassal parti mill‑forzi tagħhom biex jiġbdu lejn dik in‑naħa tal‑pajjiż, filwaqt li ordna lil dawk li ħallihom jokkupaw l‑ibliet li kien ħa f’idejh biex huma wkoll jaħbtu għan‑Nefiti fil‑fruntiera ta’ ħdejn il‑baħar tal‑lvant, u li huma kellhom jieħdu kemm jistgħu f’idejhom artijiethom, skont il‑qawwa tal‑armati tagħhom.

14 U b’hekk, fi tmiem is‑sena sitta u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, in‑Nefiti kienu f’sitwazzjoni mill‑aktar perikoluża.

15 Iżda araw, ġara li fis‑sena sebgħa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin, Teankum, fuq ordni ta’ Moroni—li kien poġġa armati biex jipproteġi l‑fruntieri tan‑nofsinhar u tal‑punent tal‑pajjiż, u li beda riesaq lejn l‑art ta’ Kotran, ħalli jkun jista’ jassisti lil Teankum flimkien man‑nies tiegħu biex jerġgħu jieħdu f’idejhom l‑ibliet li kienu tilfu—

16 U ġara li Teankum ġie mitlub biex jattakka l‑belt ta’ Mulek, u jekk hu possibbli jerġa’ jeħodha lura.

17 U ġara li Teankum beda jħejji biex jibda jattakka l‑belt ta’ Mulek, u flimkien mal‑armata tiegħu jmur biex jaħbat għal‑Lamaniti; iżda hu ra li kien se jkun impossibbli li huwa jegħlebhom jekk huma jibqgħu ġewwa l‑fortifikazzjonijiet tagħhom; għalhekk huwa abbanduna l‑pjanijiet tiegħu u reġa’ lura għal darb’oħra lejn il‑belt ta’ Kotran, biex hemm jistenna l‑miġja ta’ Moroni, ħalli jkun jista’ jsaħħaħ l‑armata tiegħu.

18 U ġara li Moroni wasal flimkien mal‑armata tiegħu fl‑art ta’ Kotran, fl‑aħħar żmien tas‑sena sebgħa u għoxrin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

19 U fil‑bidu tas‑sena tmienja u għoxrin, Moroni u Teankum u ħafna mill‑kap kmandanti laqqgħu kunsill tal‑gwerra—biex jaraw x’kellhom jagħmlu biex lil‑Lamaniti jwassluhom biex joħorġu għal battalja kontrihom; jew forsi b’xi mod iħajruhom joħorġu ’l barra mis‑swar tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ minnhom u jerġgħu jieħdu lura f’idejhom il‑belt ta’ Mulek.

20 U ġara li huma bagħtu messaġġiera fejn kien hemm l‑armata tal‑Lamaniti, li kienet qed tipproteġi l‑belt ta’ Mulek, għand il‑mexxej tagħhom, li kien jismu Ġakobb, u xtaquh joħroġ flimkien mal‑armati tiegħu ħalli jaffrontahom fil‑wita li kien hemm bejn iż‑żewġt ibliet. Iżda araw, Ġakobb, li kien Żoramita, ma riedx jitlaq minn fejn kien, mal‑armata tiegħu, sabiex jaffrontahom fil‑wita.

21 U ġara li Moroni, li kien qata’ qalbu li seta’ jaffrontahom fuq art newtrali, għalhekk, huwa fassal pjan kif seta’ jħajjar lil‑Lamaniti joħorġu ’l barra mis‑swar tagħhom.

22 Għalhekk huwa ordna biex Teankum jieħu miegħu grupp żgħir ta’ rġiel u jerħulha lejn xatt il‑baħar; u mal‑lejl, Moroni u l‑armata tiegħu jerħulha lejn ix‑xagħri, fuq in‑naħa tal‑punent tal‑belt ta’ Mulek; u għalhekk, l‑għada, meta l‑għassiesa tal‑Lamaniti ndunaw b’Teankum, huma telqu minnufih biex jgħarrfu lill‑mexxej tagħhom, Ġakobb.

23 U ġara li l‑armati tal‑Lamaniti komplew mexjin lejn Teankum, għax ħasbu li bl‑armata kbira tagħhom setgħu jegħlbu lil Teankum minħabba l‑armata żgħira tiegħu. U hekk kif Teankum ra l‑armati tal‑Lamaniti resqin lejh huwa beda jirtira lejn xatt il‑baħar, fin‑naħa tat‑tramuntana.

24 U ġara li meta l‑Lamaniti raw li hu beda jitbiegħed minnhom, huma għamlu l‑qalb u mxew warajhom bil‑qawwa kollha tagħhom. U għalhekk waqt li Teankum beda jħalli lil‑Lamaniti, li kienu mexjin għalxejn warajhom, ikomplu jsegwuh, araw, Moroni ta ordni biex parti mill‑armata tiegħu, dawl li kienu miegħu, jerħulha lejn il‑belt, u jeħduha f’idejhom.

25 U huma hekk għamlu, u spiċċaw qatlu lil dawk kollha li kienu baqgħu hemm biex jipproteġu l‑belt, iva, lil dawk kollha li ma kinux lesti jċedu l‑armi tagħhom tal‑gwerra.

26 U b’hekk Moroni ħa f’idejh il‑belt ta’ Mulek, b’parti mill‑armata tiegħu, filwaqt li hu kompla sejjer mal‑bqija biex jaffronta lil‑Lamaniti meta huma jerġgħu lura hekk kif jieqfu jsegwu lil Teankum.

27 U ġara li l‑Lamaniti komplew isegwu lil Teankum sakemm huma waslu ħdejn il‑belt ta’ Kotran, u mbagħad hemm huma kellhom jaffrontaw lil Leħi u l‑armata żgħira tiegħu, li kienu baqgħu hemm biex jipproteġu l‑belt ta’ Kotran.

28 U issa araw, meta l‑kap kmandanti tal‑Lamaniti raw li Leħi u l‑armata tiegħu kienu se jaħbtu għalihom, huma nħakmu minn paniku kbir u ħarbu, għax beżgħu li ma kienx se jirnexxilhom jieħdu f’idejhom il‑belt ta’ Mulek qabel ma huma jintlaħqu minn Leħi; għax l‑għejja kienet għamlet tagħha minħabba t‑triq li kienu ħadu, u n‑nies ta’ Leħi kienu għadhom friski.

29 Issa l‑Lamaniti ma kinux jafu li Moroni kien jinsab warajhom flimkien mal‑armata tiegħu; u huma kienu qed jibżgħu biss minn Leħi u min‑nies tiegħu.

30 Issa Leħi ma kellux ix‑xewqa li jilħaqhom qabel ma huma jaffrontaw lil Moroni u l‑armata tiegħu.

31 U ġara li qabel mal‑Lamaniti laħqu rtiraw ‘il bogħod, huma spiċċaw imdawrin bin‑Nefiti, bin‑nies ta’ Moroni fuq naħa, u n‑nies ta’ Leħi fuq in‑naħa l‑oħra, fejn kollha kemm huma kienu għadhom friski u mimlijin enerġija; iżda l‑Lamaniti kienu għajjenin waħda sew minħabba t‑triq li kienu ħadu.

32 U Moroni ordna lin‑nies tiegħu biex jibqgħu jattakkawhom sakemm jaslu biex iċedu l‑armi tagħhom tal‑gwerra.

33 U ġara li Ġakobb, li kien il‑mexxej tagħhom, u li kien ukoll Żoramita, u li kellu spirtu invinċibbli, mexxa lil‑Lamaniti b’qilla liema bħalha f’battalja kontra Moroni.

34 Peress li Moroni beda jimblukkalhom it‑triq, Ġakobb kien determinat li joqtolhom u mbagħad jibqa’ sejjer fi triqtu lejn il‑belt ta’ Mulek. Iżda araw, Moroni u n‑nies tiegħu kienu aktar b’saħħithom minnhom; għalhekk huma komplew jimblukkaw it‑triq minfejn riedu jgħaddu l‑Lamaniti.

35 U ġara li ż‑żewġ naħat bdew jiġġieldu b’qilla liema bħalha; u kienu ħafna miż‑żewġ naħat li nqatlu; iva, u Moroni ndarab u Ġakobb inqatel.

36 U Leħi u l‑irġiel mill‑aktar b’saħħithom tiegħu bdew jattakkawhom min‑naħa ta’ wara b’qilla mill‑aktar kbira, tant li l‑Lamaniti li kienu jinsabu fuq wara ċedew l‑armi tagħhom tal‑gwerra; u l‑bqija tħawdu bil‑kbir u ma kinux jafu jekk kellhomx jaħarbu jew jiġġieldu.

37 Issa Moroni meta rahom kif tħawdu, qalilhom: Jekk intom iġġibulna l‑armi tagħkom tal‑gwerra u tgħadduhom f’idejna, araw, aħna ma nkomplux inxerrdu demmkom.

38 U ġara li meta l‑Lamaniti semgħu dan il‑kliem, il‑kap kmandanti tagħhom, dawk kollha li ma kinux ġew maqtula, marru u poġġew l‑armi tagħhom tal‑gwerra ħdejn riġlejn Moroni, u talbu lin‑nies tagħhom biex jagħmlu l‑istess.

39 Iżda araw, kienu ħafna li ma ridux jagħmlu dan; u dawk li ma ridux jitilqu x‑xabla minn idejhom spiċċaw ħaduhom u rabtuhom, u ħadulhom l‑armi tagħhom tal‑gwerra, u huma ġew imġiegħla jitilqu flimkien ma’ ħuthom lejn l‑art ta’ Kotran.

40 U issa l‑għadd ta’ priġunieri li kienu ttieħdu kien jiżboq l‑għadd ta’ dawk li kienu nqatlu, iva, kien jiżboq l‑għadd ta’ dawk li kienu nqatlu fuq iż‑żewġ naħat.