Skrittura
Alma 4


Kapitlu 4

Alma jgħammed eluf ta’ konvertiti—Il‑Knisja tinħakem mill‑ħażen, u l‑Knisja tinżamm lura milli tkompli miexja ’l quddiem—Nefija jinħatar prim imħallef—Alma, bħala qassis il‑kbir, jiddedika lilu nnifsu għall‑ministeru. Madwar 86–83 Q.K.

1 Issa ġara li fis‑sitt sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, ma kien hemm l‑ebda tilwim jew gwerer fl‑art ta’ Żaraħemla;

2 Iżda n‑nies batew, iva, batew ferm minħabba t‑telfien ta’ ħuthom, kif ukoll minħabba t‑telfien tal‑merħliet u l‑baqar tagħhom, kif ukoll minħabba t‑telfien tal‑għelieqi tal‑qamħ tagħhom, li spiċċaw mgħaffġa u meqruda mil‑Lamaniti.

3 U tant kienet kbira t‑tbatija tagħhom li kollha kemm huma kellhom għalfejn jitnikktu; u kienu jemmnu li kien il‑ħaqq ta’ Alla mibgħut fuqhom minħabba ħżunithom u l‑għemejjel mistkerrha tagħhom; għalhekk f’moħħom feġġet memorja ta’ dmirhom.

4 U huma bdew iwaqqfu l‑knisja b’mod aktar komplet; iva, u ħafna ġew mgħammdin fl‑ilmijiet ta’ Sidon u ngħaqdu mal‑knisja ta’ Alla; iva, huma ġew mgħammdin permezz ta’ id Alma, li kien ġie kkonsagrat bħala l‑qassis il‑kbir fuq in‑nies tal‑knisja, permezz ta’ id missieru Alma.

5 U ġara fis‑seba’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin kien hemm madwar tlett elef u ħames mitt ruħ li ngħaqdu mal‑knisja ta’ Alla u ġew mgħammda. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑seba’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi; u f’dak iż‑żmien kollu kien hemm paċi kontinwa.

6 U ġara li fit‑tmien sena tas‑saltna tal‑imħallfin, in‑nies tal‑knisja bdew jitkabbru, minħabba l‑għana bla qjies tagħhom, u l‑ħarir fin tagħhom, u l‑għażel fin tagħhom, u minħabba l‑bosta merħliet u baqar tagħhom, u d‑deheb tagħhom u l‑fidda tagħhom, u kull xorta ta’ ħwejjeġ prezzjużi, li huma kisbu permezz ta’ ħidmiethom; u f’dan kollu huma tkabbru fil‑kburija ta’ għajnejhom, għax bdew jilbsu lbies jiswa’ ħafna flus.

7 Issa dan wassal għal tbatija mill‑aktar kbira għal Alma, iva, u għal bosta min‑nies li ġew ikkonsagrati minn Alma biex ikunu għalliema, u qassisin, u presbiteri fuq il‑knisja; iva, bosta minnhom tnikktu bil‑kbir minħabba l‑ħażen li raw li beda jsaltan fost nieshom.

8 Għax huma raw u għarfu b’sogħba kbira li n‑nies tal‑knisja bdew jitkabbru fil‑kburija ta’ għajnejhom, u jorbtu qalbhom mal‑ġid materjali u mal‑frugħa tad‑dinja, fejn bdew jistmerru lil xulxin, u bdew jippersegwitaw lil dawk li ma kinux jemmnu bħalhom u kif jogħġob lilhom.

9 U b’hekk, fit‑tmien sena tas‑saltna tal‑imħallfin, beda jkun hemm tilwim kbir fost il‑poplu tal‑knisja; iva, beda jkun hemm għira, u ġlied, u ħażen, u persekuzzjoni, u sens ta’ kburija, li kienet tiżboq il‑kburija ta’ dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla.

10 U b’dal‑mod ġiet fi tmiemha t‑tmien sena tas‑saltna tal‑imħallfin; u l‑ħażen tal‑knisja kien ta’ ostaklu mill‑aktar kbir għal dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja; u b’hekk il‑knisja waqfet milli tkompli timxi ’l quddiem.

11 U ġara li fil‑bidu tad‑disa’ sena, Alma ra l‑ħażen tal‑knisja, u hu ra wkoll li l‑eżempju tal‑knisja beda jwassal lil dawk li ma jemmnux biex iwettqu għemil ħażin wara l‑ieħor, u b’hekk iwasslu għall‑qerda tal‑poplu.

12 Iva, huwa ra inugwaljanza kbira fost il‑poplu, fejn xi wħud bdew jgħollu rashom fil‑kburija tagħhom, jistmerru lil ħaddieħor, jagħtu daharhom lil min hu fil‑bżonn u lil min hu għeri u lill‑imġewwħin, u lil dawk li kienu bil‑għatx, u dawk li kienu morda u qed ibatu.

13 Issa dan wassal għall‑biki fost il‑poplu, filwaqt li oħrajn bdew iċekknu lilhom infushom, jgħinu lil dawk li kellhom bżonn l‑għajnuna tagħhom, bħalli jaqsmu ġidhom mal‑foqra u ma’ dawk fil‑bżonn, jitimgħu lill‑imġewwħin, u joqogħdu għal kull xorta ta’ tbatija, f’ġieħ Kristu, li għandu jiġi skont l‑ispirtu tal‑profezija;

14 Bdew iħarsu ’l quddiem għal dak il‑jum, u b’hekk jippreservaw maħfra ta’ dnubiethom; u kienu mimlijin b’ferħ mill‑aktar kbir minħabba l‑qawmien tal‑mejtin, skont ir‑rieda u l‑qawwa u l‑ħelsien ta’ Ġesù Kristu mill‑irbit tal‑mewt.

15 U issa ġara li Alma, li ra b’għajnejh it‑tbatija tad‑dixxipli umli ta’ Alla, u l‑persekuzzjoni li għabbewhom biha l‑kumplament ta’ niesu, u li seta’ jara l‑inugwaljanza tagħhom, beda jitnikket bil‑kbir; madankollu l‑Ispirtu tal‑Mulej ma abbandunahx.

16 U huwa għażel raġel għaref minn fost il‑presbiteri tal‑knisja, u tah is‑setgħa skont leħen il‑poplu, li hu seta’ jkollu s‑setgħa li jippromulga liġijiet skont il‑liġijiet li ngħataw, u jinforzahom skont il‑ħażen u r‑reati tal‑poplu.

17 Issa dan ir‑raġel kien jismu Nefija, u hu ġie maħtur prim imħallef; u poġġa fuq is‑siġġu tat‑tribunal biex jagħmel ħaqq min‑nies u jiggverna fuqhom.

18 Issa lilu Alma ma tahx il‑kariga li jkun qassis il‑kbir fuq il‑knisja, iżda l‑kariga ta’ qassis il‑kbir żammha f’idejh; iżda huwa għadda s‑siġġu tat‑tribunal f’idejn Nefija.

19 U dan għamlu biex huwa stess ikun jista’ jmur fost il‑poplu tiegħu, jew fost il‑poplu ta’ Nefi, ħalli jkun jista’ jxandrilhom il‑kelma ta’ Alla, biex iħeġġiġhom ħalli jiftakru fi dmirhom, u ħalli jkun jista’ jnaqqas, permezz tal‑kelma ta’ Alla, il‑kburija kollha u l‑qerq kollu u t‑tilwim kollu li kien hemm fost il‑poplu tiegħu, għax ma seta’ jara l‑ebda mod ieħor kif seta’ jirriformahom ħlief billi jinforza ix‑xhieda safja kontrihom.

20 U b’hekk fil‑bidu tad‑disa’ sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Alma għadda s‑siġġu tat‑tribunal f’idejn Nefija, u ddedika lilu nnifsu kompletament għas‑saċerdozju l‑kbir tal‑ordni mqaddsa ta’ Alla, għat‑testimonjanza tal‑kelma, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u l‑profezija.