Skrittura
Alma 10


Kapitlu 10

Leħi ġej min‑nisel ta’ Manassi—Amuleki jitkellem dwar il‑kmand tal‑anġlu biex jieħu ħsieb Alma—It‑talb tat‑twajbin iwassal biex il‑poplu ma jinqeridx—Avukati u mħallfin ħżiena jħejju l‑pedament tal‑qerda tal‑poplu. Madwar 82 Q.K.

1 Issa dan hu l‑kliem li Amuleki xandar lin‑nies li kienu fl‑art ta’ Għammoniha, fejn qal:

2 Jiena Amuleki; jien iben Giddona, li kien iben Ismagħel, li ġej min‑nisel ta’ Għaminadi; u kien l‑istess Għaminadi li interpreta l‑kitba li kien hemm fuq il‑ħajt tat‑tempju, li ġiet miktuba b’saba’ Alla.

3 U Għaminadi kien ġej min‑nisel ta’ Nefi, li kien bin Leħi, li kien telaq mill‑art ta’ Ġerusalemm, li kien ġej min‑nisel ta’ Manassi, li kien bin Ġużeppi li ġie mibjugħ fl‑Eġittu minn idejn ħutu.

4 U araw, jiena wkoll bniedem li l‑fama tiegħi mhijiex żgħira fost dawk kollha li jafuni; iva, u araw, jien għandi bosta qraba u ħbieb, u jiena ksibt ukoll ġid kbir bis‑saħħa ta’ bżuliti.

5 Madankollu, wara kollox, jiena qatt ma stajt nagħraf ħafna mit‑triqat tal‑Mulej, u l‑misteri u l‑qawwa tal‑għaġeb tiegħu. Jien għidt li jiena qatt ma stajt nagħraf ħafna minn dawn il‑ħwejjeġ; iżda araw, jiena żbaljat, għax jien għaraft bosta mill‑misteri tiegħu u l‑qawwa tal‑għaġeb tiegħu; iva, anke fil‑priżervazzjoni tal‑ħajja ta’ dan il‑poplu.

6 Madankollu, jien webbist qalbi, għax ġejt imsejjaħ bosta drabi u ma ridtx nisma’; għalhekk jiena kont naf dwar dawn il‑ħwejjeġ, madankollu ma għarafthomx; għalhekk jiena komplejt neħodha kontra Alla, fil‑ħżunija ta’ qalbi, sewwasew sar‑raba’ jum ta’ dan is‑seba’ xahar, li huwa fl‑għaxar sena tas‑saltna tal‑imħallfin.

7 Hekk kif kont sejjer biex nara wieħed mill‑eqreb qraba tiegħi, araw deherli anġlu tal‑Mulej u qalli: Amuleki, erġa’ lura lejn darek, għax inti sejjer titma’ profeta tal‑Mulej; iva, raġel qaddis, li hu bniedem magħżul minn Alla; għax huwa għadda bosta jiem isum minħabba d‑dnubiet ta’ dan il‑poplu, u hu jinsab bil‑ġuħ, u inti għandek tilqgħu f’darek u titimgħu, u hu sejjer ibierek lilek u lil darek; u l‑barka tal‑Mulej se tinżel fuqek u fuq darek.

8 U ġara li jiena smajt minn leħen l‑anġlu, u erġajt lura lejn dari. U hekk kif kont fi triqti ltqajt mar‑raġel li rrefera għalih l‑anġlu meta qalli: Int għandek tilqgħu f’darek—u araw dan kien l‑istess raġel li beda jkellem lilkom dwar il‑ħwejjeġ ta’ Alla.

9 U l‑anġlu qalli li hu raġel qaddis; għalhekk jiena naf li hu raġel qaddis għaliex anġlu ta’ Alla qalli dan.

10 U jiena naf ukoll li l‑ħwejjeġ li huwa xehed dwarhom huma vera; għax araw jien ngħidilkom, li daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, l‑istess huwa bagħat l‑anġlu tiegħu biex jiżvelali dawn il‑ħwejjeġ; u dan huwa għamel waqt li dan Alma kien qed jgħammar f’dari.

11 Għax araw, huwa bierek dari, hu bierek lili, u lin‑nisa tiegħi, u lil uliedi, u lil missieri u lil qrabati; iva, sewwasew niesi kollha ġew imberkin, u l‑barka tal‑Mulej niżlet fuqna skont il‑kliem li huwa qal.

12 U issa, meta Amuleki qal dan il‑kliem in‑nies bdew jistagħġbu, fejn bdew jaraw li kien hemm aktar minn xhud wieħed li xehed dwar il‑ħwejjeġ li ġew mixlija bihom, kif ukoll dwar il‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu, skont l‑ispirtu tal‑profezija li kien jinsab fihom.

13 Madankollu, kien hemm xi wħud fosthom li ħasbu biex jinterrogawhom, li permezz tal‑komplotti qarrieqa tagħhom forsi setgħu jsibu dwar xiex jixluhom, ħalli jkunu jistgħu jagħtuhom f’idejn l‑imħallfin tagħhom biex huma jkunu jistgħu jagħmlu ħaqq minnhom skont il‑liġi, u ħalli jkunu jistgħu jinqatlu jew jinxteħtu f’ħabs, skont ir‑reat li jagħmluh jidher bħallikieku evidenza biżżejjed li tinkriminahom.

14 Issa dawn kienu l‑irġiel li ppruvaw jeqirduhom, li kienu avukati, li ġew imqabbda jew maħtura min‑nies biex jamministraw il‑liġi meta xi ħadd fosthom ikun se jgħaddi ġuri jew waqt il‑ġuri tar‑reati tan‑nies quddiem l‑imħallfin.

15 Issa dawn l‑avukati kellhom għarfien kbir tal‑qerq u l‑makakkerija tan‑nies; u dan biex ikunu jistgħu jibbrillaw fil‑professjoni tagħhom.

16 U ġara li huma bdew jinterrogaw lil Amuleki, biex forsi jkunu jistgħu jaqbduh f’xi kelma, jew biex forsi jikkontradixxi kliemu.

17 Issa huma ma kinux jafu li Amuleki seta’ jagħraf x’kienu l‑intenzjonijiet tagħhom. Iżda ġara li hekk kif bdew jinterrogawh, hu għaraf x’kienu ħsibijiethom, u qalilhom: O nisel ħażin u mħawwad, intom l‑avukati u l‑ipokriti, intom li qegħdin tħejju l‑pedament tax‑xitan; intom li qed tħejju n‑nases u x‑xbiek biex taqbdu lill‑qaddisin ta’ Alla.

18 Intom li qed tħejju ċerti pjanijiet biex tgħawwġu t‑triqat tal‑ġusti u ġġibu fuqkom il‑korla ta’ Alla, sewwasew sal‑qerda sħiħa ta’ dan il‑poplu.

19 Iva, sew kien qal Mosija, li kien l‑aħħar sultan tagħna, meta kien lest biex iċedi s‑saltna, fejn ma kellu lil ħadd lil min jgħaddiha, u wassal biex dan il‑poplu jiġi mmexxi skont l‑għażla tiegħu—iva, sew kien qal li jekk jasal żmien meta leħen dal‑poplu jagħżel il‑ħażen, jiġifieri, jekk jasal żmien meta dan il‑poplu jaqa’ fit‑trasgressjoni, huma jkunu lesti għall‑qerda.

20 U issa jien ngħidilkom li l‑Mulej se jagħmel ħaqq minn ħżunitkom b’ġustizzja; huwa b’hekk li huwa ddikjara ma’ dan il‑poplu, permezz ta’ leħen l‑anġli tiegħu: Indmu, indmu, għax is‑saltna tas‑smewwiet tinsab fil‑qrib.

21 Iva, sew kien iddikjara, permezz ta’ leħen l‑anġli tiegħu li: jiena se ninżel qalb il‑poplu tiegħi, bis‑sewwa u l‑ġustizzja f’idejja.

22 Iva, u jien ngħidilkom li kieku ma kienx għat‑talb tal‑ġusti, li issa jinsabu f’din l‑art, kieku intom anke issa kontu tintlaqtu minn qerda sħiħa; madankollu dan ma jseħħx permezz tal‑għargħar, kif ġralhom in‑nies ta’ żmien Noè, iżda jseħħ permezz tal‑ġuħ, u tal‑pesta, u tax‑xabla.

23 Iżda minħabba t‑talb tal‑ġusti intom ħlistuha; issa għalhekk, jekk intom tkeċċu lill‑ġusti minn ġo nofskom il‑Mulej ma jkomplix iżomm idu fuqkom; iżda fil‑qilla tar‑rabja tiegħu huwa jeħodha kontrikom; imbagħad intom tintlaqtu mill‑ġuħ, u mill‑pesta, u mix‑xabla; u ż‑żmien jinsab fil‑qrib jekk intom ma tindmux.

24 U issa ġara li l‑poplu nkorla aktar għal Amuleki, u huma għajtu, u qalu: Dan ir‑raġel qed iżeblaħ il‑liġijiet tagħna li huma ġusti, kif ukoll lill‑avukati għorrief tagħna li aħna għażilna.

25 Iżda Amuleki medd idu, u għajjat b’aktar qawwa u qal: O nisel ħażin u mħawwad, għaliex Satana ħakem qalbkom daqstant? Għaliex toffru ruħkom lilu ħalli hu jkun jista’ jkollu daqstant qawwa fuqkom, fejn għajnejkom ma jibqgħux jaraw aktar, ħalli ma tkunux tistgħu tifhmu l‑kliem li jintqal, skont il‑verità ta’ dak il‑kliem?

26 Għax araw, jiena qatt tajt xi xhieda kontra l‑liġi tagħkom? Intom m’intomx tifhmu; intom tgħidu li jien tkellimt kontra l‑liġi tagħkom; imma jien m’għamiltx dan, iżda tkellimt favur il‑liġi tagħkom, li tikkundannakom.

27 U issa araw, jien ngħidilkom, li l‑pedament tal‑qerda ta’ dan il‑poplu beda jitħejja permezz tal‑ħażen tal‑avukati tagħkom u l‑imħallfin tagħkom.

28 U issa ġara li meta Amuleki qal dan il‑kliem in‑nies ħaduha kontrih u qalu: Issa aħna nafu li dan ir‑raġel huwa bin ix‑xitan, għax huwa gideb magħna; għaliex hu tkellem kontra l‑liġi tagħna. U issa qed jgħid li huwa ma tkellimx kontriha.

29 U huwa żeblaħ ukoll lill‑avukat tagħna, u lill‑imħallfin tagħna.

30 U ġara li l‑avukati daħħluha f’moħħhom li kienu se jibqgħu jiftakru dawn il‑ħwejjeġ kontrih.

31 U kien hemm wieħed fosthom li kien jismu Żeżrom. Issa huwa kien l‑ewwel wieħed li beda jakkuża lil Amuleki u lil Alma, hu li kien wieħed mill‑aktar nies kapaċi fosthom, peress li kien jagħmel ħafna negozju fost il‑poplu.

32 Issa l‑għan ta’ dawn l‑avukati kien li jakkwistaw; u huwa akkwistaw skont ħidmiethom.