Skrittura
Moroni 7


Kapitlu 7

Il-bnedmin jiġu mistiedna sabiex jesperjenzaw il-mistrieħ tal-Mulej—Itolbu b’intenzjoni ġenwina—L-Ispirtu ta’ Kristu jgħin lin-nies jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin—Satana jipperswadi lin-nies biex jiċħdu lil Kristu u jagħmlu l-ħażen—Il-profeti jiżvelaw il-miġja ta’ Kristu—Permezz tal-fidi, jitwettqu l-mirakli u jseħħ il-qadi tal-anġli—Il-bnedmin għandhom jittamaw għall-ħajja ta’ dejjem u jħaddnu l-karità. Madwar A.D. 401–421.

1 U issa, jiena, Moroni, se nikteb ftit mill-kliem li missieri Mormon, qal dwar il-fidi, it-tama, u l-karità; għax dan hu l-mod li bih huwa kellem lin-nies, hekk kif hu għallimhom fis-sinagoga li huma bnew bħala post ta’ qima.

2 U issa jiena, Mormon, se nkellem lilkom, għeżież ħuti; u huwa bil-grazzja ta’ Alla l-Missier, u ta’ Sidna Ġesù Kristu, u permezz tar-rieda mqaddsa tiegħu, minħabba d-don tas-sejħa li hu għamilli, li jiena nista’ nkellimkom bħalissa.

3 Għalhekk, jiena se nkellem lilkom li tagħmlu parti mill-knisja, intom id-dixxipli ta’ Kristu li tħobbu l-paċi, u li ksibtu biżżejjed tama biex permezz tagħha tistgħu tiksbu l-mistrieħ tal-Mulej, minn issa ’l quddiem, sakemm miegħu tkunu tistgħu tistrieħu fis-smewwiet.

4 U issa ħuti, jiena wasalt għal din il-konklużjoni dwarkom minħabba l-mixja ta’ paċi li intom imxejtu ma’ wlied il-bnedmin.

5 Għax jien niftakar fil-kelma ta’ Alla li tgħid li minn għemilhom tagħrafhom; għax jekk għemilhom ikun tajjeb, mela huma tajbin ukoll.

6 Għax araw, Alla kien qal li bniedem ħażin ma jistax jagħmel dak li hu tajjeb; għax jekk huwa joffri xi rigal, jew jitlob lil Alla, jekk huwa ma jagħmilx dan b’intenzjoni ġenwina ma jkun jiswielu xejn.

7 Għax araw, dak li jagħmel ma jgħoddlux bħala għemil tajjeb.

8 Għax araw, jekk bniedem ħażin jagħti rigal, huwa ma jagħtihx minn qalbu; għalhekk jgħoddlu bħallikieku huwa żamm ir-rigal għalih; għalhekk huwa jitqies bħala ħażin quddiem Alla.

9 U l-istess ukoll jitqies ħażin għall-bniedem jekk huwa jitlob mingħajr intenzjoni ġenwina f’qalbu; iva, u ma jkun jiswielu xejn, għax Alla ma jaċċettax dan it-tip ta’ nies.

10 Għalhekk, bniedem ħażin ma jistax jagħmel dak li hu tajjeb; lanqas ma jagħti rigal tajjeb.

11 Għax araw, għajn morra ma tistax tagħtik ilma tajjeb; l-istess kif għajn tajba ma tistax tagħtik ilma morr; għalhekk, min hu qaddej tax-xitan ma jistax jimxi wara Kristu; u jekk huwa jimxi wara Kristu ma jistax ikun qaddej tax-xitan.

12 Għalhekk, kull ħaġa tajba ġejja minn Alla; u dak li hu ħażin ġej mix-xitan; għax ix-xitan huwa għadu ta’ Alla, u l-ħin kollu jiġġieled kontrih, u huwa jistieden u jħeġġeġ lill-bniedem biex jidneb, u biex jagħmel il-ħin kollu dak li hu ħażin.

13 Iżda araw, dak li ġej minn Alla jistieden u jħeġġeġ lill-bniedem biex jagħmel it-tajjeb il-ħin kollu; għalhekk, kull ħaġa li tistedinna u tħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb, u nħobbu ’l Alla, u naqduh, hija spirata minn Alla.

14 Għalhekk, agħtu widen, għeżież ħuti, li ma tiġġudikawx dak li hu ħażin bħallikieku ġej minn Alla, jew dak li hu tajjeb u ġej minn Alla bħallikieku ġej mix-xitan.

15 Għax araw, ħuti, lilkom jingħata li tkunu kapaċi tiġġudikaw, biex tkunu tistgħu tagħrfu t-tajjeb mill-ħażin; u l-mod kif għandkom tiġġudikaw huwa mill-aktar ċar, ħalli intom tkunu tistgħu tagħrfuhom b’għarfien perfett, kif wieħed jista’ jagħraf id-dawl tal-jum mid-dalma tal-lejl.

16 Għax araw, l-Ispirtu ta’ Kristu jingħata lil kull bniedem, sabiex huwa jkun jista’ jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għalhekk, jiena nurikom kif għandkom tiġġudikaw; għax dak kollu li jistedinkom biex tagħmlu t-tajjeb, u li jipperswadikom biex temmnu fi Kristu, jasal għandkom bil-qawwa u d-don ta’ Kristu; għalhekk intom tistgħu tkunu tafu b’għarfien perfett li ġej minn Alla.

17 Iżda kull ħaġa li tipperswadi lin-nies biex jagħmlu l-ħażin, u ma jemmnux fi Kristu, u jiċħduh, u ma jaqdux lil Alla, f’dak il-każ intom tkunu tistgħu tagħrfu b’għarfien perfett li ġejja mix-xitan; għax dan huwa l-mod li bih jaħdem ix-xitan, għax huwa ma jipperswadi lil ebda bniedem biex jagħmel it-tajjeb, le, anqas biss wieħed; u l-istess l-anġli tiegħu; u l-istess dawk li jissottomettu rwieħhom lejh.

18 U issa, ħuti, issa li tafu li intom kapaċi tagħrfu d-dawl li permezz tiegħu tistgħu tiġġudikaw, liema dawl huwa d-dawl ta’ Kristu, araw li ma tiġġudikawx b’mod żbaljat; għax bl-istess mod li intom tiġġudikaw tiġu wkoll iġġudikati.

19 Għalhekk, nitlobkom, ħuti, biex permezz tad-dawl ta’ Kristu tfittxu sewwa ħalli tkunu tistgħu tagħrfu t-tajjeb mill-ħażin; u jekk intom tħaddnu kull ħaġa tajba, u lilha ma tikkundannawx, m’hemmx dubju li intom tkunu wlied Kristu.

20 U issa, ħuti, kif jista’ jkun li intom iżżommu sod ma’ kull ħaġa tajba?

21 U issa se nitkellem dwar dik il-fidi, li għidt li se nitkellem dwarha; u se ngħidilkom dwar kif intom tistgħu żżommu sod ma’ kull ħaġa tajba.

22 Għax araw, Alla jaf kollox, għaliex huwa minn dejjem għal dejjem, araw, huwa bagħat l-anġli biex jaqdu lil ulied il-bnedmin, biex jiżvelaw ħwejjeġ li huma relatati mal-miġja ta’ Kristu; u kull ħaġa tajba tiksbuha permezz ta’ Kristu.

23 U Alla ħabbar ukoll lill-profeti, permezz ta’ fommu, li Kristu għandu jiġi.

24 U araw, huwa żvela ħwejjeġ tajbin lil ulied il-bnedmin b’diversi modi; u kull ħaġa tajba ġejja minn Kristu; altrimenti l-bnedmin kienu jispiċċaw jintilfu, u huma ma kienu jiksbu l-ebda ħaġa tajba.

25 Għalhekk, permezz tal-qadi tal-anġli, u permezz ta’ kull kelma li toħroġ minn fomm Alla, il-bnedmin bdew jeżerċitaw il-fidi fi Kristu; u għalhekk permezz tal-fidi, huma żammew sod ma’ kull ħaġa tajba; u komplew jagħmlu dan sal-miġja ta’ Kristu.

26 U wara li huwa ġie l-bnedmin kisbu s-salvazzjoni permezz tal-fidi f’ismu; u permezz tal-fidi, huma saru wlied Alla. U daqs kemm hu ħaj Kristu huwa qal dan il-kliem lil missirijietna fejn qalilhom: Kull ma titolbu lil Missieri f’ismi, li hu tajjeb, u b’fidi temmnu li se tirċevuh, araw, dan jingħatalkom.

27 Allura, għeżież ħuti, il-mirakli waqfu peress li Kristu tela’ fis-smewwiet, u poġġa bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla, biex lill-Missier jitolbu d-drittijiet tiegħu biex ikun jista’ jeżerċita l-ħniena f’isem ulied il-bnedmin?

28 Għaliex huwa ġab fis-seħħ l-għan tal-liġi, u huwa jagħmel tiegħu lil dawk kollha li għandhom il-fidi fih; u dawk li għandhom il-fidi fih iżommu sod ma’ kull ħaġa tajba; għalhekk huwa jiddefendi l-kawża ta’ wlied il-bnedmin; u huwa jgħammar fis-smewwiet għal dejjem.

29 U għax huwa għamel dan, għeżież ħuti, allura l-mirakli waqfu? Araw jiena ngħidilkom, Le; u lanqas l-anġli ma waqfu jaqdu lill-ulied il-bnedmin.

30 Għax araw, huma jissottomettu ruħhom għalih, biex huma jaqdu skont il-kelma tal-kmand tiegħu, u juru lilhom infushom lil dawk ta’ fidi soda u moħħ ferm f’kull għamla ta’ tjieba.

31 U fil-ministeru tagħhom dmirhom hu li jsejħu lin-nies sabiex jindmu, u li jwettqu u jagħmlu l-ħidma meħtieġa permezz tal-patti tal-Missier, li huwa għamel ma’ wlied il-bnedmin, biex iħejju t-triq fost ulied il-bnedmin, billi jħabbru l-kelma ta’ Kristu lil dawk li huma għodda magħżula tal-Mulej, ħalli huma jkunu jistgħu jagħtu xhieda tiegħu.

32 U għax jagħmlu dan, il-Mulej Alla jħejji t-triq biex il-bqija tal-bnedmin ikun jista’ jkollhom il-fidi fi Kristu, ħalli l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jgħammar f’qalbhom, skont il-qawwa tiegħu; u b’dan il-mod il-Missier iġib fis-seħħ il-patti li huwa għamel ma’ wlied il-bnedmin.

33 U Kristu qal: Jekk ikollkom il-fidi fija intom ikollkom il-qawwa li tagħmlu dak kollu li hu xieraq għalija.

34 U huwa qal: Indmu intom kollha minn truf id-dinja, u ejjew għandi, u tgħammdu f’ismi, u araw li jkollkom il-fidi fija, ħalli tkunu tistgħu ssalvaw.

35 U issa, għeżież ħuti, f’każ li l-ħwejjeġ li kellimtkom dwarhom huma vera, u fl-aħħar jum Alla jurikom, b’qawwa u bi glorja kbira, li huma vera, u jekk huma vera, allura żmien il-mirakli għadda?

36 Jew l-anġli m’għadhomx jidhru aktar lil ulied il-bnedmin? Jew huwa żamm lura milli jagħtihom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu? Jew huwa se jżomm lura milli jagħmel dan, sakemm jasal l-aħħar taż-żmien, jew sakemm iddum wieqfa’ d-dinja, jew sakemm fuq wiċċha jkun baqa’ bniedem wieħed xi jsalva?

37 Araw, jiena ngħidilkom, Le; għax hu permezz tal-fidi li jseħħu l-mirakli; u hu permezz tal-fidi li jidhru l-anġli u li huma jaqdu lill-bnedmin; għalhekk, jekk dawn il-ħwejjeġ m’għadhomx aktar, ħażin għalihom ulied il-bnedmin, għax dan hu biss minħabba n-nuqqas ta’ fidi, u kollox għalxejn.

38 Għax ħadd ma jista’ jsalva, skont kliem Kristu, jekk huma ma jkollhomx il-fidi f’ismu; għalhekk, jekk dawn il-ħwejjeġ m’għadhomx aktar, mela l-fidi wkoll m’għadhiex aktar; u l-istat tal-bniedem hu tassew wieħed tal-biża’, għax għalihom bħallikieku ma ġiet fis-seħħ l-ebda fidwa.

39 Iżda araw, għeżież ħuti, fikom jiena nista’ nara ħwejjeġ aħjar, għax minħabba l-ħlewwa tagħkom jien nista’ nara li intom għandkom il-fidi fi Kristu; għax li kieku m’għandkomx il-fidi fih intom ma ħaqqkomx li tingħaddu fost in-nies tal-knisja tiegħu.

40 U jiena se nkellimkom ukoll, għeżież ħuti, dwar it-tama. Kif tistgħu tiksbu l-fidi, jekk l-ewwel ma jkollkomx it-tama?

41 U għalxiex għandkom tittamaw? Araw jiena ngħidilkom li intom għandkom ikollkom it-tama permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu, li intom tiġu mqajmin għall-ħajja ta’ dejjem, u dan minħabba l-fidi tagħkom fih skont il-wegħda.

42 Għalhekk, biex bniedem ikollu l-fidi hu meħtieġ li jkollu t-tama; għax mingħajr fidi ma jista’ jkun hemm l-ebda tama.

43 U araw, jiena ngħidilkom ukoll li hu ma jistax ikollu l-fidi u t-tama, jekk huwa ma jkunx ta’ qalb ħelwa u umli.

44 Għax inkella, il-fidi u t-tama tiegħu jkunu għal xejn, għaliex ħadd mhu aċċettabbli quddiem Alla, għajr dawk ta’ qalb ħelwa u umli; u jekk bniedem hu ta’ qalb ħelwa u umli, u jistqarr bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li Ġesù hu l-Kristu, hu meħtieġ li jkollu fih il-karità; għax jekk m’għandux fih il-karità huwa mhu xejn; għalhekk hu meħtieġ li jkollu fih l-karità.

45 U l-karità taf tistabar u tħenn, u mhijiex għajjura, u ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità, kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

46 Għalhekk, għeżież ħuti, jekk m’għandkomx fikom il-karità, intom m’intom xejn, għaliex il-karità ma tintemm qatt. Għalhekk, araw li tħaddnu l-karità, li hi l-akbar fost kull ħaġ’oħra, għax kollox għad jintemm—

47 Iżda l-karità hija l-imħabba safja ta’ Kristu, u tibqa’ għal dejjem; u jkun tajjeb għalih min jinstab li jippossediha fl-aħħar jum.

48 Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu tistgħu timtlew b’din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex tkunu tistgħu ssiru wlied Alla; ħalli meta huwa jidher aħna nkunu bħalu, għax lilu għad narawh kif inhu tassew; biex aħna jkun jista’ jkollna din it-tama; ħalli nkunu nistgħu nissaffew bħalma hu safi hu. Ammen.